Illum ser narmaw: il-ħamiem.
Naħsbu:
Qatt mortu f’xi razzett, ġo xi stalla? Kien hemm ħamiem? Il-ħamiem itiru ma’ kullimkien, biex ifittxu xi post kenni fejn jistrieħu. X’aktarx fl-istalla fejn twieled Ġesù, kien hemm aktar minn ħamiema waħda! Fid-dinja hawn ħafna nies li jfittxu biex isibu xi post jew pajjiż fejn isibu l-kenn, minħabba li l-post fejn twieldu huma jkun hemm ħafna faqar jew ħafna ġlied u ma jkunux jistgħu jibqgħu jgħixu hemm. Hawn Malta, għandna ħafna minn dawn in-nies li kellhom jitilqu minn pajjiżhom u ġew jgħixu Malta.
X’ser tagħmlu flimkien bħala familja?
Fuq l-internet fittxu dwar refuġjati f’Malta u l-ħidma tal-Ġiżwiti u l-Maltin, żur.
Staqsu lit-tfal, ‘Kieku ma stajniex nibqgħu ngħixu Malta, għax ikun hawn xi gwerra kbira, u jkollna mmorru ngħixu pajjiż ieħor, kif tixtiequ li t-tfal fl-iskola fejn tibdew tmorru, f’dan il-pajjiż ġdid, iġibu ruħhom magħkom?’
Talba:
Ġesù, inti wkoll, għalkemm kont għadek tarbija ċkejkna, kellek taħrab mal-Madonna u San Ġużepp u tmorru toqgħodu l-Eġittu, għax Erodi ried joqtlok. Ġesù nixtieq nitlob għal dawn in-nies li jkollhom jitilqu mid-dar tagħhom u jippruvaw imorru jgħixu pajjiż ieħor. Nitlob li jsibu lil min jgħinhom.
Azzjoni:
Jekk l-iskola hemm xi tfal li ma għandhomx ħbieb, għamel ħbieb magħhom inti.
Diska:
Inkantaw: Everybody needs friends.