Min hu Ġesù?

It-Tielet Ħadd tal-Avvent

Illum nixgħelu t-tielet xemgħa tal-Girlanda tal-Avvent, ix-xemgħa r-roża. Is-saċerdot, illum jilbes ir-roża, bħalma jagħmel fir-raba’ Ħadd tar-Randan. Ir-roża jirrappreżenta r-rigal ta’ ferħ li nirċievu meta noffru sagrifiċċju b’paċenzja. Illum jissejjaħ Ħadd Gaudete. Din hija kelma mil-Latin li tfisser ‘ifirħu’. Il-quddiesa llum tibda bi kliem San Pawl, “Ifirħu dejjem fil-Mulej; nerġa’ ngħidilkom, ifirħu. Il-Mulej qorob.” (Filippin 4, 4-5) San Pawl iħeġġeġ l-insara jifirħu għax il-Mulej hu fil-qrib. San Pawl qiegħed jitkellem dwar it-tieni miġja ta’ Ġesù, iżda l-Knisja tistedinna wkoll, biex inħarsu lejn Betlehem u l-fatt li qegħdin noqorbu li niċċelebraw it-twelid ta’ Ġesù. Aħna nistennew bit-tama, żguri li t-tieni miġja ta’ Ġesù għad tasal, għax esperjenzajna l-ewwel waħda. Aħna ferħana għax nafu li s-salvazzjoni tagħna hija fil-qrib.

Bħall-ġimgħa l-oħra, l-Evanġelju tal-lum jiffoka fuq Ġwanni l-Battista li kien il-ħabs minħabba li kien jippriedka l-verità u jbassar il-miġja tal-Messija, il-Midluk ta’ Alla. Ġwanni jibgħat messaġġiera għand Ġesù u jistaqsih jekk hu kienx “dak li għandu jiġi,” jew kellhomx jistennew lil xi ħadd ieħor. Dak iż-żmien, il-frażi, “dak li għandu jiġi,” kienet waħda mit-titli għall-Messija. Għal-Lhud ta’ dak iż-żmien, il-miġja tal-Messija kienet konnessa mat-taqlib politiku u ekonomik, u li kellha twassal għal rebħa tal-poplu Lhudi fuq il-ħakkiema Rumani. Ġesù kien “dak li għandu jiġi,” iżda hu kien Messija differenti minn dak li kienu qegħdin jistennew, is-saltna tiegħu ma kinitx la politika u lanqas ekonomika, iżda waħda spiritwali b’valuri differenti minn dawk tad-dinja. Ġesù ma jweġibx il-mistoqsijia tagħhom, b’“iva” jew “le” iżda jitkellem dwar sinjali tas-saltna tiegħu. L-għomja bdew jaraw, it-torox jisimgħu, iz-zopop jimxu u l-mejtin iqumu. Dawn kienu sinjali li kien tkellem dwarhom il-profeta Isaija u Ġesù kien qiegħed iwettaqhom kollha. Ġesù jistieden lil Ġwanni u lilna wkoll biex niddeċiedu. Ġesù jfaħħar lil Ġwanni għax-xogħol li għamel biex iħejji lin-nies biex jilqgħu il-messaġġ tiegħu. Dawk kollha li jaħdmu għas-saltna ta’ Alla jkunu kbar bħalma kien Ġwanni u akbar ukoll. Nistgħu nitgħallmu minn Ġwanni fil-ħabs. Għalkemm emmen li Ġesù kien il-Messija, kellu d-dubji wkoll u ried assigurazzjoni. Xi drabi aħna wkoll ikollna d-dubji dwar il-fidi tagħna, fidi li mhux dejjem hija soda daqskemm nixtiequ. Dan ma jfissirx li għandna naqtgħu qalbna meta t-talba tagħna ma tinstemax. Ġwanni jurina dak li għandna nagħmlu, jiġifieri nduru lejn Ġesù u nistaqsuh biex issaħħaħ il-fidi tagħna, jagħtina l-kuraġġ biex inkunu xhieda fil-familji tagħna. Meta nħarsu madwarna naraw l-id ta’ Alla, speċjalment fil-kliem u azzjonijiet tagħna, u meta nagħmlu dan, inkunu qegħdin ngħinu biex inħejju t-triq għas-saltna ta’ Alla, kif għamel Ġwanni l-Battista.

