L-Anġli Kustodji

2 t’Ottubru

L-anġli jeżistu!

Il-kunċett tal-eżistenza tagħhom, li fih innifsu huwa realtà astratta, mhux faċli biex it-tfal jifhmuh. Biex nispjegawilhom din ir-realtà, irridu noqogħdu attenti li ma nippreżentawhomx b’mod li jwassal lit-tfal li jassoċjawhom ma’ ħbieb immaġinarji tat-tfulija jew ma’ xi “fairy”!

L-anġli għandhom rwol importanti fl-Iskrittura. Ħeġġeġ lit-tfal biex jagħmlu lista tal-istejjer kollha li jiftakru mill-Bibbja u li fihom jissemmew l-anġli. Ħarsa ħafifa lejn stampi minn Bibbja tat-tfal tgħinhom jaraw ir-realtà tal-anġli mill-kuntest tal-Evanġelju.

Dawn l-istejjer jinkludu:

  • L-Anġlu Gabrijel iħabbar lil Marija t-twelid ta’ Ġesù,
  • Anġlu messaġġier deher lil Ġużeppi f’ħolma biex jgħidlu li t-Tifel ta’ Marija Hu bin Alla u qallu biex isemmi lit-tifel “Ġesù” u aktar tard ordnalu biex jaħrab lejn l-Eġittu. għax Erodi ried joqtol lit-tifel,
  • L-anġli għandhom rwoli importanti fin-narrattivi tat-Twelid ta’ Kristu: mar-rgħajja u mal-Maġi;
  • L-anġli li dehru lil Ġesù fid-deżert, waqt l-agunija tiegħu fil-Ġetsemani, u fil-mument tal-Qawmien Tiegħu.

L-Anġli Kustodji huma anġli li ntgħażlu biex jaqdu lil Alla b’missjoni speċjali. Huma qatt ma kienu bnedmin li saru anġli; kienu anġli minn dejjem. Alla jaf lil kull wieħed u waħda minna individwalment, u għalhekk Alla jassenja Anġlu Kustodju lil kull persuna biex jiggwidana u jżommna qrib tiegħu u fit-triq it-tajba lejh, filwaqt li jipproteġina mill-ħsara u mill-ħazen.

F’waħda mill-meditazzjonijiet li kien jagħmel ta’ kull filgħodu l-Papa Franġisku f’Santa Marta, hu rrefera għall-Anġlu Kustodju bħala “kumpann tal-vjaġġ.” Il-Papa stqarr li ħafna drabi l-ispirazzjonijiet pożittivi li nesperjenzaw huma “l-vuċi tal-Anġlu Kustodju tagħna.” Ir-rwol tal-Anġlu Kustodju hu li jiggwidana, jipproteġina u jsostnina. Alla jipprovdilna wkoll nies madwarna li jaġixxu magħna bħal Anġlu Kustodju.

Ħeġġeġ lit-tfal jagħmlu lista ta’ dawn in-nies, li jistgħu jkunu:

  • dawk li jieħdu ħsiebna d-dar;
  • qraba tagħna;
  • l-għalliema u l-katekisti;
  • sħabna.

Jekk għandhom ħuthom jew kuġini iżgħar minnhom, ħeġġeġ lit-tfal iġibu ruħhom magħhom bħall-Anġlu Kustodju. Iddiskuti kif jistgħu jagħmlu dan. Isma’ dak li għandhom xi jgħidu.

Waqt il-ħin ta’ talb, issuġġerixxi lit-tfal biex jagħlqu għajnejhom u jimmaġinaw li qed jaraw lill-Anġlu Kustodju tagħhom. X’jixtiequ jgħidulu jew jistaqsuh? Tista’ tħeġġiġhom jitkellmu dwar dan jew sempliċiment jagħmlu dan l-eżerċizzju fil-kwiet. Ġesù jafna individwalment. Għinhom jibnu pediment ta’ relazzjoni personali ma’ Ġesù billi jibdew it-talba b’dan il-mod: “Ġesù, jiena (l-isem tat-tifel/tifla). Jiena naf li inti tafni għax tajtni Anġlu Kustodju biex jieħu ħsiebi.” Ħeġġiġhom ikomplu din it-talba billi jesprimu tifħir u ringrazzjament lil Alla.

Il-ġenituri u dawk li jieħdu ħsieb lit-tfal huma mħeġġa jbierku lit-tfal tagħhom u jitolbu l-protezzjoni tal-Anġlu Kustodju tagħhom fuqhom.

Alla jibgħat Anġlu Kustodju lil kull persuna biex imexxina, iżommna qrib Tiegħu u fuq it-triq it-tajba lejh, filwaqt li jipproteġina mill-ħażen.

Niżżel, printja u pinġi l-istampa t’hawn isfel u wara dendilha fil-kamra tiegħek biex kull filgħodu tiftakar titlob it-talba lill-anġlu kustodju. U tinsiex tibgħatilna ritratt tat-tpinġija tiegħek biex inkunu nistgħu ntellgħuha fuq is-sit!

Kif tuża dan l-ispazju

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż permezz tal-qaddisin tal-Knisja. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet li jistgħu jgħallmuk dwar x'inhi l-qdusija u li jħeġġuk tgħix ħajja dejjem aktar qaddisa.