Il-Kuġini jiltaqgħu

L-Avventura tal-Milied

It-tema tat-tieni ġimgħa tal-Avvent hija l-Imħabba. Alla sar bniedem bħalna għax iħobbna. Ġesù twieled, u għex bħalna, hu kien iħoss l-emozzjonijiet kif inħossuhom aħna, kellu l-istess bżonnijiet, u tbatijiet. Iżda differenti minna, Ġesù kellu fiduċja sħiħa f’Alla l-Missier; Ġesù ħalla lill-Ispirtu s-Santu jmexxih; Ġesù dejjem għamel ir-rieda ta’ Alla. Ġesù, tant iħobbna, li miet għalina fuq salib.

Ftakru li t-tfal ma jistgħux jifhmu u jemmnu li Ġesù jħobbhom, jekk ma jħossux li dawk ta’ madwarhom iħobbuhom. Huwa aħna l-adulti li permezz tal-imħabba li nuru lil dawn iċ-ċkejknin, inwassluhom li jemmnu, li Alla jħobbhom ukoll.

Aqra/itlob Salm 139, 1-14 dwar l-imħabba ta’ Alla

Iż-żjara ta’ Marija lil Eliżabetta

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa 1, 39-45, 56

F’dawk il-ġranet Marija qamet u marret tħaffef lejn l-għoljiet, f’belt tal-Lhudija. Daħlet għand Żakkarija u sellmet lil Eliżabetta. Malli Eliżabetta semgħet lil Marija ssellmilha, it-tarbija qabżet fil-ġuf tagħha u Eliżabetta mtliet bl-Ispirtu s-Santu; u nfexxet f’għajta kbira u qalet: “Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek! U minn fejn ġieni dan li omm il-Mulej tiegħi tiġi għandi? Għax ara, malli smajt f’widnejja leħen it-tislima tiegħek, it-tarbija li għandi fil-ġuf qabżet bil-ferħ. Iva, hienja dik li emmnet li jseħħ kulma bagħat jgħidilha l-Mulej!” Marija baqgħet ma’ Eliżabetta għal tliet xhur u mbagħad reġgħet lura lejn darha.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Bl-għajnuna tal-puppets, it-tfal jirrakuntaw il-ġrajja ta’ meta l-Madonna tmur għand il-kuġina tagħha, Eliżabetta.

  1. Alla lilna jħobbna ħafna u jagħtina nies bħall-ġenituri biex iwasslulna l-imħabba tiegħu. Għinu lit-tfal jagħmlu cards b’messaġġ ta’ mħabba. Fuq kull card, jiktbu, ‘Inħobbok aktar milli nħobb’ taħt dawn il-kliem ipinġu xi ħaġa li jħobbu (għaġin, chips, pizza, ġugarell jew logħba favorita). Dawn il-cards jagħtuhom lil min jixtiequ … lilkom il-ġenituri, aħwa, nanniet, zijiet, ħbieb.
  2. Għinu lill-Madonna tasal għand Eliżabetta (ara hawn taħt)

Ġesù għallimna nħobbu lill-oħrajn, kif tħobb inti. Irridu nkunu bħall-mama tiegħek. Hi ndunat li Eliżabetta kellha bżonnha, u malajr marret għandha biex tgħinha. Xi kultant aħna nkunu nafu li l-mama u l-papa jkunu jixtiequ li ngħinuhom, li npoġġu l-affarijiet tagħna f’posthom, li nieħdu ħsieb il-pets, imma aħna nippreferu nibqgħu nilgħabu. Għinna biex nagħmlu dak li tixtieq inti, mhux dak li  nixtiequ aħna. Grazzi Ġesù.

Ipprepara u niżżel minn hawn:

Ikollok bżonn:

  • Il-lapbook
  • Gloj/imqass
  • Lapes/kuluri
  • Kartonċina kkulurita
  • Templates (xemgħa mill-ġimgħa li għaddiet, pocket, qlub, il-forma b’3 flaps)

Attività

  • Ipprintja t-templates ta’ din il-ġimgħa u aqtagħhom
  • Agħti l-kulur lix-xemgħa (vjola) u fuqha ikteb IMĦABBA, din titwaħħal fuq it-tieni paġna tal-lapbook
  • Itwi l-pocket u l-forma bi 3 flaps
  • Mill-kartonċina aqta’ 3 iqlub li joqgħodu fil-pocket

Ejjew naqraw dwar it-tieni ġimgħa tal-Avvent

It-tema ta’ din il-ġimgħa hija l-IMĦABBA.

