Iċ-ċelebrazzjoni tal-lum, tagħlaq iż-żmien tal-Għid. Illum niċċelebraw il-festa ta’ Pentekoste meta nfakkru l-inżul tal-Ispirtu s-Santu fuq l-Appostli li kienu miġbura flimkien fil-kamra ta’ fuq f’Ġerusalem. Illum infakkru wkoll il-bidu tal-Knisja. Niċċelebraw it-twettiq tal-wegħda li għamel Ġesù li jibgħat lill-Ispirtu s-Santu; dan ġara 50 ġurnata wara l-qawmien tiegħu mill-imwiet.
L-inżul tal-Ispirtu s-Santu huwa sinjifikattiv, minħabba li Pentekoste kienet ġurnata importanti għal-Lhud. Din taħbat 50 ġurnata wara l-festa tal-Għid, ċelebrazzjoni stabbilita u msemmija fit-Testment il-Qadim. L-inżul tal-Ispirtu s-Santu f’din il-ġurnata tagħtiha tifsira differenti, u ssir festa tat-Testment il-Ġdid, il-bidu tal-Knisja. L-Appostli huma maħtura bħala l-poplu magħżul ta’ Alla bid-dmir li jkomplu l-missjoni li beda Ġesù. L-Ispirtu tal-verità, hu għalliem u difensur, hu jimliena bil-kuraġġ. L-Ispirtu s-Santu jfejjaq u jagħtina dak kollu li hu tajjeb. L-ewwel qari tal-lum, mill-Atti tal-Appostli, naqraw kif l-Ispirtu s-Santu, niżel bħall-ilsna tan-nar, fuq l-Appostli, li nbiddlu minħabba l-qawwa tiegħu. F’daqqa waħda, jibdew jitkellmu b’ilsna ġodda u mtlew fil-ferħ u bil-kuraġġ.
L-Evanġelju skont San Ġwann, huwa parti mid-diskors tal-Aħħar Ċena. Ġesù jistaqsi lid-dixxipli u lilna biex ninpenjaw ruħna, biex ‘jekk inħobbuh, nagħmlu dak li għallimna hu.’ Hu jwiegħed li jistaqsi lill-Missier biex jibgħatilna għajnuna. Il-qalb ta’ Ġesù hija rivelata lilna, kif ukoll hija mfissra r-relazzjoni tiegħu mal-Missier. Ġesù jwiegħed li l-Ispirtu s-Santu (Difensur) jgħallimhom u jfakkarhom dak kollu li għallimhom.
Ġesù żamm il-wegħda li għamel, li lid-dixxipli (u lilna) jibgħatilna għajnuna, difensur li jagħtihom il-qawwa biex ikunu xhieda tiegħu mad-dinja kollha. L-Ispirtu s-Santu kellu jgħallimhom ħwejjeġ ġodda, u jwassalhom aktar fil-fond, għall-misteru ta’ Ġesù. L-Ispirtu s-Santu jgħinhom biex jifhmu l-isfidi ġodda li kellhom quddiemhom. Dan kollu jista’ jingħad għalina. Bħala nsara, aħna nirċievu d-don tal-Ispirtu s-Santu fil-magħmudija u fil-griżma tal-Isqof. Il-fidi tagħna, hija vjaġġ matul il-ħajja kollha, fejn niskopru l-eżistenza ta’ Alla fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Din hija relazzjoni intima, li tissaħħaħ permezz tat-talb u riflessjoni. Il-ħajja fl-Ispirtu hija trasformattiva. Inti tixtieq li tilmaħ il-glorja ta’ Ġesù? Tixxennaq għall-miġja tal-Ispirtu fuqek u fuq il-familja tiegħek? Fuq il-Knisja u fuq id-dinja kollha? Jekk it-tweġiba, hija ‘iva’, allura din hija prova li l-Ispirtu s-Santu qiegħed jaħdem fik.
Ta’ kull sena, il-Knisja tiċċelebra d-don tal-Ispirtu s-Santu nhar Pentekoste. Nistgħu nirċievu dan id-don f’modi differenti jekk nagħrfu u nħallu lill-Ispirtu s-Santu jaħdem fina. Tibżax titlob, “Ejja Spirtu s-Santu, u imla l-qlub tal-fidili tiegħek!”