L-Imħabba

Il-Milied

Niftakar ċar meta seba’ snin ilu kienet l-ewwel darba li kont se nfalli l-quddiesa ta’ nofsillejl. Sa minn meta kont ċkejkna, il-ġenituri tiegħi kienu jeħduni dik il-quddiesa u kien appuntament li sena wara sena qatt ma kont infallih. Meta kont żgħira kienet aktar frott tradizzjoni u impenn fil-quddiesa permezz tal-kant, iżda meta kbirt kont bdejt nifhem ukoll il-valur tas-sahriet fil-festi l-aktar importanti tal-Knisja Kattolika.

Seba’ snin ilu ma stajtx immur. Kont sirt omm għall-ewwel darba, u kelli tarbija ta’ ftit aktar minn xahrejn li kienet għadha ma ssetiljatx f’rutina. Din id-diffikultà flimkien mal-kesħa ta’ lejla xitwija wasslitni għad-deċiżjoni li aħjar din is-sena ma mmurx din il-quddiesa. Niftakarni kważi ‘ngħir’ għar-raġel li kien sejjer idoqq f’dan il-lejl qaddis u kelli qalbi ftit sewda għall-fatt li jien kont se nsegwiha minn fuq it-Televixin.

Madanakollu, hekk kif fid-dar bqajna biss jien u t-tarbija, ħassejt xi ħaġa li qatt ma kont esperjenzajt f’kull velja li mort fis-snin kollha ta’ qabel. Jien u nħares lejn it-tarbija tiegħi – ċkejkna, totalment dipendenti fuqi u fuq missierha, ħassejt li dan hu propju dak li qed niċċelebraw fil-Milied: li Alla – li qas is-sema ma jesgħuh, dak li m’għandux bidu u lanqas għandu tmiem, dak li minn idejh ħarġet kull ħaġa ħajja li hawn madwarna – għażel li jiċċekken b’mod li diffiċli jiġi spjegat minn fomm il-bniedem. Alla tant iħobb lill-bniedem u tant  xtaqt jidħol f’relazzjoni miegħu li għażel li jiġi fostna fl-aktar sura fqajra, vulnerabbli – fl-aktar kreatura li l-ebda bniedem ma jibża’ minna: tarbija ċkejkna.

Dak il-lejl, fil-ħemda ta’ dari, għajr il-biki tat-tarbija, ingħatajt il-grazzja li nifhem xi ftit aktar dak li tassew ifisser il-Milied. Bil-qawwa tal-Ispirtu, Alla ħalaq id-dinja u kulma fiha; bl-istess qawwa, fl-ewwel Milied il-Kelma tiegħu ħadet is-sura ta’ bniedem. U llum stess, dan l-Ispirtu jrid jibdel lilna f’xhieda tagħha; irid jagħmel minna dawl li l-ebda dlam ma jista’ jitfih.

Il-Milied ifakkarna wkoll li l-Mulej għad jerġa’ jiġi, biex iġedded kollox fih iżda kull ġurnata Ġesù jixtieq jitwieled ukoll fil-qalb tagħna. Madwarna, u anke ġo fina, nistgħu naraw ħafna dlam. Il-Pandemija ġabet ukoll dalma mhux biss fuq parti mid-dinja li ngħixu fiha – iżda fuqha kollha. Madanakollu il-Milied jiġu propju biex ifakkarna li ‘d-dawl jiddi fid-dlam, iżda d-dlam ma għelbux’. Jalla dan il-Milied nemmnu aktar din il-Kelma, u nidħlu fis-sena l-ġdida fiduċjużi li qed inġorru ġo fina dawl li l-ebda dlam ma jista’ jitfih.

Fl-Evanġelju ta’ San Luqa naqraw:

“F’dik il-ħabta Ċesari Awgustu ħareġ digriet biex isir ċensiment fid-dinja kollha. Dan kien l-ewwel ċensiment li sar meta Kirinu kien gvernatur tas-Sirja. U kulħadd mar biex jinkiteb, kull wieħed fil-belt tiegħu. Ġużeppi wkoll mar mill-Galilija, mill-belt ta’ Nazaret, u tala’ l-Lhudija, fil-belt ta’ David jisimha Betlehem – għax hu kien mid-dar u l-familja ta’ David – biex jinkiteb flimkien ma’ Marija l-għarusa tiegħu, li kienet tqila. Ġara li, meta kienu hemm, Marija għalqilha ż-żmien biex teħles, u wildet l-ewwel iben tagħha, fisqietu u medditu f’maxtura, għax ma kienx hemm post għalihom fil-lukanda.”

