
San Ġużeppi Moscati (1880-1927) ġie kkanonizzat fl-1987, u għalhekk jista’ jitqies bħala qaddis ta’ żmienna. Dak li nafu dwaru hu reali, ibbażat fuq il-fatti u dokumentat. Hu jispikka b’mod uniku għaliex joffri eżempju ta’ kif il-fidi u x-xjenza jistgħu ‘jimxu id f’id’ u jikbru flimkien. Huwa kien professur universitarju tal-mediċina, jispikka fil-qasam tal-bijokimika, u riċerkatur xjentifiku li l-istudji tiegħu wasslu għall-iskoperta tal-insulina — trattament li jsalva l-ħajja għal dawk bid-dijabete.
Hu kien is-seba’ wild fost disa’ itfal imwielda f’familja aristokratika Kattolika. Kienu jgħixu f’Napli u missieru kien jaħdem bħala avukat u maġistrat. Il-familja tiegħu xtaquh isir bħal missieru, imma hu ried isir tabib biex ikun jista’ jfejjaq lin-nies bħat-tobba li għenu lil ħuh li kien ġarrab ġrieħi kbar f’rasu wara li waqa’ minn fuq żiemel.
Bħala żagħżugħ kattoliku, waqt li kien qed jistudja fl-Università ta’ Napli, hu kompla jipprattika r-reliġjon avolja kien imdawwar b’nies li ma jemmnux u b’attitudnijiet negattivi lejn ir-reliġjon. Qatt ma falla l-quddiesa ta’ kuljum. Kien iżomm il-kuruna tar-Rużarju fil-but, peress li kien jemmen li għandu jitlob l-għajnuna mingħand Ġesù u l-Madonna meta jkollu jieħu deċiżjonijiet kruċjali. F’mument minnhom, huwa kkunsidra li jsir Ġiżwita, iżda mbagħad iddeċieda li l-vokazzjoni tiegħu kienet fid-dinja tal-mediċina, u għażel li jingħaqad mal-Franġiskani Lajċi. Hu qatt ma żżewweġ.
Hu baqa’ jaħdem ta’ tabib fl-isptar u rriffjuta promotions għal pożizzjonijiet ogħla, biex jibqa’ jaħdem mal-morda speċjalment dawk li l-mard tagħhom kien jitqies diffiċli biex jitfejjaq. Huwa magħruf bħala ‘it-tabib tal-fqar’ jew ‘it-tabib mimli mħabba’ għaliex kien jikkura lill-pazjenti l-aktar fil-bżonn u lill-foqra mingħajr ma jitlob ħlas, u spiss kien itihom anke l-flus biex jixtru l-mediċini.
Hu kien fuq quddiem nett biex jgħin lill-morda fl-epidemija tal-kolera fl-1911 u ħadem mas-suldati midruba fl-Ewwel Gwerra Dinjija. F’kull ċirkostanza, huwa dejjem wera qalb tajba u kompassjoni.
Miet f’Napli meta kellu biss 46 sena.
San Ġwanni Pawlu II faħħar lil San Ġużeppi Moscati mhux biss għax kien tabib tajjeb imma wkoll għax “waqt li kien ifejjaq lill-morda, hu wera l-umanità tiegħu u x-xhieda tal-fidi tiegħu.’’