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew (Mt 11: 2-11)

F’dak iż-żmien, Ġwanni, li kien fil-ħabs, sama’ bl-għemejjel tal-Messija, u bagħat għandu tnejn mid-dixxipli tiegħu u qallu: “Inti huwa dak li għandu jiġi, jew nistennew lil ħaddieħor?”.

Ġesù wieġeb u qalilhom: “Morru agħtu lil Ġwanni l-aħbar ta’ dak li qegħdin tisimgħu u taraw: l-għomja jaraw, iz-zopop jimxu, il-lebbrużi jfiqu, it-torox jisimgħu, il-mejtin iqumu, l-Evanġelju jixxandar lill-foqra. Hieni hu min ma jitfixkilx minħabba fija”. Meta dawk telqu, Ġesù qabad ikellem lin-nies fuq Ġwanni: “Xi ħriġtu taraw fid-deżert? Qasba tixxejjer mar-riħ? Xi ħriġtu taraw? Raġel liebes fin? Dawk li jilbsu fin fil-palazzi tas-slaten issibhom. Mela xi ħriġtu taraw? Profeta? Iva, ngħidilkom, anzi xi ħaġa iżjed minn profeta. Dan hu li fuqu hemm miktub: “Ara, jiena nibgħat qablek il-ħabbâr tiegħi biex iħejji triqtek quddiemek”. Tassew, ngħidilkom, li fost ulied in-nisa ħadd ma qam akbar minn Ġwanni l-Battista. U b’danakollu l-iżgħar wieħed fis-Saltna tas-Smewwiet hu akbar minnu”.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Istruzzjonijiet u għan

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir aktar familjari miegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personali. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex?
  3. Bħala ġenituri nistgħu faċilment niddubitaw il-preżenza ta’ Alla meta naraw x’qiegħed jiġri madwarna. L-Avvent huwa żmien ta’ tama, fejn nirriflettu dwar is-salvazzjoni permezz ta’ Ġesù Kristu. Inkorraġġixxi lit-tfal tiegħek biex ifittxu sinjali ta’ tama, fejn jaraw lil Alla jaħdem fid-dinja. Uriehom eżempji tat-jieba u mħabba ta’ Alla. 
  4. L-Avvent huwa żmien tajjeb meta aħna nqabblu l-kliem tagħna mal-azzjonijiet tagħna. Bħala familja ppruvaw għinu lil dawk fil-bżonn. Agħtu ikel għall-karità jew għinu billi ssajjru mince pies jew Christmas Logs, biex jingħaw għall-karità, jew agħtuhom lil xi ġirien anzjani. Bħala segwaċi ta’ Ġesù, bħalu, għandna nqabblu l-azzjonijiet tagħna mal-kliem tagħna. 
  5. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ppreparaw:
    i. Bibbja bil-qari minn San Mattew (11, 2-11)
    ii. Xemgħa
    iii. Il-mejda miksija bi drapp vjola
    iv. Computer/laptop bil-qari u clips
  6. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  7. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊

Fl-Evanġelju tal-lum ser nisimgħu lil Ġesù jgħid li hu ġie biex ifejjaq lill-għomja u lill-morda, biex jerġa’ jagħti l-ħajja lill-mejtin u jwassal aħbar tajba lill-fqar.

  • Aħna lkoll parti minn familja waħda, il-familja ta’ Alla, u Alla jistaqsina biex nieħdu ħsieb xulxin, u biex inħobbu lil xulxin
  • Printout tal-qlub
  • Kartonċina
  • Gloj / imqass
  • Lapes / kuluri
  • Spaga / żigarella

