Fedeltà

Is-seba’ karattru fil-mixja tagħna waqt ir-Randan

Wasalna fit-tmiem tar-Randan ta’ din is-sena u dħalna fl-iqsar żmien liturġiku tas-sena – it-Tridu tal-Għid. Matul dawn il-ġimgħat għamilna mixja ma’ diversi personaġġi u rajna kif fihom nistgħu naraw ukoll lilna nfusna. Madanakollu, ħarset dawn il-personaġġi kollha kienet biss lejn persuna waħda – Ġesù Kristu msammar fuq is-Salib. Is-Salib hu l-kalamita li tiġbed lejha lil dawk il-personaġġi kollha u lilna wkoll, aħna u nterrqu l-mixja tar-Randan. Ġesù stess qalilna li meta jintrefa’ ’l fuq mill-art, hu jiġbed lill-bnedmin kollha lejh. Ġibed lill-personaġġi li kienu protagonisti fil-ġimgħat li għaddew, u llum qiegħed ifittex li jiġbed lilna wkoll.

Ġesù Msallab huwa skandlu għal-Lhud u bluha għall-pagani, iżda għal min jemmen hu t-tron tal-grazzji, il-mezz li bih tiġi ssiġillata s-salvazzjoni tagħna. Matul din il-mixja kemm-il darba semmejna d-diffikultajiet li niltaqgħu magħhom fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, u kif ukoll l-isforzi li nagħmlu biex ma naqtgħux qalbna. Fl-ewwel ġimgħa tar-Randan tkellimna fuq kemm hu importanti li ma niqfux; li anke fl-aktar mumenti diffiċli, nibqgħu mexjin anke jekk ikunu qishom saqajna li qed iġorru lilna.

Madanakollu, ilkoll ngħaddu minn mumenti ta’ dlam u qtigħ il-qalb, mumenti li fihom naraw biss ħitan u vojt. Ġesù Msallab hu dak li bil-fedeltà tiegħu wasal fejn l-ebda uman ma seta’ qatt jasal. Kellu jkun biss l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem li seta’ jħabbibna lura ma’ Alla, li jagħmel tajjeb għad-dnub ta’ Adam li warrab lil Alla. Ġesù Msallab huwa dak li tgħabba bil-mard u n-niket tagħna. Il-mumenti ta’ dlam, ta’ vojt u ta’ diqa fejn l-aktar inħossuna waħedna, mhumiex fil-fatt mumenti tagħna biss; huma mumenti li diġà ġarrabhom Huwa, meta ta ħajtu għas-salvazzjoni tagħna u tad-dinja kollha.

Il-fedeltà tagħna kemm-il darba tixxellef għaliex inħallu lilna nfusna nimxu wara x-xejriet fiergħa tad-dinja. Ġesù msammar ma’ Salib, b’idejh u saqajh marbutin hu dak li jagħmel tajjeb għan-nuqqasijiet kollha tagħna, dak li jibdel il-‘le’ tagħna f’‘iva’ kbira lil Alla l-Missier u b’hekk jiksbilna s-Salvazzjoni.

Fit-tmiem ta’ din il-mixja, ejjew aħna wkoll inpoġġu lilna nfusna ma’ dawk il-personaġġi li semmejna fil-ġimgħat li għaddew u magħhom niffissaw il-ħarsa tagħna fuq Ġesù Msallab – li fih ma narawx tmiem, iżda bidu ta’ ħajja ġdida, il-bidu tal-ħajja tagħna bħala persuni mifdija bis-saħħa ta’ demmu.

Ejja wkoll, f’dawn il-ġranet, nitolbu lil Ġesù Msallab jgħallimna l-fedeltà, il-fedeltà fil-vokazzjoni tagħna, fir-relazzjonijiet tagħna, fix-xogħol tagħna u fuq kollox il-fedeltà tagħna lejh. Grazzi Mulej talli ta’ kull sena tiġbidna lejk hekk kif ġbidt lil tant personaġġi li kellhom il-grazzja jiltaqgħu miegħek. Agħmel li, bħalhom, aħna ma nibqgħux indifferenti quddiemek, iżda nkunu lesti – b’fedeltà – nimxu miegħek it-triq kollha u saħansitra nitilgħu miegħek l-għolja tal-Kalvarju, sodi fit-twemmin li s-Salib mhux l-aħħar kelma għaliex l-aħħar kelma tgħidha inti bil-qawmien tiegħek minn bejn l-imwiet.

Tistgħu titolbu flimkien bħala familja matul il-Ġimgħa Mqaddsa billi ssegwu riflessjonijiet differenti offruti hawnhekk.

Nimmaġinaw lil Ġesù jgħidilna:

It-triq li wasslitni hawn kienet twila. Mhux qed ngħid għat-triq ‘tal-kalvarju’, dik li fiha ġarrejt fuq spallejja s-salib li jiena issa msallab miegħu, imma qed ngħid għat-triq tal-ħajja kollha tiegħi. Niftakarni tifel ċkejken niġri qalb l-injam u l-għodda ta’ missieri Ġużeppi, jew inkella bil-qiegħda f’ħoġor ommi titmagħni u tgħallimni t-talb li llum naf bl-amment.

Niftakarni dakinhar li tgħammidt fix-xmara Ġordan, meta nbdilt fuq il-muntanja Tabor, u niftakar ukoll b’isimhom tant u tant nies li fejjaqt, qajjimt mill-mewt, tajthom id-dawl t’għajnejhom, fost l-oħrajn. Iva, niftakar dawn kollha u aktar… imma bħalissa ninsab imsallab ma’ salib. U dan għalfejn?

Fil-qosor, ninsab imsallab għaliex il-bniedem, maħluq minn Alla, ried jagħmel id-dnub. Biex nispjegalek, ninsab hawn għaliex nixtieq li nsalvak, li nagħtik ċans ieħor. B’dan li qed nagħmel bħalissa, u li għad irrid nagħmel meta nqum mill-mewt tlett ijiem oħra, ħa nkun għamilt l-ikbar ħaġa li qatt saret u li tista’ ssir fid-dinja.

B’dan il-mod, il-bniedem kulma jkun jonqsu hu li jemmen fija u bħali jħobb lil KULĦADD, jiġifieri huma min huma, jibda mid-dar u jkompli f’kull post ieħor li jkun fih.

Waqt li npinġu t-tpinġija ta’ Ġesù msallab, niftakru u nitolbu għal dawk kollha li jagħtu ħajjithom għall-oħrajn, bħall-front liners u ħaddiema fi ħwienet essenzjali, qassisin/reliġjużi u missjunarji, imma wkoll għall-ġenituri tagħna u għal dawk li jieħdu ħsiebna: nitolbu għalihom biex huma ma jaqtgħu qalbhom qatt milli jibqgħu jixbhu lil Ġesù tul ħajjithom kollha.

Dan hu s-seba’ – u l-aħħar – karattru mill-Passjoni ta’ Ġesù li se nkunu qed niddiskutu fi żmien ir-Randan. Issa għandek ix-xena kollha tal-Passjoni ta’ Ġesù! Tinsiex tpoġġi l-t-tpinġijiet flimkien (bħalma tista’ tara aktar ’l isfel), ħu ritratt tat-tpinġijiet irranġati flimkien, u ibgħathom lilna. Aħna mbagħad ntellgħuhom fuq is-sit tagħna!