It-tieni xemgħa hija vjola, u tissejjaħ ukoll ix-xemgħa ta’ Betlehem, biex tfakkarna fl-esperjenza li kellhom Marija u Ġużeppi fi triqithom lejn Betlehem. Il-kulur vjola jfakkarna wkoll fir-rejjiet, għalhekk niftakru li Ġesù huwa Re tar-Rejiet. Qegħdin nistennew re ġdid biex jitwieled f’Betlehem, kif kien qal il-Profeta Mikea.

Din ix-xemgħa tfakkarna fil-vjaġġ ta’ Marija u Ġużeppi lejn Betlehem u l-preparazzjonijiet li għamlu qabel ma twieled Ġesù. Intom kif qegħdin tippreparaw għall-Milied? Ħafna jkunu qegħdin jaħsbu dwar ir-rigali li jridu jixtru u l-ikel li jrid jissajjar, kif ukoll it-tiżjin tad-dar. Madanakollu, hemm preparazzjoni li hija ħafna aktar importanti. Kif se nippreparaw lil qalbna, għat-twelid ta’ Ġesù?

Fi żmien Ċesare Awgustu mexxej Ruman, kien sar ċensiment (biex ikun jaf kemm hemm nies). Dan fisser li Marija u Ġużeppi kellhom jivjaġġaw minn Nazaret fil-Galilea għal Betlehem, madwar 140 kilometru, biex jirreġistraw bħan-nies l-oħra kollha. Dan kien vjaġġ twil u Marija kienet qed tistenna tarbija. F’Betlehem kien hemm ħafna nies, u ma setgħux isibu post fejn joqgħodu. Meta kienu hemm, wasal iż-żmien li titwieled it-tarbija ta’ Marija. Tafu fejn sabu post biex joqgħodu? Sabu post fi stalla tal-annimali, u hemmhekk twieldet it-tarbija u poġġewha f’maxtura (post minn fejn jieklu l-annimali, bħall-baqar, żwiemel u nagħaġ). 

Matul din il-ġimgħa niftakru fl-imħabba kbira ta’ Alla li ingħatatilna f’din il-belt żgħira ta’ Betlehem f’maxtura fqira. Ġesù tarbija huwa r-rigal ta’ mħabba ta’ Alla għalina lkoll. 

Din ix-xemgħa se tixgħel fid-dar,

għax Ġesù ġej dalwaqt fuq din l-art!

Fil-grotta ta’ Betlem, fis-skiet,

se jimla ’l kulħadd bil-barkiet

Għażiż Mulej, għandna ħafna x’nagħmlu bħalissa u ma nafux aħniex se nkunu lesti sa ma tiġi. F’dan id-dawl tal-Avvent, għinna naraw dak li hu importanti. Għinna naraw kif nistgħu nwieġbu għall-imħabba tiegħek u nagħmlu dak li tixtieq. Ammen. 

Matul din il-ġimgħa nistgħu niftakru fl-imħabba u kif Alla kien l-ewwel li ħabbna u rridu nroddu din l-imħabba lura u ngħadduha lill-oħrajn ukoll.

  • Tistgħu tiktbu din it-talba fit-tieni paġna tal-lapbook. Inkella agħmlu talba u iktbuha fuq ix-xemgħa.
  • Waħħal il-pocket ħdejn ix-xemgħa, u ikteb l-Imħabba tinstab f’Ġesù
  • Fuq it-3 iqlub ikteb kif, matul din il-ġimgħa,  tista’ twassal l-imħabba ta’ Alla, id-dar jew lill-ħbieb. Tista’ turi l-imħabba jew b’azzjoni jew b’kelma tajba, tbissima jew tannieqa, taħsel il-platti, jew tnaddaf il-kamra tiegħek. Poġġi l-qlub fil-pocket u matul din il-ġimgħa, ipprova agħmel dawn l-atti ta’ mħabba. 
  • Waħħal il-forma bi 3 flaps fuq il-pocket. Fuq barra ikteb Ġużeppi, Marija, Ġesù. Fuq ġewwa ikteb: Il-Verb sar bniedem u għammar fostna (Ġwanni 1, 14)
  • Isma’, Sent from Above