Illum huwa t-tielet Ħadd tal-Avvent, nixgħelu x-xemgħa r-roża tal-Girlanda tal-Avvent. Roża huwa simbolu tal-ferħ, li issa qed inħossu, għax dalwaqt wasal il-Milied. Bħall-ġimgħa l-oħra ser jissemma Ġwanni l-Battista. Dan kien qiegħed fil-ħabs u bagħat messaġġ lil Ġesù. Hu xtaq ikun żgur li Ġesù huwa verament il-persuna speċjali li kienu qegħdin jistennew, li hu kien il-Messija. Xtaq ikun jaf jekk kellhox ikomplu jistennew lil xi ħadd ieħor.  Ġesù wieġeb meta qal li hu kien dak li kellu jfejjaq lill-morda u jwassal aħbar tajba lill-fqar. Ġesù semma wħud mill-affarijiet tal-għaġeb li kien qiegħed jagħmel. Hu kien ta d-dawl lill-għomja, liz-zopop tahom il-ħila li jimxu. Nies li kellhom il-lebbra (marda kerha ħafna fil-ġilda) fiequ, it-torox bdew jisimgħu. Il-mejtin qamu mill-mewt. L-aħbar it-tajba ngħatat lill-foqra. Din it-tweġiba tat lil Ġwanni r-risposta li Ġesù kien verament dik il-persuna li kulħadd kien qiegħed jistennieha. 

Xi tfisser li twassal aħbar tajba lill-foqra? Għandkom xi idea ta’ x’tista’ tfisser? Aħna lkoll parti mill-familja ta’ Alla u Alla talabna biex nieħdu ħsieb xulxin, bħalma Ġesù għen lil dawk kollha li kien jitlaqa’ magħhom. Kif nistgħu ngħinu lill-oħrajn, bħall-familja jew ħbieb? Kif nistgħu ngħinu nies li jgħixu pajjiżi oħra, nies li qatt ma ltqajna magħhom? Matul l-Avvent taraw ħafna qfief jew kaxex fil-knejjes, fejn tistgħu tpoġġu ikel għall-fqar. Dan huwa mod kif tistgħu tgħinu lill-oħrajn. Matul din il-ġimgħa, ippruvaw kunu bħal Ġesù u għinu lill-oħrajn. Meta ngħinu lill-oħrajn inkunu qegħdin nimxu fuq l-eżempju ta’ Ġesù. Ejjew nitolbu l-għajnuna ta’ Alla biex ngħixu u nġibu ruħna, aktar bħal Ġesù.

Tistgħu jekk tixtiequ tagħmlu Helping heart mobile. Ippruvaw aħsbu kif tistgħu tgħinu lill-oħrajn, matul din il-ġimgħa. Jista’ jkun tagħtu ikel għall-fqar, jew tgħinu xi membri tal-familja. Ipprintjaw il-qlub, u waħħluhom fuq kartonċina, fuqhom iktbu dawn l-ideat li jkollkom. Żejnu l-qlub, tistgħu tagħtuhom il-kulur u twaħħlu stickers. Waħħlu l-qlub ma’ żigarella, u dendluhom fil-kamra tas-sodda. L-ewwel qalb tista’ tkun wiċċ daħkan, biex tfakkarna nġibu ruħna b’ferħ meta nkunu mal-oħrajn.

Isimgħu s-song, My God is powerful.

Radd tas-salib

Alla li inti kollok tama, inti bagħat lil Ibnek Ġesù biex ifejjaq lill-morda, iqajjem lill-mejtin mill-mewt u jwassal aħbar tajba lill-foqra. Għinna biex aħna nkunu aħbar tajba ma’ kulmin niltaqgħu, biex b’hekk in-nies ta’ madwar id-dinja kollha, isiru jafuk. AmmenGħażiż Ġesù, jien irrid nipprepara lil qalbi għalik. Għinni, sabiex sal-Milied, jien ikolli qalbi mimlija b’affarijiet sbieħ li nkun għamilt u li jogħġbu lilek. Ammen.

Fl-Evanġelju tal-lum, Ġesù għid li Ġwanni l-Battista kien profeta u messaġġier. Profeta huwa xi ħadd li jwassal il-verità dwar Alla. Ġwanni ħejja t-triq għal Ġesù. Hu qal lin-nies li kien ser jiġi salvatur, il-Messija u li huma kellhom jindmu u ma jibqgħux jagħmlu d-dnub.

