Naqraw

Ġwanni 18, 1-40

1Kif qal dan, Ġesù ħareġ mad-dixxipli tiegħu u qasam għan-naħa l-oħra tal-Wied ta’ Kedron; hemmhekk kien hemm ġnien, u daħal fih mad-dixxipli tiegħu. 2Ġuda, dak li ttradieh, kien jafu l-post, għax Ġesù kien sikwit jinġabar hemm mad-dixxipli tiegħu. 3Ġuda ħa ġemgħa suldati u xi għases mingħand il-qassisin il-kbar u l-Fariżej, u mar bihom hemmhekk, bil-fanali, torċi u armi. 4Ġesù, li kien jaf b’kulma kien ġej fuqu, mar fuqhom u qalilhom: “Lil min qegħdin tfittxu?” 5Huma weġbuh: “Lil Ġesù ta’ Nazaret.” U hu qalilhom: “Jiena hu.” Ġuda, dak li ttradieh, kien hemm magħhom huwa wkoll. 6Kif Ġesù qalilhom, ‘Jiena hu’, huma resqu lura u waqgħu mal-art. 7“Lil min qegħdin tfittxu?” raġa’ staqsiehom. U huma qalulu: “Lil Ġesù ta’ Nazaret.” 8Ġesù weġibhom: “Għedtilkom li jiena hu. Jekk qegħdin tfittxu lili, ħallu lil dawn imorru.” 9Dan sar biex iseħħ dak li Ġesù kien qal, ‘Minn dawk li tajtni, anqas wieħed biss ma tlift.’ 10Xmun Pietru kellu sejf, siltu, u darab lill-qaddej tal-qassis il-kbir u qatagħlu barra widintu l-leminija. Dan il-qaddej kien jismu Malku. 11Imma Ġesù qal lil Pietru: “Erġa’ daħħal is-sejf fl-għant tiegħu. Forsi l-kalċi li tani Missieri ma nixorbux?”

Ġesù quddiem il-qassis il-kbir

12Imbagħad is-suldati u l-kaptan tagħhom flimkien mal-għases tal-Lhud, qabdu lil Ġesù u rabtuh. 13L-ewwel ħaduh għand Anna, billi dan kien missier il-mara ta’ Kajfa, il-qassis il-kbir f’dik is-sena.  14Kajfa kien dak li ta parir lil-Lhud li jkun jaqbel li bniedem wieħed imut għall-poplu.

Pietru jiċħad lil Ġesù

15Xmun Pietru u dixxiplu ieħor marru wara Ġesù. Dan id-dixxiplu kien midħla tal-qassis il-kbir, u għalhekk daħal fil-bitħa tal-qassis il-kbir flimkien ma’ Ġesù.  16Imma Pietru baqa’ barra ħdejn il-bieb. Imbagħad id-dixxiplu l-ieħor, li kien midħla tal-qassis il-kbir, ħareġ ikellem lill-purtinara, u daħħal lil Pietru ġewwa. 17Il-qaddejja li kienet mal-bieb qalet lil Pietru: “Int m’intix ukoll wieħed mid-dixxipli ta’ dan ir-raġel?” Hu weġibha: “Le, m’iniex.” 18Il-qaddejja u l-għases kienu kebbsu n-nar mill-faħam, għax kien il-bard, u qagħdu hemm għas-sħana. U Pietru wkoll qagħad magħhom għas-sħana.

Il-qassis il-kbir jistaqsi lil Ġesù

19Il-qassis il-kbir staqsa lil Ġesù fuq id-dixxipli u t-tagħlim tiegħu. 20Ġesù wieġbu: “Jiena tħadditt fil-beraħ, quddiem kulħadd. Għallimt dejjem fis-sinagoga u fit-tempju fejn jinġabru l-Lhud kollha, u bil-moħbi ma għedt xejn. 21Għalfejn qiegħed tistaqsi lili? Staqsi lil dawk li semgħuni, x’għedtilhom. Huma jafu x’għedt.” 22Kif qal hekk, wieħed mill-għases li kien ħdejh ta daqqa ta’ ħarta lil Ġesù u qallu: “Hekk twieġbu lill-qassis il-kbir?” 23Ġesù qallu: “Jekk jien għedt xi ħaġa mhix sewwa, urini fejn; imma jekk għedt is-sewwa, għaliex terfa’ jdejk fuqi?” 24Imbagħad Anna bagħat lil Ġesù marbut għand Kajfa, il-qassis il-kbir.

