San Tumas Appostlu huwa magħruf bħala dak li jiddubita. Huwa magħruf ukoll bħala Tumas Didymus, li tfisser tewmi bil-Grieg, imma mhuwiex magħruf min kien it-tewmi tiegħu.
Ma nafu kważi xejn dwar il-ħajja ta’ dan l-Appostlu. Nafu li kien Lhudi u li trabba ġo familja sempliċi ġewwa wieħed mill-irħula tal-Galilija. M’hemm xejn li jindika li kien sajjied u m’hemm l-ebda ħjiel dwar kif ġie imsejjaħ biex ikun wieħed mit-Tnax.
Ismu jissemma bħala wieħed mill-Appostli fl-Evanġelji Sinotiċi (l-Evanħelji skont San Mattew, San Mark u San Luqa), filwaqt li l-personalita’ tiegħu tispikka meta Tumas jissemma fl-Evanġelju skont San Ġwann. Fl-Evanġelju ta’ San Ġwann insibu kliem li ħarġu minn fomm Tumas innifsu fi tlett sitwazzjonijiet differenti, aktar mill-biċċa l-kbira ta’ l-Appostli l-oħra.
Tumas jispikka bħala Appostlu leali ta’ Ġesu’ (Ġw 11:16). Meta Ġesu kien sejjer lura lejn il-Ġudea biex immur għand Lażżru, l-Appostli kienu inċerti minħabba li jekk immur lura setgħet tkun theddida għal ħajja ta’ Ġesu’ minħabba l-aggressjoni ta’ l-awtoritajiet. Kien Tumas li ħeġġeġ l-Appostli l-oħra biex jakkumpanjaw lil Ġesu’ u jekk kien hemm bżonn imutu miegħu! Kien waqt l-Aħħar Ċena (Ġw 14: 1-5) li Tumas bħal student kurjuż, stqarr li ma fehemx fejn Ġesu’ kien sejjer biex jipprepara post għalihom. Tumas irċievha dikjarazzjoni sinifikanti mingħand Ġesu’ innifsu fejn stqarr li ‘Hu it-Triq, Il-Verita u l-Ħajja’
Wara l-Qawmien ta’ Ġesu’ mill-imwiet, Tumas jidher bħala l-Appostlu li inbidel min dak li iddubita għall-Appostlu li għamel stqarrija kbira fid-Divinita ta’ Ġesu’. (Ġw 20: 24-31) Tumas ma riedx jaċċetta dak li qalulu l-Appostli l-oħra li kienu raw il-Mulej irxuxtat; qal li jemmen jekk hu innifsu jara il-marki tal-Passjoni. Ġesu’ tah din l-opportunita’ meta deher lill-Appostli ġimgħa wara fejn minn fomm San Tumas ħarġet id-dikkjarazzjoni “Mulej tiegħi u Alla tiegħi,” Ġesu’ kompla billi qallu “Emmint għax rajt: imberkin dawk li ma jarawx u jemmnu!”
Dak li nafu dwar San Tumas wara Pentekoste huwa ibbażżat fuq it-Tradizzjoni. Huwa mifhum li l-Appostli ftehmu f’liema pajjiżi kienu ser immorru jevanġelizzaw, Tumas intbagħat ixxerred l-Aħbar it-Tajba fil-Partija, Medja u fil-Persja. Huwa mifhum li mar fil-kosta ta’ Mylapore fl-Indja, kien hawnhekk li Tumas sofra l-martirju. Huwa kien ġie midfun f’Mylapore l-Indja, u wara il-fdalijiet tiegħu ittieħdu lejn Ortana fl-Italja.