Introduzzjoni
Dan il-jum huwa jum solenni, li jfakkarna fil-mewt ta’ Ġesù fuq is-salib.
Il-lum huma jum ta’ sawm u astinenza. Nippruvaw li noħolqu atmosfera ta’ skiet fid-dar. It-tfal u s-skiet ma jmorrux id f’id, iżda tajjeb li l-ġenituri jippjanaw il-ġurnata minn qabel u jfehmu lit-tfal li din hija l-ġurnata meta niftakru li Ġesù bata’ ħafna u miet fuq salib. Din il-ġurnata tagħmlilna qalbna sewda, għaliex Ġesù ma kellux għalfejn ibati daqshekk. Ġesù qatt ma għamel xejn ħażin, allura kif kien hemm nies li ma jħobbuħx?
Il-lum bħala familja, jirnexxielkom tiċċaħdu mill-mezzi soċjali u logħob diġitali? Tilqgħuha din l-isfida?
Il-lum hija l-ġurnata li Ġesù ser jurina fiha b’mod ċar ħafna kemm iħobbna. Il-Knisja tfakkarna fit-tbatija u l-mewt ta’ Ġesù. Il-mewt ta’ Ġesù kienet kiefra ħafna, iżda bil-mewt tiegħu, Ġesù salvana. Din hija festa kbira għax Ġesù għamilha possibbli għalina li mmorru l-ġenna. Għalhekk il-lum ngħidu grazzi kbira lil Ġesù li jħobbna daqstant.
Waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-lum (ma hemmx quddiesa) nisimgħu kif Ġesù miet fuq is-salib. (Innutaw kif il-funzjoni la tibda u lanqas tispiċċa bir-radd tas-salib. Dan minħabba li t-Tridu qisu ċelebrazzjoni waħda. Irroddu s-salib fil-bidu tal-quddiesa nhar Ħamis ix-Xirka u jerġa jintradd fl-aħħar tal-quddiesa tal-Vġili tal-Għid).
Talba u qari tal-Evanġelju
Irroddu s-salib
Grazzi Ġesù talli inti mitt fuq is-salib minħabba fija. Żgur li weġġajt ħafna u ħafna, u dan għamiltu għax tħobbni. Dan għamiltu għax jien ġieli nagħmel għażliet ħżiena. Aħfrili Ġesù, jiddispjaċini ta’ dawk id-drabi kollha li jien nagħżel li nagħmel affarijiet li inti ma tieħux gost bihom. Grazzi Ġesù li inti tant tħobbni li dejjem lest li taħfirli.
(nota lill-ġenituri: għażlu liema l-aħjar li tagħmlu flimkien mat-tfal: taraw il-clip, taqraw l-Evanġelju jew inkella taqraw il-ġrajja mill-Bibbja tat-tfal. Jekk ser jinqara l-Evanġelju s-siltiet jistgħu jinqraw mill-membri differenti tal-familja. Xi ħadd ikun in-narratur (K), xi ħadd jaqra l-parti ta’ Ġesù (✠), xi ħadd jaqra l-parti tal-poplu (S))
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann (Ġw 18, 1 – 19, 42)
K F’dak iż-żmien, Ġesù ħareġ mad-dixxipli tiegħu u qasam għan-naħa l-oħra tal-Wied ta’ Kedron; hemmhekk kien hemm ġnien, u daħal fih mad-dixxipli tiegħu. Ġuda, dak li ttradieh, kien jafu l-post, għax Ġesù kien sikwit jinġabar hemm mad-dixxipli tiegħu. Ġuda ħa ġemgħa suldati u xi għases mingħand il-qassisin il-kbar u l-fariżej, u mar bihom hemmhekk, bil-fanali, torċi u armi. Ġesù, li kien jaf b’kull ma kien ġej fuqu, mar fuqhom u qalilhom:
✠ “Lil min qegħdin tfittxu?”
K Huma weġbuh:
S “Lil Ġesù ta’ Nazaret”.
K U hu qalilhom:
✠ “Jiena hu”.
K Ġuda, dak li ttradieh, kien hemm magħhom huwa wkoll. Kif Ġesù qalilhom: “Jiena hu”, huma resqu lura u waqgħu mal-art.
✠ “Lil min qegħdin tfittxu?”
K Raġa’ staqsiehom. U huma qalulu:
S “Lil Ġesù ta’ Nazaret”.
K Ġesù weġibhom:
✠ “Għedtilkom li jiena hu. Jekk qegħdin tfittxu lili, ħallu lil dawn imorru”.
