
Dak li nafu dwar il-biċċa l-kbira tal-qaddisin u l-martri tal-Knisja bikrija, fir-rigward ta’ ħajjithom huwa bbażat fuq it-tradizzjoni; għalhekk, l-informazzjoni dwarhom għandha t-tendenza li tvarja.
Fil-fatt, dak li nafu dwar Sant’Anjeże ġej minn kitbiet imnaqqxa fil-post fejn hi midfuna – il-post stess fejn sofriet il-martirju.
Bil-Grieg, l-isem ‘Agnes’ ifisser ‘kast’ u bil-Latin ifisser ‘ħaruf’. Huwa maħsub li hija mietet martri fis-sena 304 W.K. u li dak iż-żmien kellha biss 12 jew 13-il sena; dan ifisser li twieldet għall-ħabta tas-sena 291 W.K.
Il-ġenituri ta’ Anjeże kienu nsara ta’ nisel nobbli li fi żmien l-Imperu Ruman, meta l-Imperatur Dijoklezjanu kien qed jippersegwita lill-Insara bil-għan li jeqred il-Kristjaneżmu. Fil-fatt, fis-sena 303 W.K., flimkien mal-ħakkiem tiegħu Galerju, huwa ordna li jinqerdu l-postijiet kollha tal-qima u l-kotba tal-Insara; fl-istess waqt, l-Insara u b’mod partikolari l-qassisin, kienu jiġu mitfugħa l-ħabs, ittorturati u maqtula bħala martri meta kienu jirrifjutaw li jiċħdu l-fidi Nisranija tagħhom biex jagħtu qima lill-Imperatur.
Jingħad li darba waħda, Prokopju, iben prefett Ruman, ra lil Anjeże sejra lura d-dar u baqa’ mistgħaġeb bis-sbuħija tagħha. Hu ħa grazzja magħha u talabha biex tiżżewwġu. Biex taċċetta xtralha rigali u wegħedha l-ġid tal-familja tiegħu. Iżda hi rrifjutatu, u stqarret li Kristu kien l-uniku għarus tagħha.
Meta missier Prokopju sar jaf li kienet nisranija, arrestaha u ressaqha quddiem il-qorti. Anjeże rrifjutat li taċċetta t-talbiet tal-Imperatur u li tiċħad it-twemmin nisrani tagħha. Waqt li kienet qegħda tiġi ttorturata u suġġetta għal umiljazzjoni bil-għan li jattakkaw il-purità tagħha, it-tradizzjoni tgħid li hi ġiet protetta permezz ta’ intervent Divin.
Fl-aħħar ġiet ikkundannata għall-mewt billi tinħaraq ħajja. Jingħad li meta l-fjammi ma ħakmux ġisimha, uffiċjal żagħżugħ ħareġ ix-xabla tiegħu u qatgħalha rasha.
Il-fdalijiet tagħha nstabu fil-katakombi u għadhom miżmuma taħt l-artal maġġur fil-knisja ta’ ‘Sant’ Agnese Fuori le mura’ ġewwa Ruma li ġiet mibnija fuq il-post fejn indifnet.
