Fl-Evanġelju ta’ San Luqa naqraw:
“F’dik il-ħabta Ċesari Awgustu ħareġ digriet biex isir ċensiment fid-dinja kollha. Dan kien l-ewwel ċensiment li sar meta Kirinu kien gvernatur tas-Sirja. U kulħadd mar biex jinkiteb, kull wieħed fil-belt tiegħu. Ġużeppi wkoll mar mill-Galilija, mill-belt ta’ Nazaret, u tala’ l-Lhudija, fil-belt ta’ David jisimha Betlehem – għax hu kien mid-dar u l-familja ta’ David – biex jinkiteb flimkien ma’ Marija l-għarusa tiegħu, li kienet tqila. Ġara li, meta kienu hemm, Marija għalqilha ż-żmien biex teħles, u wildet l-ewwel iben tagħha, fisqietu u medditu f’maxtura, għax ma kienx hemm post għalihom fil-lukanda.”
X’jiġikom f’moħħkom meta taqraw din l-istorja?
Hemm iċ-ċensiment li kellu jsir mad-dinja kollha, u li kulħadd kellu jmur biex jinkiteb, inkluż Ġużeppi u Marija. Hemm it-tiftixa għal post fejn joqogħdu, imma Ġużeppi u Marija ma sabux post fil-lukanda, u kellhom joqogħdu ġo għar tal-annimali. Kien propju ġo dan l-għar li Marija wildet lill-iben tagħha; kien propju ġo dan l-għar li Ġesù – l-Iben t’Alla li sar bniedem – twieled!
Fl-Evanġelju naqraw ukoll li Marija poġġiet lil Ġesù f’maxtura. Imma tafu x’inhi l-maxtura? Il-maxtura hija tip ta’ kanal, jew anke kaxxa, li minnha jieklu l-annimali. Stramba ftit, veru, li l-Iben t’Alla li sar bniedem – dak li jista’ kollox sar ħlejqa fraġli bħalna – twieled f’għar u tqiegħed f’post li s-soltu jieklu minnu l-annimali. Imma jekk inħarsu ftit aktar lejn l-istorja ta’ Ġesù, forsi nistgħu nifhmu ftit aħjar min verament hu Alla.
Aħna nimmaġinaw li Ġesù kellu jitwieled ġo palazz, bil-qaddejja miegħu jgħinuh. Iżda Ġesù ma twelidx biex ikun moqdi, u l-maxtura ssir sinjal – simbolu – tal-ħajja kollha ta’ Ġesù. Ġesù twieled fil-faqar, imma għex u miet ukoll fil-faqar biex bil-qawmien tiegħu mill-imwiet ifakkarna li dak li veru jibqa’ għal dejjem mhuwiex il-ġid u l-affarijiet li jkollna, imma l-mod ta’ kif inġibu ruħna mal-oħrajn.
Il-maxtura tfakkarna, għalhekk, li fost it-tiżjin sabiħ tal-Milied, ir-raġuni għaliex niċċelebraw il-Milied hija dik it-tarbija ċkejkna, fuq ftit tiben iniggeż ġo kaxxa skomda. It-Tama, il-Fidi, il-Ferħ u l-Paċi – it-temi li ltqajna magħhom f’dan l-Avvent permezz ta’ pasturi differenti – irridu nitolbu lil Alla għalihom u nkunu lesti li ngħixuhom. U nistgħu ngħixuhom biss bl-Imħabba, kif jgħallimna Ġesù tarbija stess fil-maxtura.