K Dan sar biex iseħħ dak li Ġesù kien qal: “Minn dawk li tajtni, anqas wieħed biss ma tlift”. Xmun Pietru kellu sejf, siltu, u darab lill-qaddej tal-qassis il-kbir u qatagħlu barra widintu l-leminija. Dan il-qaddej kien jismu Malku. Imma Ġesù qal lil Pietru:
✠ “Erġa’ daħħal is-sejf fl-għant tiegħu. Forsi l-kalċi li tani Missieri ma nixorbux?”
K Imbagħad is-suldati u l-kaptan tagħhom flimkien mal-għases tal-Lhud, qabdu lil Ġesù u rabtuh. L-ewwel ħaduh għand Anna, billi dan kien missier il-mara ta’ Kajfa, il-qassis il-kbir f’dik is-sena. Kajfa kien dak li ta parir lil-Lhud: “Ikun jaqbel li bniedem wieħed imut għall-poplu”.
Xmun Pietru u dixxiplu ieħor marru wara Ġesù. Dan id-dixxiplu kien midħla tal-qassis il-kbir, u għalhekk daħal fil-bitħa tal-qassis il-kbir flimkien ma’ Ġesù. Imma Pietru baqa’ barra ħdejn il-bieb. Imbagħad id-dixxiplu l-ieħor, li kien midħla tal-qassis il-kbir, ħareġ ikellem lill-purtinara, u daħħal lil Pietru ġewwa. Il-qaddejja li kienet mal-bieb qalet lil Pietru:
S “Int m’intix ukoll wieħed mid-dixxipli ta’ dan ir-raġel?”
K Hu weġibha:
S “Le, m’iniex”.
K Il-qaddejja u l-għases kienu kebbsu n-nar mill-faħam, għax kien il-bard, u qagħdu hemm għas-sħana. U Pietru wkoll qagħad magħhom għas-sħana. Il-qassis il-kbir staqsa lil Ġesù fuq id-dixxipli u t-tagħlim tiegħu. Ġesù wieġbu:
✠ “Jiena tħadditt fil-beraħ, quddiem kulħadd. Għallimt dejjem fis-sinagoga u fit-tempju fejn jinġabru l-Lhud kollha, u bil-moħbi ma għedt xejn. Għalfejn qiegħed tistaqsi lili? Staqsi lil dawk li semgħuni, x’għedtilhom. Huma jafu x’għedt”.
K Kif qal hekk, wieħed mill-għases li kien ħdejh ta daqqa ta’ ħarta lil Ġesù u qallu:
S “Hekk twieġbu lill-qassis il-kbir?”
K Ġesù qallu:
✠ “Jekk jien għedt xi ħaġa mhix sewwa, urini fejn; imma jekk għedt is-sewwa, għaliex terfa’ jdejk fuqi?”
K Imbagħad Anna bagħat lil Ġesù marbut għand Kajfa, il-qassis il-kbir. Xmun Pietru mela kien qiegħed hemm għas-sħana; u qalulu:
S “Int m’intix ukoll wieħed mid-dixxipli tiegħu?”
K Imma hu ċaħad u qal:
S “Le m’iniex”.
K Wieħed mill-qaddejja tal-qassis il-kbir, li kien jiġi minn dak ir-raġel li Pietru kien qatagħlu widintu, qal:
S “Mela jiena ma rajtekx miegħu fil-ġnien?”
K Pietru ċaħad għal darb’oħra; u minnufih idden is-serduk. Imbagħad ħadu lil Ġesù mingħand Kajfa għall-Pretorju. Kien filgħodu kmieni. Huma ma daħlux fil-Pretorju, għax ma ridux jitniġġsu, biex ikunu jistgħu jagħmlu l-ikla tal-Għid. Pilatu ħareġ barra ħdejhom u qalilhom:
S “X’akkuża għandkom kontra dan ir-raġel?”
K U huma weġbuh:
S “Li kieku dan ma kienx raġel ħażin aħna ma konniex nagħtuh f’idejk”.
K Pilatu qalilhom:
S “Ħuduh intom, u ġġudikawh intom skont il-liġi tagħkom”.
K Imma l-Lhud qalulu:
S “Aħna ma għandna setgħa noqtlu lil ħadd”.
K Dan ġara biex iseħħ dak li Ġesù kien qal meta fisser kif kellu jmut. Pilatu raġa’ daħal fil-Pretorju, sejjaħ lil Ġesù u qallu:
S “Inti s-sultan tal-Lhud?”
K Ġesù wieġeb:
✠ “Dan qiegħed tgħidu int minn moħħok? Jew kienu oħrajn li qalulek dan fuqi?”
K Pilatu wieġeb:
S “Mela jiena Lhudi? Kien il-poplu tiegħek u l-qassisin il-kbar li tawk f’idejja. X’għamilt?”
