Il-Paċi

Ir-4 Ħadd tal-Avvent

Għalkemm ċertu kliem inkunu familjari miegħu sa minn meta nkunu għadna tfal, hu normali li aħna u nikbru ċerti tifsiriet jitwessgħu jew saħansitra jinbidlu. Jekk issemmi l-kelma ‘paċi’ mat-tfal, x’aktarx li jgħidulek li din tfisser armonija mal-ħbieb tagħhom u ma’ ħuthom jew anke l-oppost tal-ġlied u l-gwerer. Aħna u nikbru x’aktarx il-kelma paċi tibda tfisser ukoll mumenti ta’ ‘kwiet’, bħal meta wara ġurnata xogħol tpoġġi fuq is-sufan u tieħu tazza te ‘fil-paċi’. Tibda tfisser mumenti li fihom ma jkunx hemm ħsibijiet tqal jew żejda, imma fejn il-moħħ jibda jistrieħ.

Mingħajr ma nindunaw, it-tifsira tal-kelma paċi tibda toqrob aktar lejn is-sinjifikat ta’ din il-kelma hekk kif insibuha fil-Bibbja. Dak il-lejl li fih seħħ it-twelid ta’ Ġesù, naraw l-anġli jħabbru ‘l-paċi’ fuq l-art lill-bnedmin ta’ rieda tajba. Fit-tarf l-ieħor tal-ħajja ta’ Ġesù naraw lilu stess isellem lid-dixxipli tiegħu bil-kelma ‘Shalom’, li tfisser paċi. Fl-aħħar diskors tiegħu, li nsibu fl-Evanġelju ta’ San Ġwann, Ġesù jurina b’mod ċar li jixtieq li dak li jħallilna jkun proprju ‘l-paċi tiegħu’. Dan jurina li din il-paċi hi rigal tassew speċjali, u la hi rigal, mhix xi ħaġa li nistgħu nixtru bil-flus, jew li mhix aċċessibbli għalina. Biex nirċievu rigal hemm bżonn biss li ninfetħu għalih, li niftħu idejna u qlubna biex nilqgħu dak li qed jingħatalna.

Ħafna drabi, bħala ġenituri, f’dan iż-żmien tal-Milied insibu ruħna naħsbu għar-rigali ta’ kulħadd – ta’ wliedna, tal-qraba tagħna, ta’ xi kollegi tax-xogħol, tal-għalliema u diversi persuni oħra. Minħabba f’hekk għal diversi minna hu ħafna aktar faċli li nagħtu rigali milli nirċevuhom. Dan ir-raba’ Ħadd tal-Avvent li hu l-aħħar pass qabel niċċelebraw il-festa tal-Milied, qed jistedinna biex ninfetħu għal dawk id-doni li l-Mulej jixtieq jagħti lil kull wieħed u waħda minna.  Tkun tassew ħasra jekk qed niġu mogħtija rigali hekk sbieħ iżda ma nindunawx bihom jew inħallu idejna magħluqa flok niftħuhom biex nilqgħu dak li qed jingħatalna.

Din il-ġimgħa lit-tfal se nippreżentawlhom il-figuri ta’ Marija u Ġużeppi. Jekk aħna li qed ngħixu fl-2020 nistgħu ngħidu li din kienet sena kerha u ta’ min jinsieha, Marija u Ġużeppi żgur mhumiex barranin għad-diffikultajiet tal-ħajja. Fis-sena li fiha twieled Ġesù, Marija kellha tħabbat wiċċha ma’ tqala mirakoluża, ħaġa li qatt u qatt ma ġrat fl-istorja tal-umanità; tqala li għal min ma riedx jemmen dak li qed jiġri setgħet tfissrilha sentenza tal-mewt. Kellha taffaċċja vjaġġ għand il-kuġina tagħha Eliżabetta, vjaġġ ieħor twil lejn Betlem, ħlas ġo stalla u vjaġġ ieħor twil b’tarbija lejn l-Eġittu. Min-naħa tiegħu Ġużeppi kellu jaffaċċja r-realtà ta’ għarusa li qed iġġorr tarbija li mhix tiegħu; anġli li jħabbrulu veritajiet li ħadd aktar ma seta’ jifhimhom għax id-dinja qatt ma kienet rat bħalhom; responsabbiltà ġdida u kbira li jkun il-missier putattiv ta’ Ġesù u parteċipazzjoni mill-qrib f’misteru li kien ħafna ikbar minnu.

