Il-Parteċipazzjoni

Ir-Raba' riflessjoni

Papa Franġisku joħlom u jixtieq jara dinja – u Knisja – li fiha kulħadd jista’ jagħmel differenza għall-aħjar. Ħafna drabi naqtgħu qalbna għaliex naraw lill-politikanti jew lill-qassisin jieħdu deċiżjonijiet li mhux bilfors jidhru li huma tajbin, u dan iġelgħna naħsbu li aħna mhux parti importanti mid-dinja u mill-Knisja. Imma dan mhux il-każ!

Papa Franġisku jfakkarna li aħna parti mid-dinja u mill-Knisja, u għalhekk il-ħolm u x-xewqat tagħna huma wkoll importanti biex jgħinu lid-dinja u lill-Knisja jkunu postijiet aħjar u isbaħ. F’dawn l-aħħar snin rajna lil Papa Franġisku jiddiskuti maż-żgħażagħ dwar kif il-Knisja tista’ tgħin liż-żgħażagħ jgħixu aktar il-ħolm u x-xewqat tagħhom, u rajna wkoll lil Papa Franġisku jiddiskuti man-nies tal-Amażonja dwar kif il-Knisja tista’ taħdem aħjar f’din il-parti żgħira – imma importanti xorta waħda – tad-dinja. Bħalissa l-Knisja għaddejja minn proċess twil li matulu tisma’ l-opinjonijiet ta’ kulħadd – tfal, adulti u anzjani, minn kull naħa tad-dinja – biex il-Knisja tkun ta’ għajnuna akbar għan-nies kollha tad-dinja. Għaliex hemm bżonn ta’ dan il-proċess twil? Dan il-proċess twil ifakkarna li fil-Knisja kulħadd hu importanti u, fuq kollox, li Alla jaħdem ma’ kulħadd u għal kulħadd. X’jiġifieri?

Dan il-proċess ifisser li Papa Franġisku jixtieq ifakkarna fl-importanza tat-talb fil-ħajja tagħna. Meta nitolbu, nifhmu aktar ċar – anke jekk bil-mod – x’irid Alla minna fil-ħajja tagħna, u b’hekk nistgħu nagħtu sehmna għall-bini ta’ Knisja – u dinja – aħjar. Meta Papa Franġisku jixtieq jisma’ lil kulħadd, dan qed jagħmlu għax jemmen li Alla qiegħed jaħdem għal Knisja u dinja aħjar permezz ta’ kulħadd – inkluż permezz tiegħek ukoll!