Pietru jerġa’ jiċħad lil Ġesù

25Xmun Pietru mela kien qiegħed hemm għas-sħana; u qalulu: “Int m’intix ukoll wieħed mid-dixxipli tiegħu?” Imma hu ċaħad u qal: “Le m’iniex.” 26Wieħed mill-qaddejja tal-qassis il-kbir, li kien jiġi minn dak ir-raġel li Pietru kien qatagħlu widintu, qal: “Mela jiena ma rajtekx miegħu fil-ġnien?” 27Pietru ċaħad għal darb’oħra; u minnufih idden is-serduk.

Ġesù quddiem Pilatu

28Imbagħad ħadu lil Ġesù mingħand Kajfa għall-Pretorju. Kien filgħodu kmieni. Huma ma daħlux fil-Pretorju, għax ma ridux jitniġġsu, biex ikunu jistgħu jagħmlu l-ikla tal-Għid29Pilatu ħareġ barra ħdejhom u qalilhom: “X’akkuża għandkom kontra dan ir-raġel?” 30U huma weġbuh: “Li kieku dan ma kienx raġel ħażin aħna ma konniex nagħtuh f’idejk.” 31Pilatu qalilhom: “Ħuduh intom, u ġġudikawh intom skont il-liġi tagħkom.” Imma l-Lhud qalulu: “Aħna ma għandna setgħa noqtlu lil ħadd.” 32Dan ġara biex iseħħ dak li Ġesù kien qal meta fisser kif kellu jmut. 33Pilatu raġa’ daħal fil-Pretorju, sejjaħ lil Ġesù u qallu: “Inti s-sultan tal-Lhud?” 34Ġesù wieġeb: “Dan qiegħed tgħidu int minn moħħok? Jew kienu oħrajn li qalulek dan fuqi?” 35Pilatu wieġeb: “Mela jiena Lhudi? Kien il-poplu tiegħek u l-qassisin il-kbar li tawk f’idejja. X’għamilt?” 36Ġesù wieġeb: “Is-saltna tiegħi mhijiex ta’ din id-dinja. Li kieku saltnati kienet ta’ din id-dinja, l-għases tiegħi kienu jiġġieldu biex ma ningħatax f’idejn il-Lhud; imma tabilħaqq saltnati mhijiex ta’ hawn.” 37Pilatu qallu: “Mela int sultan?” U Ġesù wieġeb: “Int qiegħed tgħidu; jien sultan. Jien għalhekk twelidt, u għalhekk ġejt fid-dinja, biex nixhed għall-verità. U kull min iħobb il-verità jisma’ leħni.” 38Pilatu qallu: “U l-verità x’inhi?”

Ġesù kkundannat għall-mewt

Kif qal dan, raġa’ ħareġ quddiem il-Lhud u qalilhom: “Jiena ma nsib ebda ħtija fih. 39Issa intom għandkom id-drawwa li neħilsilkom wieħed fil-Għid. Tridunix neħilsilkom lis-sultan tal-Lhud?” 40Hawn huma mill-ġdid bdew jgħajtu u jgħidu: “Mhux lil dan, imma lil Barabba.” Dan Barabba kien brigant.

Ġwanni 19, 1-30 

1Imbagħad Pilatu ordna li jieħdu lil Ġesù u jagħtuh is-swat. 2Is-suldati nisġu kuruna tax-xewk u qegħduhielu fuq rasu, u libbsuh mantar aħmar skur. 3U bdew ġejjin quddiemu u jgħidulu: “Is-sliem għalik, ja sultan tal-Lhud!” U bdew jagħtuh bil-ħarta. 4Għal darb’ oħra Pilatu ħareġ barra jgħidilhom: “Araw, se nġibhulkom quddiemkom hawn barra, biex tkunu tafu li jien ma nsib ebda ħtija fih.” 5U Ġesù ħareġ hemm barra, liebes il-kuruna tax-xewk u l-mantar aħmar; u Pilatu qalilhom: “Arawh, hawn hu l-bniedem!” 6X’ħin rawh, il-qassisin il-kbar u l-għases bdew jgħajtu u jgħidu: “Sallbu! Sallbu!” Pilatu qalilhom: “Ħuduh u sallbuh intom; jiena ma nsib ebda ħtija fih.” 7Il-Lhud weġbuh: “Aħna għandna liġi, u skont din il-liġi għandu jmut, għax għamel lilu nnifsu Bin Alla.”

