Sant Anjeże

21 ta' Jannar

Dak li nafu dwar il-biċċa l-kbira tal-qaddisin u l-martri tal-Knisja bikrija, fir-rigward ta’ ħajjithom huwa bbażat fuq it-tradizzjoni; għalhekk, l-informazzjoni dwarhom għandha t-tendenza li tvarja.

Fil-fatt, dak li nafu dwar Sant’Anjeże ġej minn kitbiet imnaqqxa fil-post fejn hi midfuna – il-post stess fejn sofriet il-martirju.

Bil-Grieg, l-isem ‘Agnes’ ifisser ‘kast’ u bil-Latin ifisser ‘ħaruf’. Huwa maħsub li hija mietet martri fis-sena 304 W.K. u li dak iż-żmien kellha biss 12 jew 13-il sena; dan ifisser li twieldet għall-ħabta tas-sena 291 W.K.

Il-ġenituri ta’ Anjeże kienu nsara ta’ nisel nobbli li fi żmien l-Imperu Ruman, meta l-Imperatur Dijoklezjanu kien qed jippersegwita lill-Insara bil-għan li jeqred il-Kristjaneżmu.  Fil-fatt, fis-sena 303 W.K., flimkien mal-ħakkiem tiegħu Galerju, huwa ordna li jinqerdu l-postijiet kollha tal-qima u l-kotba tal-Insara; fl-istess waqt, l-Insara u b’mod partikolari l-qassisin, kienu jiġu mitfugħa l-ħabs, ittorturati u maqtula bħala martri meta kienu jirrifjutaw li jiċħdu l-fidi Nisranija tagħhom biex jagħtu qima lill-Imperatur.

Jingħad li darba waħda, Prokopju, iben prefett Ruman, ra lil Anjeże sejra lura d-dar u baqa’ mistgħaġeb bis-sbuħija tagħha. Hu ħa grazzja magħha u talabha biex tiżżewwġu.  Biex taċċetta xtralha rigali u wegħedha l-ġid tal-familja tiegħu.  Iżda hi rrifjutatu, u stqarret li Kristu kien l-uniku għarus tagħha.

Meta missier Prokopju sar jaf li kienet nisranija, arrestaha u ressaqha quddiem il-qorti.  Anjeże rrifjutat li taċċetta t-talbiet tal-Imperatur u li tiċħad it-twemmin nisrani tagħha. Waqt li kienet qegħda tiġi ttorturata u suġġetta għal umiljazzjoni bil-għan li jattakkaw il-purità tagħha, it-tradizzjoni tgħid li hi ġiet protetta permezz ta’ intervent Divin.

Fl-aħħar ġiet ikkundannata għall-mewt billi tinħaraq ħajja. Jingħad li meta l-fjammi ma ħakmux ġisimha, uffiċjal żagħżugħ  ħareġ ix-xabla tiegħu u qatgħalha rasha.

Il-fdalijiet tagħha nstabu fil-katakombi u għadhom miżmuma taħt l-artal maġġur fil-knisja ta’ ‘Sant’ Agnese Fuori le mura’ ġewwa Ruma li ġiet mibnija fuq il-post fejn indifnet.

Ma nistgħux niċħdu l-fatt li qed ngħixu f’dinja, għall-ewwel daqqa t’għajn, kollox jgħaddi. Dan japplika b’mod partikolari għas-sesswalità – dik il-karatteristika li tagħmilna rġiel u nisa, u li ngħatatilna minn Alla.

Permezz tal-Bibbja tat-Tfal, fittxu r-rakkont tal-Ħolqien tal-Bniedem (Ġen 1: 27-28), u enfasizza l-fatt li Alla ħalaq lill-bniedem fuq ix-xbieħa Tiegħu.

Skont l-età tat-tfal, spjega li l-ġisem tagħna għandu ‘valur, dinjità u sinifikat.’ Fittex jew oħloq opportunitajiet għal konversazzjonijiet ħfief biex tgħin lit-tfal japprezzaw dan ir-rigal tas-sesswalità.

Ejjew ngħaddu s-sbuħija tal-purità lil uliedna, kif ukoll niżirgħu ż-żerriegħa ta’ dan il-virtu f’moħħhom u f’qalbhom; dan jidher fil-mod kif iġibu ruħhom, fl-ilbies tagħhom, fi kliemhom u f’dak li jaraw (kotba, midja soċjali, films, l-internet u forsi anke billi ninstallaw filtri tas-sigurtà u sistemi li jimblokkaw ċerti siti elettroniċi). 

Dan jirrikjedi ħin, sforz, għarfien u prudenza. Bħala ġenituri, nistgħu nrawmu f’uliedna attitudni lejn is-sesswalità li tagħti ġieħ lil Alla.

Sant’Anjeże għażlet li timxi wara Ġesù anki jekk dan kien ifisser li tmut.  Wara li taqraw l-istorja ta’ din il-qaddisa, staqsi lit-tfal x’jaħsbu li kien dak li ħasset u x’kien ifisser dan kollu għaliha.   

Kompli isma’ l-opinjonijiet tat-tfal dwar xi jfisser għalihom:

  • Meta nagħmlu dak li hu sewwa
  • Deċizjonijiet diffiċli li jaf ikollna nieħdu
  • Inkunu mbuttati biex nieħdu deċizjonijiet ħżiena
  • Is-sentimenti li jkollna meta nagħżlu li nagħmlu t-tajjeb.
  • Min huma dawk li jistgħu jgħinuna nimxu wara Ġesù.

Ħin tat-Talb mal-Familja

Fakkar lit-tfal li anke llum hawn Insara li qed jiġu ppersegwitati minħabba l-fidi tagħhom f’Ġesù.

Mexxi lit-tfal fit-talb għal dawk in-nies li qed jgħixu fil-biżà; biex jibqgħu sodi fil-fidi tagħhom minkejja kull diffikultà.

Ejjew inkunu grati li fis-soċjetà li ngħixu fiha nistgħu nipprattikaw il-fidi tagħna bil-libertà; għandna saċerdoti li jistgħu jgħinuna fil-mixja tagħna wara Ġesù.

Kantaw u itolbu flimkien: “Follow Jesus” u “I have decided to follow Jesus”.


Kif tuża dan l-ispazju

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż permezz tal-qaddisin tal-Knisja. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet li jistgħu jgħallmuk dwar x'inhi l-qdusija u li jħeġġuk tgħix ħajja dejjem aktar qaddisa.