X’inhu l-Avvent?
Huwa żmien li l-Knisja toffrilna biex nieqfu u nħejju ruħna għall-festa tal-Milied. Iżda jista’ jkun li l-ħajja mgħaġġla li ngħixu, l-attivitajiet li jkollhom it-tfal, ix-xiri ta’ rigali, it-tiżjin tad-dar, preparamenti għall-ikliet u parties, iħalluna b’nifisna maqtugħ u għalhekk l-iskop ta’ dan iż-żmien speċjali jintilef. Nistgħu naqgħu fin-nassa li l-Milied jinbidel f’ċelebrazzjoni li ma għandha xejn x’taqsam mat-twelid ta’ Alla fostna – l-istedina ta’ Alla biex jitwieled ġewwa fina.
Il-kelma Avvent tfisser stennija. L-iskop ta’ dawn ir-riżorsi huwa li bħala familja bi tfal żgħar (għalhekk indirizzata lill-ġenituri u mhux lit-tfal), issibu l-mod kif tgħixu l-Avvent kif inhu intenzjonat, u għalhekk il-festa tal-Milied ikollha lil Ġesù bħala ċ-ċentru u qofol tagħha. Iż-żmien tal-Avvent huwa ntenzjonat biex matul l-erbgħat iĦdud ta’ qabel il-Milied, wieħed iħejji ruħu. Kif tafu l-Bibbja hija maqsuma fi tnejn: it-Testment il-Qadim u t-Testment il-Ġdid. Tista’ tgħid li l-ġrajjiet li hemm fit-Testment il-Qadim huma kollha żmien l-Avvent. Alla wiegħed Salvatur, u matul iż-żminijiet, il-poplu ta’ Alla dejjem kien qiegħed jistenna l-miġja tas-Salvatur u jħejji ruħu għaliha. Nafu li din l-istennija nfirxet fuq ħafna u ħafna snin.
F’din ir-riżorsa se jkollkom attivitajiet ta’ mogħdija tal-ħin, qari u smigħ ta’ ġrajjiet mill-Bibbja u ħin ta’ talb flimkien. Kif jixgħed it-titlu, ippruvaw li t-tfal jaraw dan iż-żmien bħala avventura, b’mumenti sbieħ ta’ skoperta, ferħ u mħabba.
Nistednukom, biex ma titilfux din l-opportunità biex bħala familja tgħixu dan iż-żmien speċjali tal-Avvent u tal-Milied, flimkien u bil-ferħ li jagħtina Ġesù Bambin. Fil-bidu ta’ kull riżorsa jkun hemm nota għalikom, il-ġenituri bħala għajnuna dwar dik il-ġurnata/festa partikolari.
Din ir-riżorsa hija maqsuma fuq 7 ġimgħat, mill-bidu tal-Avvent saċ-ċelebrazzjoni tal-Epifanija. Kull ġimgħa se jkun fiha 7 taqsimiet:
Matul il-ġimgħat tal-Avvent, it-tfal jistgħu wkoll jagħmlu l-Girlanda tal-Avvent tagħhom. Din hija tradizzjoni sabiħa b’sinifikat ċar u li faċli tagħmluha bħala familja. Il-Girlanda tista’ tinxtara lesta, inkella tistgħu tagħmluha intom flimkien.
Dawn huma l-affarijiet li għandkom bżonn:
Numru ta’ parroċċi jkollhom iċ-ċelebrazzjoni tat-tberik tal-girlandi, fl-ewwel Ħadd tal-Avvent. Tistgħu tieħdu l-girlanda tagħkom biex titbierek. Imbagħad sibu ħin addattat biex kull ġimgħa tixgħelu x-xemgħa li jmiss, tkantaw innu u taqraw il-ġrajja preferibbilment mill-Bibbja tat-tfal. Ix-xemgħa tistgħu tibqgħu tixgħeluha matul il-ġimgħa, waqt l-ikel, pereżempju.
