Bħalissa qegħdin fiż-żmien hekk imsejjaħ Ordinarju. Fis-sena liturġika, hemm żewġ perjodi ta’ Żmien Ordinarju, dak ta’ bejn Żmien il-Milied u r-Randan u l-ieħor jibda wara Żmien il-Għid u jwassal sal-aħħar tas-Sena Liturġika u l-festa ta’ Kristu Sultan. L-isem ordinarju huwa ferm addattat minħabba li f’dan iż-żmien nisimgħu dwar it-tagħlim ta’ Ġesù u kif dan effettwa lin-nies fil-ħajja tagħhom ordinarja u ta’ kuljum, u kif qiegħed jeffettwa lilna fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.
X’nisimgħu fl-Evanġelju tal-lum? Naraw lil Ġesù jiltaqa’ ma’ erbat irġiel jagħmlu xogħolhom. Huma kienu sajjieda. Kienu qed jagħmlu dak li jagħmlu ta’ kuljum. Iżda Ġesù sejħilhom u minn dak il-ħin il-ħajja tagħhom tinbidel f’waħda straordinarja. Bħalissa qegħdin nisimgħu mill-Evanġelju skont San Mattew. San Mattew kiteb l-aktar għal-Lhud li kienu qegħdin jistennew il-miġja tal-Messija. Kienu jafu x’kien hemm miktub fil-kotba sagri, huma kienu jafuhom sew, għalhekk San Mattew jikkwota lil Isaija biex juri li dak li kien qal żmien qabel, kien qiegħed iseħħ f’Ġesù.
Kien żmien meta kienet użanza li Rabbi (mgħallem) isejjaħ nies biex jgħallimhom. Dan ma kienx jagħżel kif ġie ġie, imma kien jagħżel minn dawk li kienu ta’ skola. Ġesù, iżda, jagħmel eżatt l-oppost. Hu jsejjaħ sajjieda, li ma humiex magħrufa għall-intelliġenza tagħhom! B’hekk Ġesù qiegħed jurina ċar ħafna, li aħna lkoll, aħna min aħna, aħna msejħa biex nimxu warajh. Huwa hu dak li se jkeċċi d-dlam mill-ħajja tagħna u jagħtina d-dawl.
Taħsbu li kienet faċli li Pietru, Indri, Ġakbu u Ġwanni sabuha faċli li jitilqu x-xogħol tagħhom u jmorru wara Ġesù? Kienu jafu x’qed jistenniehom? Jista’ jkun li huma kienu semgħu dwar Ġesù. Forsi kellhom kurżità u xtaqu jsiru jafuh aktar. Kieket x’kienet ir-raġuni, ladarba bdew il-mixja tagħhom wara Ġesù, nafu li huma baqgħu miegħu, bid-dgħufijiet u nuqqas ta’ fidi tagħhom. Aktar ma saru jafu lil Ġesù, aktar saru bħalu. Dan kollu ħa ż-żmien u ħafna sagrifiċċji. Biex saru “sajjieda tal-bnedmin,” huma kellhom jiċċaħħdu mhux biss mix-xogħol tagħhom, iżda wkoll mill-familja u mill-ħbieb.
Din is-sejħa li Ġesù għamel lil dawn l-erbat irġiel, jagħmilha lilna wkoll. Ġesù mhux qiegħed jistenna li nitilqu x-xogħol jew lill-familja tagħna, għalkemm dawn it-tip ta’ sejħiet għadhom iseħħu wkoll. Li jrid Ġesù huwa l-istess impenn li kellhom dawn l-ewwel dixxipli. Minn dik is-sejħa u mill-aċċettazzjoni tagħhom, Ġesù sar il-fulkru tal-ħajja tagħhom, kuljum u kull ħin. Nafu li kien hemm ħinijiet meta huma għamlu żbalji u għażliet ħżiena, iżda wara nidmu. U aħna xejn anqas. Għalkemm nagħmlu l-almu tagħna biex nimxu wara Ġesù u ngħixu skont ir-rieda tiegħu, hemm drabi meta nfallu. Iżda fil-ħniena tiegħu Ġesù tana s-sagrament tal-qrar, biex nerġgħu niksbu l-grazzja li nitilfu bid-dnub.