K Ġesù wieġeb:
✠ “Is-saltna tiegħi mhijiex ta’ din id-dinja. Li kieku saltnati kienet ta’ din id-dinja, l-għases tiegħi kienu jiġġieldu biex ma ningħatax f’idejn il-Lhud; imma tabilħaqq saltnati mhijiex ta’ hawn”.
K Pilatu qallu:
S “Mela int sultan?”
K U Ġesù wieġeb:
✠ “Int qiegħed tgħidu; jien sultan. Jien għalhekk twelidt, u għalhekk ġejt fid-dinja, biex nixhed għall-verità. U kull min iħobb il-verità jisma’ leħni”.
K Pilatu qallu:
S “U l-verità x’inhi?”
K Kif qal dan, raġa’ ħareġ quddiem il-Lhud u qalilhom:
S “Jiena ma nsib ebda ħtija fih. Issa intom għandkom id-drawwa li neħilsilkom wieħed fil-Għid. Tridunix neħilsilkom lis-sultan tal-Lhud?”
K Hawn huma mill-ġdid bdew jgħajtu u jgħidu:
S “Mhux lil dan, imma lil Barabba”.
K Dan Barabba kien brigant. Imbagħad Pilatu ordna li jieħdu lil Ġesù u jagħtuh is-swat. Is-suldati nisġu kuruna tax-xewk u qegħduhielu fuq rasu, u libbsuh mantar aħmar skur. 3U bdew ġejjin quddiemu u jgħidulu:
S “Is-sliem għalik, ja sultan tal-Lhud!”
K U bdew jagħtuh bil-ħarta. Għal darb’oħra Pilatu ħareġ barra jgħidilhom:
S “Araw, se nġibhulkom quddiemkom hawn barra, biex tkunu tafu li jiena ma nsib ebda ħtija fih”.
K U Ġesù ħareġ hemm barra, liebes il-kuruna tax-xewk u l-mantar aħmar; u Pilatu qalilhom:
S “Arawh, hawn hu l-bniedem!”
K Xħin rawh, il-qassisin il-kbar u l-għases bdew jgħajtu u jgħidu:
S “Sallbu! Sallbu!”
K Pilatu qalilhom:
S “Ħuduh u sallbuh intom; jien ma nsib ebda ħtija fih”.
K Il-Lhud weġbuh:
S “Aħna għandna liġi, u skont din il-liġi għandu jmut, għax għamel lilu nnifsu Bin Alla”.
K Meta sama’ dan, Pilatu aktar baża’. Raġa’ daħal fil-Pretorju u qal lil Ġesù:
S “Int mnejn int?”
K Imma Ġesù ma wieġbu xejn. Għalhekk Pilatu qallu:
S “Lili ma tkellimx? Ma tafx li jiena għandi s-setgħa neħilsek u għandi s-setgħa nsallbek?”
K Ġesù wieġbu:
✠ “Ma kien ikollok ebda setgħa fuqi kieku ma ġietx mogħtija lilek minn fuq; għalhekk min ta lili f’idejk għandu ħtija akbar”.
K Minn dak il-ħin ’il quddiem Pilatu beda jfittex kif jeħilsu; imma l-Lhud issuktaw jgħajtu u jgħidu:
S “Jekk teħles lil dan, tiksirha ma’ Ċesari, għax kull min jagħmel lilu nnisfu sultan ikun qiegħed jeħodha kontra Ċesari”.
K Meta semagħhom jgħidu dan, Pilatu ġieb lil Ġesù barra u qiegħdu fuq sedja għolja, fil-post imsejjaħ Litòstrotos, bil-Lhudi Gabbatà. Kien Jum it-Tħejjija tal-Għid, għall-ħabta tas-sitt
siegħa. Pilatu qal lil-Lhud:
S “Arawh is-sultan tagħkom!”
K Dawk infexxew jgħajtu:
S “Għall-mewt! Għall-mewt! Sallbu!”
K Pilatu qalilhom:
S “Jien se nsallab lis-sultan tagħkom?”
K Imma l-qassisin il-kbar weġbuh:
S “Aħna ma għandniex sultan ħlief lil Ċesari!”