Il-girlanda hija tonda u l-weraq ħodor. Dawn huma simboli tal-preżenza ta’ Alla, li hu dejjem magħna, u tal-imħabba tiegħu li ma tispiċċa qatt. Il-girlanda fiha tliet xemgħat vjola, kulur li jfakkarna fi preparazzjoni u sagrifiċċju. Is-sagrifiċċju jiġi mill-fatt li jekk irrid inbiddel l-istil ta’ ħajja tiegħi biex nagħmel aktar post għal Ġesù f’ħajti, għandi bżonn żgur li nagħmel xi tip ta’ sagrifiċċju. Dawn ix-xemgħat jinxtegħlu fl-ewwel, fit-tieni u fir-raba’ Ħadd tal-Avvent. Fit-tielet Ħadd, tinxtegħel ix-xemgħa r-roża. Din tirrapreżenta l-ferħ li ġej mill-fatt li Ġesù daqt jitwieled. Ix-xemgħa l-bajda tinxtegħel fil-Milied. Fi żmien il-Milied, ix-xemgħat vjola u roża jistgħu jinbidlu f’xemgħat bojod, u l-girlanda tiżżejjen aktar.
It-tfal iż-żgħar jistgħu wkoll jagħmlu tpinġija tal-girlanda. Ikollkom bżonn:
Mill-kartonċina ħadra ċara aqtgħu ċirku li fuqu joqgħodu sew it-toilet paper rolls, erba’ mad-dawra u wieħed fin-nofs. Mill-kartonċina ħadra aktar skura aqtgħu forom tal-weraq u dawn jitwaħħlu fl-ispazju bejn it-toilet rolls ta’ mad-dawra, biex joħolqu l-girlanda. Mill-kartonċina ħamra aqtgħu ħames ilsna tan-nar, li jitwaħħlu fuq ix-xemgħa. Kull ġimgħa t-tfal jistgħu jagħtu l-kulur lil dik ix-xemgħa li jmiss u għinuhom iwaħħluha, wara jitwaħħal ukoll l-ilsien tan-nar, biex b’hekk fil-Milied il-girlanda tkun kompluta.
It-tpenġijiet li ser niġu bżonn fl-attività tal-lum:
Introduzzjoni għall-Avvent
Fis-27 ta’ Novembru nibdew sena liturġika ġdida, is-Sena A, u nibdew ukoll żmien l-Avvent. Dan iż-żmien imiss erbat iĦdud. Huwa żmien ta’ stennija u tħejjija għat-twelid ta’ Ġesù.
Mod kif wieħed jiċċelebra dan iż-żmien, huwa billi jagħmel Girlanda tal-Avvent. Żgur li rajtu xi waħda l-knisja. Din tibda tinxtgħel fl-ewwel Ħadd tal-Avvent.
Tradizzjonalment, il-girlanda hija tonda għaliex hija simbolu ta’ Alla li hu kostanti u ma jinbidilx. Fiha erba’ xemgħat, li jirrappreżentaw l-erba’ ġimgħat tal-Avvent. Ġeneralment tlieta jkunu vjola u waħda roża, iżda jistgħu jintużaw ukoll bojod. Fin-nofs titpoġġa xemgħa oħra, din tkun bajda u tirrappreżenta d-dawl ta’ Kristu. Il-kulur vjola jfakkarna fit-talb, penitenza, sagrifiċċju u għemejjel tajba, li għandna nagħtu aktar kas fi żmien l-Avvent. Ix-xemgħa roża tinxtgħel fit-tielet ġimgħa, imsejjaħ il-Ħadd Gaudete, u s-saċerdot jilbes pjaneta roża wkoll. Huwa żmien ta’ ferħ, f’nofs l-Avvent, waqt li qed noqorbu għall-festa tal-Milied.
Kull xemgħa li nixgħelu tfakkarna mhux biss fit-twelid ta’ Ġesù, iżda tagħtina tama u tfakkarna fiż-żmien meta Ġesù għad jerġa’ jiġi, kif kien wiegħed.
Ser niċċelelbraw l-Avvent, permezz tal-Lapbook tal-Avvent, fejn kull ġimgħa se nżidu xi ħaġa fih, u b’hekk napprezzaw dan iż-żmien u nħejju ruħna u moħħna għal Ġesù.
Għandna bżonn