8Meta sama’ dan, Pilatu aktar baża’. 9Raġa’ daħal fil-Pretorju u qal lil Ġesù: “Int mnejn int?” Imma Ġesù ma wieġbu xejn. 10Għalhekk Pilatu qallu: “Lili ma tkellimx? Ma tafx li jiena għandi s-setgħa neħilsek u għandi s-setgħa nsallbek?” 11Ġesù wieġbu: “Ma kien ikollok ebda setgħa fuqi kieku ma ġietx mogħtija lilek minn fuq; għalhekk min ta lili f’idejk għandu ħtija akbar.” 12Minn dak il-ħin ’il quddiem Pilatu beda jfittex kif jeħilsu; imma l-Lhud issuktaw jgħajtu u jgħidu: “Jekk teħles lil dan, tiksirha ma’ Ċesari, għax kull min jagħmel lilu nnifsu sultan ikun qiegħed jeħodha kontra Ċesari.”

13Meta semagħhom jgħidu dan, Pilatu ġieb lil Ġesù barra u qiegħdu fuq sedja għolja, fil-post imsejjaħ Litòstrotos, bil-Lhudi Gabbatà. 14Kien Jum it-Tħejjija tal-Għid, għall-ħabta tas-sitt siegħa. Pilatu qal lil-Lhud: “Arawh is-sultan tagħkom!” 15Dawk infexxew jgħajtu: “Għall-mewt! Għall-mewt! Sallbu!” Pilatu qalilhom: “Jien se nsallab lis-sultan tagħkom?” Imma l-qassisin il-kbar weġbuh: “Aħna ma għandniex sultan ħlief lil Ċesari!” 16Fl-aħħar tahulhom f’idejhom biex isallbuh.

Ġesù msallab

U huma ħadu lil Ġesù. 17Ġesù rafa’ s-salib u ħareġ lejn il-post imsejjaħ ‘il-Qorriegħa’, bil-Lhudi Golgota18Hemm huma sallbuh ma’ tnejn oħra, wieħed kull naħa, u Ġesù fin-nofs. 19Pilatu għamel kitba u waħħalha fuq is-salib; fiha kien hemm miktub, “Ġesù ta’ Nazaret, is-sultan tal-Lhud.” 20Din il-kitba qrawha ħafna Lhud, għax il-post fejn sallbu lil Ġesù kien qrib il-belt, u l-kitba kienet bil-Lhudi, bil-Latin u bil-Grieg. 21Għalhekk il-qassisin il-kbar tal-Lhud marru jgħidu lil Pilatu: “Ma kienx imissek tikteb, ‘Is-sultan tal-Lhud,’ imma li ‘Dan qal: Jiena sultan tal-Lhud.’ ” 22Pilatu wieġeb: “Issa li ktibt ktibt!”

23Wara li sallbu lil Ġesù, is-suldati ħadu l-ilbies tiegħu u qassmuh f’erbgħa, sehem lil kull wieħed minnhom. U ħadu wkoll it-tunika; din kienet libsa bla ħjata, minsuġa biċċa waħda minn fuq s’isfel. 24Ftiehmu bejniethom u qalu: “Ma nqattgħuhiex, iżda nitfgħu x-xorti għaliha, u lil min tmiss jeħodha.” Dan ġara biex isseħħ l-Iskrittura li tgħid,

“Ħwejġi qasmu bejniethom,

u għall-ilbies tiegħi tefgħu x-xorti.”

U dan tabilħaqq għamluh is-suldati. 25Kien hemm wieqfa ħdejn is-salib ta’ Ġesù ommu, oħt ommu, Marija ta’ Kleofa, u Marija ta’ Magdala. 26Mela kif Ġesù lemaħ lil ommu u lid-dixxiplu li kien iħobb wieqaf ħdejha, qal lil ommu: “Mara, hawn hu ibnek.” 27Imbagħad qal lid-dixxiplu: “Hawn hi ommok.” U minn dak il-ħin id-dixxiplu ħadha għandu.

Il-mewt ta’ Ġesù

28Wara dan, Ġesù, billi issa kien jaf li kollox kien mitmum, biex isseħħ l-Iskrittura qal: “Għandi l-għatx!”29Kien hemm bieqja mimlija bil-ħall; huma xarrbu sponża bil-ħall, waħħluha ma’ qasba tal-issopu, u ressquhielu lejn ħalqu. 30Kif Ġesù ħa l-ħall, qal: “Kollox hu mitmum!” Imbagħad mejjel rasu u radd ruħu.

Nitolbu

Għażiż Ġesù, illum naħsbu dwar il-mewt tiegħek fuq is-salib, biex id-dnub tagħna jkun maħfur. Grazzi minn qalbi tar-rigal ta’ ħajja ta’ dejjem miegħek fil-ġenna. Ammen. 

Ngħixu

Illum insumu milli nieklu bejn ikla u oħra. Nippruvaw ukoll insumu minn ħin quddiem il-computer, tablets u television, minflok naqraw ġrajjiet dwar Ġesù. Nitolbu t-Triq tas-Salib

Attività