Introduzzjoni
F’dan il-jum aħna niftakru fl-Aħħar Ikla li Ġesù għamel mad-dixxipli tiegħu. Bil-ġest tal-ħasil ta’ riġlejn l-appostli, Ġesù jgħallimna wkoll li aħna rridu naqdu lill-oħrajn. F’dan il-jum Ġesù waqqaf żewġ sagramenti: l-Ordni Sagri (simbolizzat fil-ħasil tar-riġlejn) u l-Ewkaristija, meta Ġesù nnifsu bidel il-ħobż u l-inbid fil-ġisem u d-demm imqaddes tiegħu u ta dan l-ikel speċjali lill-appostli li kienu miegħu.
Intom qatt kellkom xi ikla speċjali?
Meta?
Kif kienet din l-ikla?
Għalfejn kienet speċjali u differenti minn ikliet oħra?
Tiftakar x’kiltu dakinhar?
Jekk kienet speċjali, jista’ jkun li anke ħadtu xi ritratti ta’ din l-okkazzjoni, arawhom u tkellmu dwar kif ħassejtukom dak in-nhar.
Ġesù wkoll kellu ikla speċjali mal-ħbieb tiegħu. Insejħulha l-Aħħar Ċena. Tant kienet speċjali li kull sena l-Knisja terġa tfakkarna fiha, fil-verità, niftakru fiha f’kull quddiesa, iżda f’Ħamis ix-Xirka niċċelebrawha b’mod aktar kbir.
Waqt kull quddiesa, is-saċerdot jerġa jirrepeti l-istess kliem li qal Ġesù fl-Aħħar Ikla: “Ħudu u kulu lkoll minn dan, għax dan huwa ġismi li jingħata għalikom. Ħudu u ixorbu minnu lkoll, għax dan huwa l-kalċi ta’ Demmi: tal-patt il-ġdid li jibqa’ għal dejjem. Id-Demm li jixxerred għalikom u għall-bnedmin kollha għall-maħfra tad-dnubiet. Agħmlu dan b’tfkira tiegħi.” Bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, Ġesù jibdel il-ħobż u l-inbid f’ġismu u demmu stess. Xejn ma jinbidel la fid-dehra u lanqas fit-togħma, iżda nemmnu li issa l-ħobż u l-inbid saru Ġesù.
Dakinhar qabel ma bdew l-ikla Ġesù ħasel riġlejn l-appostli. Din kienet xi ħaġa li dejjem kienet issir. Dak iż-żmien, it-toroq kienu maħmuġa u b’ħafna trab, ma kinux jilbsu żraben u peduni, kellhom sandlijiet. Biex jieklu, ġeneralment ma kienux joqgħodu madwar mejda fuq is-siġġijiet, imma mal-art, fuq xi twapet u cushions. Għalhekk kienet ħaġa tajba li jaħslu saqajhom meta jidħlu ġewwa. Il-qaddej, kien jieħu ħsieb li jaħsel saqajn kulmin jasal id-dar.
Meta Ġesù ħasel saqajn il-ħbieb tiegħu, ried jurihom li jħobbhom ħafna, u ried jgħallimhom ukoll. Ġesù jgħidilhom biex huma jagħmlu dak kollu li rawh jagħmel magħhom u mal-oħrajn: jaqdi lin-nies u jħobbhom. Ġesù, ħasel saqajn l-appostli kollha, anke ta’ Ġuda, meta kien jaf li dan kien ser jittradih!
Talba u qari tal-Evanġelju
Irroddu s-salib
Grazzi Ġesù, li inti tħobbna ħafna. Grazzi li inti mhux għidtilna biss li tħobbna, imma wrejtna wkoll li tħobbna, meta mitt fuq is-salib, biex aħna, xi darba, inkunu nistgħu niġu miegħek fil-ġenna.
(nota lill-ġenituri: għażlu liema l-aħjar li tagħmlu flimkien mat-tfal: taraw il-clip, taqraw l-Evanġelju jew inkella taqraw il-ġrajja mill-Bibbja tat-tfal)
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann (Ġw 13, 1-15)
Qabel il-festa tal-Għid, billi kien jaf Ġesù li waslet is-siegħa tiegħu biex jgħaddi minn din id-dinja għal għand il-Missier, hu, li kien ħabb lil tiegħu li kienu fid-dinja, ħabbhom għall-aħħar.
Kienu qegħdingħall-ikel. Ix-Xitan kien ġa webbel lil Ġuda ta’ Xmun l-Iskarjota u daħħallu f’rasu li jittradih. Ġesù kien jaf li l-Missier tah kollox f’idejh, u li hu kien ġie mingħand Alla u kien sejjer għand Alla. Qam minn fuq il-mejda, neħħa l-mantar minn fuqu, ħa fardal u rabtu ma’ qaddu. Imbagħad ferra’ l-ilma fil-lenbija, u beda jaħsel saqajn id-dixxipli u jixxuttahomlhom bil-fardal li kellu ma’ qaddu.
Mela wasal fuq Xmun Pietru, u dan qallu: “Int, Mulej, taħsilli saqajja?”. Ġesù wieġbu: “Int għalissa ma tafx x’qiegħed nagħmel jien; tifhmu aktar ’il quddiem”. Qallu Pietru: “Ma jkun qatt li inti taħsilli saqajja!”
Wieġbu Ġesù: “Jekk ma naħsillekx saqajk, ma jkollokx x’taqsam miegħi”. Qallu Xmun Pietru: “Mulej, mhux saqajja biss, imma idejja u rasi wkoll”. Qallu Ġesù: “Min hu maħsul, ma għandux għalfejn jinħasel kollu, ħlief saqajh, għax hu kollu kemm hu nadif, u intom indaf, imma mhux ilkoll”. Għax hu kien jaf min kien sejjer jittradih; għalhekk qal: “M’intomx ilkoll indaf”.
Wara li ħaslilhom saqajhom, libes il-mantar u raġa’ qagħad fuq il-mejda; u qalilhom: “Tafu x’għamiltilkom? Intom issejħuli l-Imgħallem u l-Mulej, u tgħidu sewwa, għax hekk jien. Mela jekk jien, li jien il-Mulej u l-Imgħallem ħsiltilkom saqajkom, hekk intom għandkom taħslu saqajn xulxin. 15Għax jien tajtkom eżempju, biex kif għamilt jien magħkom, hekk tagħmlu intom ukoll”.
Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu
Qari mill-Evanġelju skont San Mark (Mk 14, 22-25)
Huma u jieklu, ħa l-ħobż f’idejh, qal il-barka, qasmu, newwilhulhom u qal: “Ħudu, dan hu ġismi.” Mbagħad ħa kalċi f’idejh, radd il-ħajr, u newwilhulhom, u lkoll xorbu minnu. U qalilhom: “Dan huwa demmi, id-demm tal-patt, li jixxerred għal ħafna. Tassew ngħidilkom, li ma nixrobx iżjed mill-frott tad-dielja sa dak in-nhar li nixrob inbid ġdid fis-Saltna ta’ Alla.”
Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu