Illum nixgħelu t-tielet xemgħa tal-Girlanda tal-Avvent, ix-xemgħa r-roża. Is-saċerdot, illum jilbes ir-roża, bħalma jagħmel fir-raba’ Ħadd tar-Randan. Ir-roża jirrappreżenta r-rigal ta’ ferħ li nirċievu meta noffru sagrifiċċju b’paċenzja. Illum jissejjaħ Ħadd Gaudete. Din hija kelma mil-Latin li tfisser ‘ifirħu’. Il-quddiesa llum tibda bi kliem San Pawl, “Ifirħu dejjem fil-Mulej; nerġa’ ngħidilkom, ifirħu. Il-Mulej qorob.” (Filippin 4, 4-5) San Pawl iħeġġeġ l-insara jifirħu għax il-Mulej hu fil-qrib. San Pawl qiegħed jitkellem dwar it-tieni miġja ta’ Ġesù, iżda l-Knisja tistedinna wkoll, biex inħarsu lejn Betlehem u l-fatt li qegħdin noqorbu li niċċelebraw it-twelid ta’ Ġesù. Aħna nistennew bit-tama, żguri li t-tieni miġja ta’ Ġesù għad tasal, għax esperjenzajna l-ewwel waħda. Aħna ferħana għax nafu li s-salvazzjoni tagħna hija fil-qrib.
Bħall-ġimgħa l-oħra, l-Evanġelju tal-lum jiffoka fuq Ġwanni l-Battista li kien il-ħabs minħabba li kien jippriedka l-verità u jbassar il-miġja tal-Messija, il-Midluk ta’ Alla. Ġwanni jibgħat messaġġiera għand Ġesù u jistaqsih jekk hu kienx “dak li għandu jiġi,” jew kellhomx jistennew lil xi ħadd ieħor. Dak iż-żmien, il-frażi, “dak li għandu jiġi,” kienet waħda mit-titli għall-Messija. Għal-Lhud ta’ dak iż-żmien, il-miġja tal-Messija kienet konnessa mat-taqlib politiku u ekonomik, u li kellha twassal għal rebħa tal-poplu Lhudi fuq il-ħakkiema Rumani. Ġesù kien “dak li għandu jiġi,” iżda hu kien Messija differenti minn dak li kienu qegħdin jistennew, is-saltna tiegħu ma kinitx la politika u lanqas ekonomika, iżda waħda spiritwali b’valuri differenti minn dawk tad-dinja. Ġesù ma jweġibx il-mistoqsijia tagħhom, b’“iva” jew “le” iżda jitkellem dwar sinjali tas-saltna tiegħu. L-għomja bdew jaraw, it-torox jisimgħu, iz-zopop jimxu u l-mejtin iqumu. Dawn kienu sinjali li kien tkellem dwarhom il-profeta Isaija u Ġesù kien qiegħed iwettaqhom kollha. Ġesù jistieden lil Ġwanni u lilna wkoll biex niddeċiedu. Ġesù jfaħħar lil Ġwanni għax-xogħol li għamel biex iħejji lin-nies biex jilqgħu il-messaġġ tiegħu. Dawk kollha li jaħdmu għas-saltna ta’ Alla jkunu kbar bħalma kien Ġwanni u akbar ukoll. Nistgħu nitgħallmu minn Ġwanni fil-ħabs. Għalkemm emmen li Ġesù kien il-Messija, kellu d-dubji wkoll u ried assigurazzjoni. Xi drabi aħna wkoll ikollna d-dubji dwar il-fidi tagħna, fidi li mhux dejjem hija soda daqskemm nixtiequ. Dan ma jfissirx li għandna naqtgħu qalbna meta t-talba tagħna ma tinstemax. Ġwanni jurina dak li għandna nagħmlu, jiġifieri nduru lejn Ġesù u nistaqsuh biex issaħħaħ il-fidi tagħna, jagħtina l-kuraġġ biex inkunu xhieda fil-familji tagħna. Meta nħarsu madwarna naraw l-id ta’ Alla, speċjalment fil-kliem u azzjonijiet tagħna, u meta nagħmlu dan, inkunu qegħdin ngħinu biex inħejju t-triq għas-saltna ta’ Alla, kif għamel Ġwanni l-Battista.