Qegħdin noqorbu t-tmiem tas-Sena Liturġika. Il-Knisja għandha kalendarju tagħha, li jibda fl-ewwel Ħadd tal-Avvent u jispiċċa bil-festa ta’ Kristu Re. Propju l-Ħadd li ġej, niċċelebraw il-festa ta’ Kristu Sultan tagħna u tal-ħolqien kollu. F’dawn l-aħħar ġranet tas-sena, l-Knisja tpoġġi għar-riflessjoni tagħna qari li jfakkarna li aħna m’aħniex destinati għad-dinja, iżda biex wara din il-ħajja, ngawdu l-eternità ma’ Alla. Madanakollu nafu li din mhijiex xi ħaġa awtomatika, iżda tiddependi fuq kif ngħixu ħajjitna. Il-qari jista’ jaħsadna u jimlina b’tensjoni u qtigħ il-qalb, imma jekk nieqfu ftit, naraw li hu qari li jagħtina ħafna tama. Aħna msejħa biex dejjem nafdaw f’Alla. Aħna konna maħluqa għalih u lura għandu għad irridu imorru. Dan il-qari jħeġġiġna nkomplu bit-tajjeb li qegħdin nagħmlu u nħallu lilu jiggwidana u jifforma l-għażliet tagħna. L-Evanġelju, huwa stedina biex inħarsu lejna nfusna u naraw aħniex qed ngħixu bħala wlied Alla u xhieda tal-imħabba u tal-ħniena tiegħu.
Meta San Luqa kiteb dan l-Evanġelju, kienu qed iseħħu numru ta’ diżastri u ġrajjiet koroh. Għalhekk ħafna kienu qed jaħsbu li kienet waslet l-aħħar tad-dinja. Minn żmien għall-ieħor dejjem ikun hemm xi ħadd jew xi grupp ta’ nies li jbassru li t-tmiem wasal. Iżda bħalma nafu, dak li jkunu bassru, s’issa għadu ma seħħx. Dak li qiegħed jgħidilna Ġesù llum; ħadd ma jaf jew se jkun jaf meta se tispiċċa d-dinja. Fil-verità, għal kull wieħed u waħda minna, l-aħħar tad-dinja huwa l-jum tal-mewt tagħna, li lanqas dan ma nafu meta għad iseħħ. Għalhekk Ġesù, iwissina biex inħejju ruħna.
Jista’ jkun li meta nisimgħu jew naqraw din is-silta dwar “l-art titheżżeż bil-kbir, f’ħafna bnadi jkun hemm il-ġuħ u mard li jittieħed, u fis-sema jidhru ħwejjeġ tal-biża’ u sinjali tal-għaġeb” naħsbu li dan mhux relevanti għalina. Ma rridux nieħdu s-silta letteralment! Min minna qatt ma għadda jew mhux preżentement għaddej minn żmien ta’ diffikultajiet kbar u konflitti? It-tbatija ġġibna għarkubbtejna u bla saħħa. Ġesù qiegħed jistaqsina: “Fejn idduru, lil min tfittxu f’dawn is-sitwazzjonijiet?” Ġesù jridna niftakru li jekk nafdaw fih, m’għandniex għalfejn nitfixklu, “toqogħdux taħsbu minn qabel kif se tiddefendu ruħkom, għax jien nagħtikom kliem u għerf li kull min ikun kontra tagħkom ma jkunx jista’ jiqaflu jew imerih.”
Il-ħajja fi Kristu mhijiex nieqsa minn diffikultajiet jew konflitt. Il-fidi u t-tama f’Alla tgħinna biex niffaċċjaw dawn is-sitwazzjonijiet. Bħala ġenituri, għandkom ukoll id-dmir li tgħinu lit-tfal ipoġġu t-tama tagħhom f’Alla. It-tfal ukoll jiffaċċjaw sitwazzjonijiet diffiċli ma’ sħabhom, fl-istudju, fil-familja, jistgħu wkoll jitħassbu meta jisimgħu dwar mard u ġrajjiet koroh fuq l-aħbarijiet. Bħala adulti, intom tridu tgħinuhom billi trawmu fihom it-twemmin li Alla qiegħed dejjem magħhom, u li qatt ma huma se jkunu waħedhom.