Is-sbuħija tal-familja Mqaddsa hi li ma kinitx familja ‘perfetta’ iżda familja qaddisa, u dan għandu jagħmlilna ħafna kuraġġ, għax filwaqt li ma nistgħux inkunu perfetti, nistgħu tassew inkunu qaddisa jekk inkunu kapaċi ngħixu d-diffikultajiet tal-ħajja tagħna fid-dawl tal-fidi.  Marija u Ġużeppi laqgħu għandhom il-prinċep tal-paċi, iżda mhux biex iżommuh għalihom, imma biex jagħtuh lid-dinja kollha. Jalla f’dawn il-ġranet nidħlu f’attitudni ta’ riċettività għal dawn id-doni hekk kbar li qed jiġu mogħtija lilna f’dan iż-żmien qaddis tal-Avvent u l-Milied.

Kieku kellek tpinġi lill-Madonna, kif tpinġiha?

Kieku jiena npinġiha ferħana u sorpriża, imma wkoll daqsxejn għajjiena u ftit imbeżżgħa.

Inpinġiha ferħana u sorpriża għax għadha kif welldet lit-tifel tagħha, imma t-tifel tagħha huwa wkoll Iben Alla! Immaġina x’setgħet qalet il-Madonna hija hu tħares lejn it-tarbija tagħha! Ċert li kienet sorpriża b’dak li kien qiegħed jiġri. Diġà ħaġa kbira ħafna għalina li Alla sar bniedem bħalna, jiġifieri li Alla ħa ġisem bħal tagħna u għex magħna fid-dinja; kemm hi akbar għall-Madonna li dan Alla li għadu kemm sar bniedem huwa t-tifel tagħha?

Aħna kollha nixbhu lil xi ħadd aktar minn nies oħra; ħafna nies jgħiduli nixbah liz-ziju, per eżempju. Immaġina l-Madonna tħares lejn Ġesù u tara mhux biss lil Alla li sar tarbija ċkejkna, imma lil Alla li jixbaha għax hu t-tifel tagħha! Hi ġarrietu f’ġufha għal disa’ xhur u se tkompli tieħu ħsiebu. Hi tħares lejn dan Alla li sar bniedem u tgħannqu magħha.

Drabi oħra nimmaġina li l-Madonna kienet toqgħod kwieta u taħseb dwar dak li kien qiegħed jiġri: hi qiegħda tgħannaq lil Alla! Għalhekk inpinġi lill-Madonna daqsxejn għajjiena u ftit imbeżżgħa. Hi vjaġġat madwar 90 mil minn Nazaret (fejn kienet toqgħod) sa Betlehem (il-belt tal-familja ta’ San Ġużepp), u nimmaġina li l-Madonna kienet ftit imbeżżgħa bir-responsabbiltà li kellha li tieħu ħsieb l-Iben t’Alla, imma xorta afdat f’Alla.

Ma kienx hemm kamra fejn il-Madonna u San Ġużepp setgħu joqogħdu meta kien se jitwieled Ġesù (Luqa 2:6-7)

U lil San Ġużepp? Kif tpinġih?

Inpinġi lil San Ġużepp bħala bniedem kwiet u li jaħseb.

Il-ħarba lejn l-Eġittu meta Erodi fittex li jolqtol lil Ġesù (Mattew 2:13-15)

Kwiet għax fil-Bibbja m’għandniex miktub kliem li qal San Ġużepp; dan ma jfissirx li San Ġużepp ma tkellimx, imma din turina li għal San Ġużepp kienet aktar importanti li jagħmel dak li jixtieq minnu Alla milli jitkellem. Nimmaġina li San Ġużepp kien ukoll bniedem li jaħseb ħafna. X’kont tagħmel kieku sibt lilek innifsek fl-istess kamra mal-Madonna u ma’ Ġesù tarbija?

Dan li ġralu San Ġużepp, u naħseb li hu tgħallem ħafna kif jgħix ħajja tajba billi jħares lejn il-Madonna u lejn Ġesù, u jitgħallem minnhom. San Ġużepp jgħallimna li aħna wkoll għandna ħafna x’nitgħallmu minn din l-Omm u minn din it-Tarbija! Nimmaġina li San Ġużepp kien jitlob ħafna, ukoll, l-aktar biex ikollu l-kuraġġ jipproteġi lill-Madonna u lil Ġesù.

Waqt li nagħtu l-kulur lill-istampi tal-Madonna u ta’ San Ġużepp, nitolbu għall-Paċi. Ir-raba’ Ħadd tal-Avvent hu wkoll Ħadd il-Paċi. Nitolbu għall-paċi fid-dinja, imma nitolbu wkoll biex aħna wkoll inkunu strumenti tal-paċi. L-ewwel għandna noffru dak kollu li hu diffiċli għalina u li jinkwetana lil Alla. Hekk biss il-paċi t’Alla tista’ tidħol fil-ħajja tagħna; u hekk biss nistgħu ngħaddu l-paċi lill-oħrajn.