K Fl-aħħar tahulhom f’idejhom biex isallbuh. U huma ħadu lil Ġesù. Ġesù rafa’ s-salib u ħareġ lejn il-post imsejjaħ il-Qorriegħa, bil-Lhudi Golgota. Hemm huma sallbuh ma’ tnejn oħra, wieħed kull naħa, u Ġesù fin-nofs. Pilatu għamel kitba u waħħalha fuq is-salib; fiha kien hemm miktub, “Ġesù ta’ Nazaret, is-sultan tal-Lhud”. Din il-kitba qrawha ħafna Lhud, għax il-post fejn sallbu lil Ġesù kien qrib il-belt, u l-kitba kienet bil-Lhudi, bil-Latin u bil-Grieg. Għalhekk il-qassisin il-kbar tal-Lhud marru jgħidu lil Pilatu:
S “Ma kienx imissek tikteb: “Is-sultan tal-Lhud”, imma: “Dan qal: Jiena sultan tal-Lhud”.
K Pilatu wieġeb:
S “Issa li ktibt ktibt!”
K Wara li sallbu lil Ġesù, is-suldati ħadu l-ilbies tiegħu u qassmuh f’erbgħa, sehem lil kull wieħed minnhom. U ħadu wkoll it-tunika; din kienet libsa bla ħjata, minsuġa biċċa waħda minn fuq s’isfel. Ftiehmu bejniethom u qalu:
“Ma nqattgħuhiex, iżda nitfgħu x-xorti għaliha, u lil min tmiss jeħodha”.
Dan ġara biex isseħħ l-Iskrittura li tgħid: “Ħwejġi qasmu bejniethom, u għall-ilbies tiegħi tefgħu x-xorti”. U dan tabilħaqq għamluh is-suldati.
Kien hemm wieqfa ħdejn is-salib ta’ Ġesù ommu, oħt ommu, Marija ta’ Kleofa, u Marija ta’ Magdala. Mela kif Ġesù lemaħ lil ommu u lid-dixxiplu li kien iħobb wieqaf ħdejha, qal lil
ommu:
✠ “Mara, hawn hu ibnek”.
K Imbagħad qal lid-dixxiplu:
✠ “Hawn hi ommok”.
K U minn dak il-ħin id-dixxiplu ħadha għandu.
Wara dan, Ġesù, billi issa kien jaf li kollox kien mitmum, biex isseħħ l-Iskrittura qal:
✠ “Għandi l-għatx!”
K Kien hemm bieqja mimlija bil-ħall; huma xarrbu sponża il-ħall, waħħluha ma’ qasba tal-issopu, u ressquhielu lejn ħalqu. Kif Ġesù ħa l-ħall, qal:
✠ “Kollox hu mitmum!”
K Imbagħad mejjel rasu u radd ruħu.
Kulħadd jinżel għarkupptejh u jinżamm is-skiet għal ftit ħin.
K Billi kien Jum it-Tħejjija tal-Għid, il-Lhud ma ridux li f’jum is-Sibt l-iġsma jibqgħu fuq is-salib, għax dak is-Sibt kien jum solenni għalihom. Talbu mela lil Pilatu biex jiksrulhom riġlejhom u jneħħu l-iġsma. Għalhekk ġew is-suldati u kisru r-riġlejn tal-ewwel u tat-tieni wieħed li kienu msallbin miegħu. Iżda meta waslu għal Ġesù, billi raw li kien ġa mejjet, ma kisrulux riġlejh. Madankollu wieħed mis-suldati nifidlu ġenbu b’lanza, u minnufih ħareġ demm u ilma. Dan qiegħed jixhdu min ra b’għajnejh, u x-xhieda tiegħu hija minnha. Hu jaf li qiegħed jgħid il-verità, biex intom ukoll temmnu. Għax dan ġara biex isseħħ l-Iskrittura li tgħid: “Ebda waħda minn għadmu ma jkissrulu”. U hemm ukoll kitba oħra fl-Iskrittura li tgħid: “Huma għad iħarsu lejn min nifdu”.
Wara dan, Ġużeppi minn Arimatija, li kien dixxiplu ta’ Ġesù bil-moħbi għax kien jibża’ mil-Lhud, mar u talab lil Pilatu biex jieħu l-ġisem ta’ Ġesù. Pilatu ħallieh, u hu ġie u ħa l-ġisem tiegħu. Ġie wkoll Nikodemu, dak li qabel kien mar għand Ġesù billejl, u ġieb miegħu taħlita ta’ morr u sabbara, tiżen xi mitt libbra. Dawn it-tnejn ħadu l-ġisem ta’ Ġesù u kebbewh bil-faxex tal-għażel bil-fwejjaħ, kif soltu jagħmlu l-Lhud qabel id-difna. Fejn kienu sallbu lil Ġesù kien hemm ġnien, u f’dan il-ġnien kien hemm qabar ġdid li fih kienu għadhom ma difnu lil ħadd. Hemm qiegħdu lil Ġesù, għax kien Jum it-Tħejjija għal-Lhud, u għax il-qabar kien fil-qrib.
Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu