X’inhu l-Avvent?

L-Avventura tal-Milied

X’inhu l-Avvent? 

Huwa żmien li l-Knisja toffrilna biex nieqfu u nħejju ruħna għall-festa tal-Milied. Iżda jista’ jkun li l-ħajja mgħaġġla li ngħixu, l-attivitajiet li jkollhom it-tfal, ix-xiri ta’ rigali, it-tiżjin tad-dar, preparamenti għall-ikliet u parties, iħalluna b’nifisna maqtugħ u għalhekk l-iskop ta’ dan iż-żmien speċjali jintilef. Nistgħu naqgħu fin-nassa li l-Milied jinbidel f’ċelebrazzjoni li ma għandha xejn x’taqsam mat-twelid ta’ Alla fostna – l-istedina ta’ Alla biex jitwieled ġewwa fina. 

Il-kelma Avvent tfisser stennija. L-iskop ta’ dawn ir-riżorsi huwa li bħala familja bi tfal żgħar (għalhekk indirizzata lill-ġenituri u mhux lit-tfal), issibu l-mod kif tgħixu l-Avvent kif inhu intenzjonat, u għalhekk il-festa tal-Milied ikollha lil Ġesù bħala ċ-ċentru u qofol tagħha. Iż-żmien tal-Avvent huwa ntenzjonat biex matul l-erbgħat iĦdud ta’ qabel il-Milied, wieħed iħejji ruħu. Kif tafu l-Bibbja hija maqsuma fi tnejn: it-Testment il-Qadim u t-Testment il-Ġdid. Tista’ tgħid li l-ġrajjiet li hemm fit-Testment il-Qadim huma kollha żmien l-Avvent. Alla wiegħed Salvatur, u matul iż-żminijiet, il-poplu ta’ Alla dejjem kien qiegħed jistenna l-miġja tas-Salvatur u jħejji ruħu għaliha. Nafu li din l-istennija nfirxet fuq ħafna u ħafna snin.

F’din ir-riżorsa se jkollkom attivitajiet ta’ mogħdija tal-ħin, qari u smigħ ta’ ġrajjiet mill-Bibbja u ħin ta’ talb flimkien. Kif jixgħed it-titlu, ippruvaw li t-tfal jaraw dan iż-żmien bħala avventura, b’mumenti sbieħ ta’ skoperta, ferħ u mħabba.

Nistednukom, biex ma titilfux din l-opportunità biex bħala familja tgħixu dan iż-żmien speċjali tal-Avvent u tal-Milied, flimkien u bil-ferħ li jagħtina Ġesù Bambin. Fil-bidu ta’ kull riżorsa jkun hemm nota għalikom, il-ġenituri bħala għajnuna dwar dik il-ġurnata/festa partikolari. 

Din ir-riżorsa hija maqsuma fuq 7 ġimgħat, mill-bidu tal-Avvent saċ-ċelebrazzjoni tal-Epifanija. Kull ġimgħa se jkun fiha 7 taqsimiet:

  • Ejjew naraw ...ikun fiha link għal video qasir
  • Ejjew nisimgħu … qari mill-Bibbja. Tkun idejali kieku l-ġrajjiet jinqraw mill-Bibbja tat-tfal, biex b’hekk il-lingwaġġ ikun wieħed li jinftiehem. Jekk ma għandkomx aqraw il-ġrajja mill-Bibbja u spjegaw xi kliem diffiċli li tiltaqgħu miegħu.
  • Ejjew nirrakuntaw … permezz tal-puppets li jkunu ħejjew it-tfal, huma jirrakuntaw fi kliemhom il-ġrajja li jkunu semgħu
  • Ejjew nagħmlu … minn dak li smajna, x’ser nagħmlu?
  • Ejjew nieħdu gost … attività flimkien
  • Ejjew nitolbu … nitolbu flimkien bħala familja
  • Ejjew nippreparaw … it-tfal iħejju l-puppets għall-ġimgħa ta’ wara. Biex ikollhom il-puppets għall-ewwel ġimgħa tal-Avvent, it-tfal għandhom l-istampi tal-Madonna u l-Anġlu Gabrijel. Dawn l-istampi l-aħjar li jiġu pprintjati fuq kartonċina bajda, inkella jitwaħħlu fuq kartonċina, biex ikunu aktar sodi. Wara li jagħtuhom il-kulur, għinnuhom jaqtgħuhom u jwaħħluhom minn wara, ma’ craft /lollipop stick jew inkella kebab stick. Jista’ jintuża masking tape wiesgħa biex titwaħħal l-istampa mal-lollipop jew kebab stick. Xi karattri jistgħu jintużaw aktar minn darba. 

Matul il-ġimgħat tal-Avvent, it-tfal jistgħu wkoll jagħmlu l-Girlanda tal-Avvent tagħhom. Din hija tradizzjoni sabiħa b’sinifikat ċar u li faċli tagħmluha bħala familja. Il-Girlanda tista’ tinxtara lesta, inkella tistgħu tagħmluha intom flimkien. 

Dawn huma l-affarijiet li għandkom bżonn:

  • Girlanda tal-ħaxix aħdar
  • 3 xemgħat vjola
  • Xemgħa roża
  • Xemgħa bajda kbira
  • 4 xemgħat bojod iżgħar, biex il-girlanda tintuża wkoll wara l-Avvent
  • It-tiżjin matul l-Avvent, żommuh minimu, tistgħu tużaw prinjol madwar il-girlanda. Fi żmien il-Milied tistgħu żżejnu l-ġirlanda b’aktar affarijiet, skont il-gosti tagħkom. 

