Il-Milied

L-Avventura tal-Milied

Jitwieled Ġesù bambin.

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa 2, 6-7

Ġara li, meta kienu hemm, Marija għalqilha ż-żmien biex teħles, u wildet l-ewwel iben tagħha, fisqietu u medditu f’maxtura, għax ma kienx hemm post għalihom fil-lukanda.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Bl-għajnuna tal-puppets, it-tfal jirrakuntaw il-ġrajja tat-twelid ta’ Ġesù. Ħafna familji jiltaqgħu għand xulxin għall-ikla ta’ nofs in-nhar. Jekk l-ikla ser tkun għandkom, it-tfal jistgħu jirrakuntaw l-istorja, qabel jew wara l-ikel.

Ġesù twieled fl-għar ta’ Betlehem ħafna u ħafna snin ilu. Imma hu jixtieq li jitwieled għandna wkoll. Kif nistgħu nħallu lil Ġesù jitwieled għandna? Ġesù jrid li nħobbu lil xulxin, Ġesù ma jkunx fejn hemm il-ġlied, jew fejn hemm il-gideb. Għalhekk biex inħallu lil Ġesù jitwieled ġewwa fina, irridu naraw li nħobbu lil xulxin, li ngħidu l-verità, li ngħinu lil xulxin, li nkunu ħbieb. 

  1. Għamlu Christingle u wżawha waqt il-ħin ta’ talb matul din il-ġimgħa.
  2. Poġġu ħafna xemgħat madwar il-presepju, itfu d-dawl u fid-dawl tax-xemgħa, kantaw O Lejl tas-Skiet.
  3. Ipprintjaw l-istampa tal-Milied fuq kartonċina u aqtgħu minn fuq il-linji, biex ikollkom puzzle. Għinu lit-tfal jagħmlu l-istampa.
  4. Aqsmu cake u kantaw Happy Birthday lil Ġesù.

L-aqwa mod li tistgħu tiċċelebraw il-Milied, huwa li tmorru flimkien għall-quddiesa, jew ta’ nofs il-lejl (lejliet il-Milied), jew fil-ġurnata tal-Milied. Il-quddiesa hija l-akbar talba li nistgħu ngħidu.

Matul din il-ġimgħa użaw il-Christingle fit-talb tagħkom. 

Ixgħelu x-xemgħa u matul il-ġranet differenti, oħolqu talb madwar is-sinifikat tagħha. Pereżempju:

Ix-xemgħa

Staqsu: Għalfejn Ġesù huwa dawl għalina? Nistgħu aħna nkunu ta’ dawl għal ħaddieħor? (ġenituri huma dawl għal uliedhom meta jgħallmuhom dak li hu tajjeb, it-tfal huma dawl għall-oħrajn meta jkunu ta’ eżempju tajjeb)

  • Ġesù, inti d-dawl tagħna. Inti turina dak li hu tajjeb u dak li hu ħażin. Inti tgħina biex nagħmlu għażliet tajba, anke meta dan ikun diffiċli. Għina biex inkunu tfal bravi u b’hekk aħna wkoll inkunu ta’ dawl għall-oħrajn. Ammen.

Iż-żigarella l-ħamra

Staqsu: Kif nafu li Ġesù jħobbna? (Ġesù sar bniedem bħalna, għallimna kif inkunu nies bravi u tajba, miet fuq is-salib għax iħobbna u biex meta xi darba mmutu, inkunu nistgħu mmorru ħdejh fil-ġenna) Aħna kif nistgħu nħobbu lill-oħrajn? Kif nistgħu nħobbu lil Ġesù? (meta nagħmlu dak li hu tajjeb, inkunu qegħdin inħobbu lil Ġesù)

  • Ġesù, inti tħobbna ħafna. Għallimna biex aħna wkoll inħobbu lill-ġenituri tagħna, lil ħutna, nanniet, zijiet, kuġini u ħbieb. Ġesù nixtiequ nitolbu għal dawk it-tfal li ma għandhom lil ħadd biex iħobbhom. Ġesù, ibgħatilhom nies u ħbieb biex ikollhom lil xi ħadd li jħobbhom ukoll. Grazzi Ġesù.

Il-larinġa

Tafu ssemmu xi pajjiżi oħra tad-dinja, minbarra Malta? Hemm xi pajjiż li tixtieq tmur fih? Għalfejn?

  • Ġesù mhux fil-pajjiżi kollha hawn il-paċi. Nixtiequ nitolbu għal dawn il-pajjiżi, biex tieqaf il-gwerra. Nitolbu għal dawk il-pajjiżi fejn hemm ħafna faqar, biex min għandu l-flus, jgħin lil dawk li huma fqar. Nitolbu għan-nies morda, biex ifiequ; għal min hu waħdu, biex ikollu l-ħbieb… (komplu b’eżempji oħra)

Il-frott/staġuni

Liema hu l-aktar staġun li tħobb? Għalfejn? U l-aktar li jdejqek? Għalfejn?

Liema hu l-aktar frott li tħobb? Għalfejn? U ħelu? Ikel li l-aktar tħobb?

  • Kemm tħobbna Mulej! Tagħtina staġuni differenti biex mhux dejjem ikollna ħafna sħana jew ħafna bard, tatina l-frott biex nieklu u nkunu b’saħħitna. Grazzi Mulej, li inti tagħtina ħafna affarijiet għax tħobbna. Tajtna lill-ġenituri tagħna biex iħobbuna u jieħdu ħsiebna, tajtna aħwa u ħbieb biex nilgħabu magħhom …. (komplu b’eżempji oħra)

Niżżel u pprepara minn hawn taħt: