Pjetà

Id-doni tal-Ispirtu s-Santu

Pjetà

Id-don tal-Pjetà jgħinni, biex kuljum inħobb lil Alla aktar, b’hekk nadurah u nqimu f’dak kollu li nagħmel.

Kif jistgħu l-ġenituri jinkoraġġixxu dan id-don f’uliedhom?

  • Idħol fid-drawwa li tmur il-knisja mat-tfal u għaddu ftit ħin quddiem Ġesù Sagramentat
  • Għallem lit-tfal kif jagħmlu reverenza kif suppost

Talba

Spirtu s-Santu, għinni nikber fl-imħabba lejk, lejn Alla l-Missier u lejn Alla l-Iben. Urini kif nista’ nqim u kif nista’ naqdi lil Alla f’dak kollu li nagħmel. Ammen.

Eroj

Santa Tereża tal-Bambin Ġesù

Santa Tereża hija eżempju tajjeb ta’ kif wieħed jgħix dan id-don ta’ pjetà. Hi kienet timxi wara Ġesù permezz ta’ affarijiet sempliċi. Hi għexet ħajja qaddisa għax dak li kienet tagħmel, kienet tagħmlu b’imħabba u l-fidi tagħha f’Alla kienet bħal tat-tfal. Maż-żmien indunat li l-vokazzjoni tagħha li sservi lil Alla, kienet tista’ tgħixha billi tħobb lill-oħrajn. Tereża kienet tagħmel sagrifiċċji żgħar kuljum biex turi l-imħabba tagħha lejn Alla. 

Ngħixuh fil-ħajja tagħna!

  • Għandek rokna għat-talb id-dar? Jekk le, flimkien mal-ġenituri tiegħek ara fejn l-aħjar tagħmilha. Din tkun il-knisja żgħira tiegħek fid-dar.
  • Meta tgħaddi minn quddiem knisja, sellem lil Ġesù, anke jekk f’qalbek. Jekk għandek il-ħin, idħol ġewwa u għaddi ftit ħin ma’ Ġesù.
  • Qabel ma torqod, aħseb dwar x’sagrifiċċji għamilt biex tħobb lil Alla u lill-oħrajn.

Aqra aktar dwar Santa Tereża tal-Bambin Ġesù.