Illum ser narmaw: is-siġra tal-palm
Naħsbu:
L-aktar li niftakru fil-palm u f’Ġesù huwa fil-festa ta’ Ħadd il-Palm. Minkejja dan, anke fil-presepju jkun hemm minn dawn is-siġar billi dawn huma siġar komuni fil-Palestina. Il-palma hija simbolu tal-paċi u anke tal-ferħ. Ġesù għalhekk ġie fid-dinja biex jurina kif nistgħu nkunu ferħanin. Meta bejnietna hemm il-paċi, żgur se jkun hemm il-ferħ ukoll.
X’ser tagħmlu flimkien bħala familja?
Fejn is-soltu tkun ħaġa tajba li meta tkunu flimkien miġbura bħala familja tneħħu l-mobiles, u titfu t-televiżjoni, illum l-ewwel ħaġa li tagħmlu f’dan il-ħin hu li tfittxu fuq facebook, jew fl-aħbarijiet, għall-ġrajjiet li seħħew (illum jew f’dawn il-ġranet) li fihom spikkat in-nuqqas ta’ paċi. Tkellmu dwar dawn il-ġrajjiet u jekk setgħux ikunu evitati. Iddiskutu fuq kollox kif tistgħu tkunu nies li ġġibu ferħ u paċi kull fejn tkunu.
Talba:
Itolbu t-talba ta’ San Franġisk, Mulej agħmilni strument tal-paċi tiegħek.
Azzjoni:
Matul din il-ġurnata, araw li tużaw il-kliem, ‘grazzi’, ‘jekk jogħġbok’ u ‘skużani’ jew ‘aħfirli’, skont kif ikun il-bżonn. Dawn il-kelmiet tajjeb li tużawhom dejjem, tkunu fejn tkunu.
Diska:
Inkantaw flimkien: Down in my heart.