  • Ġwanni l-Battista kien messaġġier li ħejja lid-dinja għall-miġja ta’ Ġesù
  • Il-vera raġuni ta’ ferħ hija, li s-salvazzjoni ta’ Kristu Ġesù hi fil-qrib
  • Printout tal-istory cube
  • Kartonċina
  • Imqass / gloj
  • Kuluri  u lapes

Tradizzjonalment it-tielet Ħadd tal-Avvent jissejjaħ Ħadd Gaudete, u nixgħelu x-xemgħa roża tal-Girlanda tal-Avvent. Gaudete hija kelma bil-latin li tfisser ifirħu. Aħna qegħdin noqorbu lejn it-twelid ta’ Ġesù u d-dawl issa qiegħed jiżdied għax hemm tliet xemgħat mixgħula. Il-messaġġ ta’ Ġesù ser iwasslilna ferħ u salvazzjoni.

Fl-Evanġelju tal-lum, Ġesù jgħallimna li għandna raġuni għalfejn għandna nifirħu. Meta d-dixxipli ta’ Ġwanni, staqsew lil Ġesù, jekk Hu kienx dak li kienu qegħdin jistennew, il-Messija, Ġesù wieġeb billi semmielhom dak li kien qiegħed jagħmel. Dawn kienu sinjali li s-Saltna ta’ Alla kienet qed titwassal permezz tiegħu. Ġesù ġab il-fejqan u l-ħajja, meta fejjaq lill-morda u qajjem lill-mejtin. Hu wassal aħbar tajba lill-fqar u l-messaġġ tiegħu huwa ta’ ħniena u tama. Dawn is-sinjali juruna kemm iħobbna Alla u jekk nemmnu fih, aħna nirċievu ferħ li jibqa’ għal dejjem. Ġesù għandu l-qawwa li jsalvana, din hija r-raġuni tal-ferħ tagħna. L-Evanġelju jgħallimna wkoll xi ħaġa dwar Ġwanni l-Battista. Hu kien profeta, messaġġier mibgħut minn Alla. Hu kien profeta speċjali. Hu ħejja lin-nies għall-miġja ta’ Ġesù. Hu qal lin-nies biex ibiddlu ħajjithom u jiċħdu d-dnub. Kellhom jagħrfu l-ħażin li għamlu u jagħmlu dak li hu tajjeb fil-futur. 

Għalfejn taħsbu li llum għandna nifirħu? Nifirħu għax nistgħu naraw lil Alla jaħdem madwarna, fid-dinja kollha. Ftakru li Alla huwa preżenti anke f’affarijiet żgħar bħal meta xi ħadd ikollu qalbu tajba jew jitbissem lil xi ħadd. Forsi xi ħadd jaqsam il-lunch tiegħu miegħek, inkellha jagħtik xi rigal li ma kontx qed tistenna. Jista’ jkun li toħroġ ix-xemx meta tkunu sejrin picnic, inkella tara qawsalla fis-sema. Attijiet żgħar ta’ ħniena jwasslu għal aktar azzjonijiet tajba. Dawn huma s-sinjali li juru li Alla qiegħed jaħdem fid-dinja tal-lum. Għalhekk nifirħu u nirringrazzjaw lil Alla għall-ġid kollu li jagħtina, speċjalment għal dak li għamel Ġesù. 

Biex tiftakar l-affarijiet tajba li għamel Ġesù u li ssemmew fl-Evanġelju tal-lum, tistgħu tagħmlu Story Cube. Ipprintjaw l-attività tal-lum u qabel ma taqtgħuha, fuq kull naħa, pinġu xi mirakli li semma’ Ġesù. Agħtu l-kulur u waħħluha fuq kartonċina. Meta tinxef, aqtgħuha u itwuwha biex tifforma kaxxa, użaw il-gloj biex ma tinfetaħx. Żommuha fil-kamra tas-sodda tagħhom. Isimgħu s-song, My God is powerful.

Inroddu s-salib

Għażiż Alla, aħna nifirħu u nirringrazzjawk tas-salvazzjoni li rċevejna permezz ta’ Ibnek Kristu Ġesù. Nitolbu li n-nies kollha jagħrfu dan il-ferħ ta’ salvazzjoni b’Ġesù. Aħna nirringrazzjawk ta’ dak li tibqa’ tagħmel fid-dinja kollha. Ammen.

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.