Naqraw
Ġwanni 13, 21-33, 36-38
Ġesù jħabbar it-tradiment ta’ Ġuda
21Wara li qal dan, Ġesù ħass ruħu jitħawwad, u stqarr bil-miftuħ: “Tassew tassew ngħidilkom li wieħed minnkom se jittradini!” 22Id-dixxipli qabdu jħarsu lejn xulxin, ma jafux għal min qal hekk. 23Wieħed mid-dixxipli tiegħu, dak li Ġesù kien iħobb, kien maġenbu fuq il-mejda, b’rasu ma’ sider Ġesù. 24Xmun Pietru għamillu sinjal u staqsieh: “Għal min qiegħed jgħid?” 25Dak, kif kien mimdud hekk fuq sider Ġesù, staqsieh: “Min hu, Mulej?” 26Wieġbu Ġesù: “Dak li għalih se nbill din il-loqma ħobż fil-platt u nagħtihielu.” Imbagħad bill biċċa ħobż, u qabad u taha lil Ġuda ta’ Xmun l-Iskarjota. 27Ġuda ħa l-biċċa ħobż u daħal fih ix-Xitan. Qallu Ġesù: “Dak li se tagħmel, agħmlu u ddumx.” 28Imma ħadd minn dawk li kienu fuq il-mejda ma kien jaf għalfejn qallu hekk. 29Billi Ġuda kien il-kaxxier, xi wħud stħajlu lil Ġesù jgħidlu, ‘Mur ixtri dak li neħtieġu għall-festa,’ jew biex imur jagħti xi ħaġa lill-foqra. 30Dak, wara li ħa l-biċċa ħobż, minnufih ħareġ ’il barra. Kien billejl.
Il-kmandament il-ġdid
31Kif ħareġ Ġuda, Ġesù qal: “Bin il-bniedem huwa gglorifikat issa, u permezz tiegħu huwa gglorifikat Alla. 32Jekk Alla huwa gglorifikat permezz ta’ Bin il-bniedem, Alla wkoll permezz tiegħu nnifsu għad jigglorifika lilu, u dalwaqt jigglorifikah. 33Uliedi, ftit ieħor se ndum magħkom; intom tfittxuni, u bħalma għedt lil-Lhud, hekk ukoll ngħidu issa lilkom: Fejn sejjer jien, intom ma tistgħux tiġu.
It-taħbira taċ-ċaħda ta’ Pietru
36Qallu Xmun Pietru: “Fejn sejjer, Mulej?” U Ġesù wieġbu: “Fejn sejjer jien, int għalissa ma tistax tiġi miegħi; imma tiġi warajja aktar tard.” 37Qallu Pietru: “Għaliex, Mulej, ma nistax niġi miegħek issa? Għalik jiena nagħti ħajti!” 38Wieġbu Ġesù: “Inti, tagħti ħajtek għalija? Tassew tassew ngħidlek li s-serduk ma jkunx idden qabel ma tkun ċħadtni tliet darbiet!”
Nitolbu
Għażiż Alla, aħfrili ta’ kemm il-darba offendejtek. Għinni biex dejjem nagħmel għażliet tajba, u meta ma jirnexxilix, ninduna bil-ħażin li għamilt. Ammen.
Ngħixu
Illum imorru nqerru, u għal dawk li għalissa għadhom ma jmorrux għall-qrar, jaħsbu dwar l-għażliet ħżiena li għamlu u jitolbu skuża tagħhom lil Ġesù.
Attività