Taħt is-salib kien hemm grupp żgħir ta’ nisa. Però dawn ma kienux ma’ Ġesu taħt is-salib biss. Dawn imxew il-passjoni kollha miegħu. Meta ħafna mid-dixxipli ta’ Ġesu beżgħu u ħarbu jiġru, dawn in-nisa b’ħafna kuraġġ baqgħu dejjem maġenb Ġesù. Dawn ma qagħdux jgħajtu, tafux! Ma qagħdux jiġġieldu. Iżda baqgħu mexjin maġenb Ġesù huwa u jġorr is-salib u jbati. Il-preżenza tagħhom kien ir-rigal tagħhom għal Ġesù.
Però dawn baqgħu ma’ Ġesu fil-passjoni tiegħu kollha għax kienu ilhom ħafna jafuh sew, u jimxu warajh u jħobbuh. Huma kienu esperjenzaw l-imħabba ta’ Ġesù għalihom u issa huma riedu jħobbuh lura billi jibqgħu miegħu sal-aħħar. Riedu juruh li jħobbuh ta’ veru billi jibqgħu ħdejh u jbatu miegħu. Huma batew ħafna wkoll għax li tara lil xi ħadd li tħobb qiegħed ibati mhix ħaga faċli. Jien naħseb li huma riedu jgħallmuni li anki jekk ħafna drabi ma jidher li nistgħu nagħmlu xejn, fil-fatt nistgħu nagħmlu ħafna billi nkunu viċin ta’ min qiegħed ibati. Bħal dawn in-nisa aħna wkoll imsejħin biex l-imħabba li Alla juri magħna, issa aħna nuruha ma’ min qiegħed ibati.