Numru ta’ parroċċi jkollhom iċ-ċelebrazzjoni tat-tberik tal-girlandi, fl-ewwel Ħadd tal-Avvent. Tistgħu tieħdu l-girlanda tagħkom biex titbierek. Imbagħad sibu ħin addattat biex kull ġimgħa tixgħelu x-xemgħa li jmiss, tkantaw innu u taqraw il-ġrajja preferibbilment mill-Bibbja tat-tfal. Ix-xemgħa tistgħu tibqgħu tixgħeluha matul il-ġimgħa, waqt l-ikel, pereżempju.

Il-girlanda hija tonda u l-weraq ħodor. Dawn huma simboli tal-preżenza ta’ Alla, li hu dejjem magħna, u tal-imħabba tiegħu li ma tispiċċa qatt. Il-girlanda fiha tliet xemgħat vjola, kulur li jfakkarna fi preparazzjoni u sagrifiċċju. Is-sagrifiċċju jiġi mill-fatt li jekk irrid inbiddel l-istil ta’ ħajja tiegħi biex nagħmel aktar post għal Ġesù f’ħajti, għandi bżonn żgur li nagħmel xi tip ta’ sagrifiċċju. Dawn ix-xemgħat jinxtegħlu fl-ewwel, fit-tieni u fir-raba’ Ħadd tal-Avvent. Fit-tielet Ħadd, tinxtegħel ix-xemgħa r-roża. Din tirrapreżenta l-ferħ li ġej mill-fatt li Ġesù daqt jitwieled. Ix-xemgħa l-bajda tinxtegħel fil-Milied. Fi żmien il-Milied, ix-xemgħat vjola u roża jistgħu jinbidlu f’xemgħat bojod, u l-girlanda tiżżejjen aktar.

It-tfal iż-żgħar jistgħu wkoll jagħmlu tpinġija tal-girlanda. Ikollkom bżonn:

  • Kartonċin ħodor (żewġ sfumaturi)
  • Kartonċina ħamra 
  • 5 rollijiet tat-toilet paper (vojta)
  • Stampi li ser jitwaħħlu fuq it-toilet paper rolls
  • Kuluri 
  • Gloj
  • Imqass 

Mill-kartonċina ħadra ċara aqtgħu ċirku li fuqu joqgħodu sew it-toilet paper rolls, erba’ mad-dawra u wieħed fin-nofs. Mill-kartonċina ħadra aktar skura aqtgħu forom tal-weraq u dawn jitwaħħlu fl-ispazju bejn it-toilet rolls ta’ mad-dawra, biex joħolqu l-girlanda. Mill-kartonċina ħamra aqtgħu ħames ilsna tan-nar, li jitwaħħlu fuq ix-xemgħa. Kull ġimgħa t-tfal jistgħu jagħtu l-kulur lil dik ix-xemgħa li jmiss u għinuhom iwaħħluha, wara jitwaħħal ukoll l-ilsien tan-nar, biex b’hekk fil-Milied il-girlanda tkun kompluta.

It-tpenġijiet li ser niġu bżonn fl-attività tal-lum:

Introduzzjoni għall-Avvent

Fis-27 ta’ Novembru nibdew sena liturġika ġdida, is-Sena A, u nibdew ukoll żmien l-Avvent. Dan iż-żmien imiss erbat iĦdud. Huwa żmien ta’ stennija u tħejjija għat-twelid ta’ Ġesù.

Mod kif wieħed jiċċelebra dan iż-żmien, huwa billi jagħmel Girlanda tal-Avvent. Żgur li rajtu xi waħda l-knisja. Din tibda tinxtgħel fl-ewwel Ħadd tal-Avvent.

Tradizzjonalment, il-girlanda hija tonda għaliex hija simbolu ta’ Alla li hu kostanti u ma jinbidilx. Fiha erba’ xemgħat, li jirrappreżentaw l-erba’ ġimgħat tal-Avvent. Ġeneralment tlieta jkunu vjola u waħda roża, iżda jistgħu jintużaw ukoll bojod. Fin-nofs titpoġġa xemgħa oħra, din tkun bajda u tirrappreżenta d-dawl ta’ Kristu. Il-kulur vjola jfakkarna fit-talb, penitenza, sagrifiċċju u għemejjel tajba, li għandna nagħtu aktar kas fi żmien l-Avvent. Ix-xemgħa roża tinxtgħel fit-tielet ġimgħa, imsejjaħ il-Ħadd Gaudete, u s-saċerdot jilbes pjaneta roża wkoll. Huwa żmien ta’ ferħ, f’nofs l-Avvent, waqt li qed noqorbu għall-festa tal-Milied. 

Kull xemgħa li nixgħelu tfakkarna mhux biss fit-twelid ta’ Ġesù, iżda tagħtina tama u tfakkarna fiż-żmien meta Ġesù għad jerġa’ jiġi, kif kien wiegħed. 
Ser niċċelelbraw l-Avvent, permezz tal-Lapbook tal-Avvent, fejn kull ġimgħa se nżidu xi ħaġa fih, u b’hekk napprezzaw dan iż-żmien u nħejju ruħna u moħħna għal Ġesù.

Għandna bżonn

  • Naraw il-video, kif nagħmlu l-Lapbook hawn taħt
  • 2 A4 document file folders (vjola, jekk hu possibbli)
  • Gloj
  • Lapsijiet / kuluri / imqass
  • Kartonċina kkulurita
  • Tkun tista’ tniżżel il-materjal minn ġimgħat għal ġimgħa