San Kristofru

25 ta' Lulju

San Kristofru għex fit-tieni jew it-tielet seklu, għalhekk dak li nafu dwaru huwa bbażat fuq stejjer, tradizzjonijiet u leġġendi  li ġew mgħoddija tul iż-żmien. M’hemm xejn ċert dwar ħajtu u mewtu.  Madankollu, skont sorsi storiċi, ma nistgħux niċħdu li kien jeżisti martri magħruf bħala San Kristofru.  Fil-fatt, huwa maħsub li jista’ jkun li oriġinarjament kien jismu Reprobus jew Offerus, iżda spiċċa magħruf bl-isem ta’ Kristoforu – isem li ġej mill-Grieg u jfisser “Dak li jġorr lil Kristu”!

Hekk kif kiber u sar żagħżugħ b’saħħtu u ta’ statura kbira, beda jfittex skop li jistħoqqlu l-lealtà tiegħu. Iddeċieda li, bħala suldat, kellu jservi lill-akbar sultan, u għalhekk daħal fis-servizz tal-ħakkiem ta’ artu. Madankollu, innota li dan il-ħakkiem – li hu kien jemmen li kien b’saħħtu u setgħan – kien juri biża’ malli tissemma l-kelma ‘xitan’. Għalhekk, Kristofru kkonkluda li x-xitan kien aktar setgħan mill-ħakkiem tiegħu, u ddeċieda li jmur iservi lix-xitan! Huwa ngħaqad ma’ grupp ta’ ħallelin li l-kap tagħhom kien isejjaħ lilu nnifsu ‘Xitan’. Iżda meta dan il-kap wera biża’ malli ra Salib, Kristofru kkonkluda li s-Salib kien saħansitra aktar setgħan mix-‘Xitan’.

Għalhekk Kristofru beda jfittex it-tifsira tas-Salib.

Maż-żmien, huwa ltaqa’ ma’ eremita li wasslu biex isir jaf lil Kristu, is-Sultan tas-Saltniet. Huwa sar nisrani u tgħammed. Iżda Kristofru, li kien raġel ta’ statura kbira u dejjem iħossu bil-ġuħ, ma setax iżomm mal-parir tal-eremita li jqatta’ ħajtu fis-sawm u t-talb. Minflok, iddeċieda li jogħġob lil Kristu billi jgħin lill-vjaġġaturi jaqsmu xmara perikoluża, fejn in-nies kienu jipperikolow ħajjithom biex jaqsmuha.

Darba waħda, tifel talab lil Kristofru biex jgħinu jaqsam ix-xmara. Mingħajr ebda eżitazzjoni, huwa refa’ lit-tifel fuq spallejh u beda jġorru biex jaqsmu n-naħa l-oħra. Kien bi sforz kbir li Kristofru rnexxielu jwassal lit-tifel f’post sigur, għax it-tifel beda jidher li qed isir itqal hekk kif hu kien qed jitħabat biex jaqsam ix-xmara, li f’daqqa waħda għolliet il-livell tagħha b’mod perikoluż. Meta Kristofru staqsa lit-tifel għalfejn kien daqshekk tqil, it-tifel biddel id-dehra tiegħu u wera li kien Kristu nnifsu; b’hekk, meta Kristofru kien qed jerfgħu, kien qed jerfa’ wkoll il-piż tad-dinja kollha.

Wara din l-esperjenza, huwa maħsub li Kristofru vvjaġġa biex iwassal il-Bxara t-Tajba, u wasal sa Liċja (it-Turkija tal-lum). Kien proprju hawnhekk li, għall-ħabta tas-sena 251 W.K., Kristofru miet martri wara li rrifjuta li joffri sagrifiċċju lill-Imperatur Deċju. San Kristofru, il-Qaddis Ġgant u dak li refa’ lil Kristu  skont it-tradizzjoni, huwa meqjum bħala wieħed mill-Erbatax-il Qaddis Awżiljarju – jew il-Qaddisin li Jgħinu.

Fil-leġġendi dwar San Kristofru dejjem insibuh bħala dak ‘li refa’ lil Kristu.

Aħna msejħin Insara għax inġorru lil Kristu fi qalbna, sabiex permezz tal-mod kif nitkellmu, inġibu ruħna u nittrattaw lill-oħrajn, inwassluh lil dawk li niltaqgħu magħhom kuljum.

  • Ħeġġeġ lit-tfal biex jaħsbu f’sitwazzjonijiet fil-ħajja ta’ kuljum fejn u kif jistgħu jagħmlu dan.
  • Għin it-tfal biex jagħrfu li meta jiltaqgħu ma’ sitwazzjonijiet diffiċli huwa Ġesu’ Innifsu li jkun lest li jerfgħana fuq spallejh.  Ħallihom jiddeskrivu sitwazzjonijiet fejn ikollhom bżonn li Ġesù biex jerfgħahom fuq spallejh.

San Kristofru sab lil Kristu għax kellu skop f’ħajtu. 

Bħala ġenituri nittamaw li wliedna jkollhom skop f’ħajjithom.  Il-pedament biex jiżviluppaw sens ta’ xi skop f’ħajjithom jibda fi tfulithom billi jkollhom miri żgħar biex jilħqu l-għan mixtieq.

Sforzi żgħar ta’ kuljum jistgħu jinkludu:

  • li toħolqu rutina li jimxu fuqha kuljum
  • Jorganizzaw u jagħtu prijorità dak li jridu jagħmlu
  • Iddiskutu kif jintgħażlu l-prijoritajiet
  • Miri biex jilħqu l-iskola u fl-isport u affarijiet ġodda li jixtiequ jitgħallmu

Ejjew inkomplu nakkumpanjawhom billi nagħmlulhom kuraġġ meta naraw lit-tfal jagħmlu xi ħaġa tajba!

Ħin tat-Talb mal-Familja

San Kristofru huwa meqjus bħala l-qaddis Patrun tal-vjaġġaturi, tas-sewwieqa u tal-pellegrini. Itolbu għal dawk li jaħdmu fis-settur tat-trasport: piloti, kaptani tal-vapuri, xufieri tal-karozzi tal-linja u tal-ferroviji, xufiera tal-vannijiet tal-iskola u tal-ambulanzi, is-sewwieqa fit-toroq per eżempju.

Kantaw:  I’m in the Lord’s Army

Kif tuża dan l-ispazju

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż permezz tal-qaddisin tal-Knisja. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet li jistgħu jgħallmuk dwar x'inhi l-qdusija u li jħeġġuk tgħix ħajja dejjem aktar qaddisa.