X’jiġikom f’moħħkom meta taqraw din l-istorja?

Hemm iċ-ċensiment li kellu jsir mad-dinja kollha, u li kulħadd kellu jmur biex jinkiteb, inkluż Ġużeppi u Marija. Hemm it-tiftixa għal post fejn joqogħdu, imma Ġużeppi u Marija ma sabux post fil-lukanda, u kellhom joqogħdu ġo għar tal-annimali. Kien propju ġo dan l-għar li Marija wildet lill-iben tagħha; kien propju ġo dan l-għar li Ġesù – l-Iben t’Alla li sar bniedem – twieled!

Fl-Evanġelju naqraw ukoll li Marija poġġiet lil Ġesù f’maxtura. Imma tafu x’inhi l-maxtura? Il-maxtura hija tip ta’ kanal, jew anke kaxxa, li minnha jieklu l-annimali. Stramba ftit, veru, li l-Iben t’Alla li sar bniedem – dak li jista’ kollox sar ħlejqa fraġli bħalna – twieled f’għar u tqiegħed f’post li s-soltu jieklu minnu l-annimali. Imma jekk inħarsu ftit aktar lejn l-istorja ta’ Ġesù, forsi nistgħu nifhmu ftit aħjar min verament hu Alla.

Aħna nimmaġinaw li Ġesù kellu jitwieled ġo palazz, bil-qaddejja miegħu jgħinuh. Iżda Ġesù ma twelidx biex ikun moqdi, u l-maxtura ssir sinjal – simbolu – tal-ħajja kollha ta’ Ġesù. Ġesù twieled fil-faqar, imma għex u miet ukoll fil-faqar biex bil-qawmien tiegħu mill-imwiet ifakkarna li dak li veru jibqa’ għal dejjem mhuwiex il-ġid u l-affarijiet li jkollna, imma l-mod ta’ kif inġibu ruħna mal-oħrajn.

It-twelid ta’ Ġesù (Luqa 2:16-17)

Il-maxtura tfakkarna, għalhekk, li fost it-tiżjin sabiħ tal-Milied, ir-raġuni għaliex niċċelebraw il-Milied hija dik it-tarbija ċkejkna, fuq ftit tiben iniggeż ġo kaxxa skomda. It-Tama, il-Fidi, il-Ferħ u l-Paċi – it-temi li ltqajna magħhom f’dan l-Avvent permezz ta’ pasturi differenti – irridu nitolbu lil Alla għalihom u nkunu lesti li ngħixuhom. U nistgħu ngħixuhom biss bl-Imħabba, kif jgħallimna Ġesù tarbija stess fil-maxtura.

Waqt li npinġu t-tpinġija ta’ Ġesù tarbija, niftakru u nitolbu f’dawk kollu li nħobbu u li jagħmlulna l-ġid: il-ġenituri, dawk li jieħdu ħsiebna, l-għalliema, il-katekisti, u sħabna. Niftakru u nitolbu wkoll għal dawk li ma tantx iħobbuna; Ġesù ġie fid-dinja għalihom ukoll, u niftakru fihom u nitolbu għalihom biex huma wkoll jitgħallmu jgħixu fuq l-eżempju ta’ Ġesù.

Issa poġġi l-istampa ta’ Ġesù fin-nofs tal-presepju, qalb il-karattri l-oħra li tgħallimna minnhom tul dan l-Avvent. Prosit li ġibt flimkien lil dawn il-karattri millistorja tal-Milied fi presepju wieħed” Tinsiex tieħu ritratt tal-presepju li għadek kif għamilt u tibagħtulna, biex intellgħuh fuq is-sit tagħna.

Nixtiequ lilek u lill-familja tiegħek il-Milied it-tajjeb!