Nota lill-katekisti/ġenituri: l-aħjar mod li titmexxa l-Via Sagra, hu, li l-qari jsir minn adult jew tfal akbar u li jafu jaqraw, u t-tfal iż-żgħar iwieġbu l-mistoqsijijet (wara kull mistoqsija ieqfu u agħtuhom ċans iwieġbu) u jgħidu t-talb bħall-Missierna, eċċ. Jekk il-Via Sagra qed tingħad ma’ tfal akbar tista’ tinqara wkoll is-silta mill-Evanġelju; imma titħalla barra jekk hemm tfal żgħar, biex b’hekk il-ħin ma jkunx twil wisq.
Jekk it-Triq tas-Salib qed tingħad id-dar, l-istazzjonijiet jistgħu jkunu mferrxa mad-dar u fil-bitħa/ġnien. Imxu minn stazzjon għall-ieħor fil-ġabra, it-tfal jistgħu jġorru s-salib u x-xemgħa.
X’għandkom bżonn tippreparaw:
Talba
Ġesù, se nimxu miegħek it-triq lejn is-salib. Ser niltaqgħu ma’ dawk in-nies li ltqajt magħhom inti. Meta aħna nagħmlu affarijiet tajba, meta nġibu ruħna sew, meta nħobbu lill-oħrajn, aħna nkunu qed niltaqgħu miegħek. Ġesù, inti għidtilna li dak kollu li nagħmlu mal-oħrajn, inkunu qegħdin nagħmluh miegħek. Għalhekk mhux ser nitolbu biss, imma wkoll ser nippruvaw nagħmlu affarijiet li jogħġbu lilek.
Aħna nafu kemm tħobbna u kemm batejt minħabba fina. Nixtiequ noffru din it-talba tagħna għal dawk it-tfal kollha li qegħdin ibatu minħabba l-gwerer, faqar, mard u nuqqas ta’ mħabba. Nitolbu għal dawk it-tfal li kellhom jaħarbu minn pajjiżhom u jmorru jgħixu f’xi pajjiż ieħor. Ġesù, ibagħtilhom għajnuna u nies li jħobbuhom u jilqgħuhom.
Grazzi Ġesù għaliex inti dejjem tisma’ t-talb tagħna.
Glorja lill-Missier …. O Ġesù, ta’ qalb ħelwa u umli, agħmel li qalbna tkun tixbah lil tiegħek.
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa (23, 1-7, 11, 13-14, 23-25)
Imbagħad qamet il-ġemgħa kollha u ħaduh għand Pilatu. U bdew jakkużawh u jgħidu: “Aħna sibna li dan il-bniedem qiegħed ixewwex lill-ġens tagħna, li mhuwiex iħalli lil min iħallas it-taxxa lil Ċesari, u li qiegħed jgħid li hu l-Messija Sultan.” Pilatu staqsieh u qallu: “Inti s-sultan tal-Lhud?” U hu wieġbu: “Inti qiegħed tgħidu.” Pilatu qal lill-qassisin il-kbar u lill-kotra tan-nies: “Ebda ħtija ma nsib f’dan il-bniedem.” Iżda huma baqgħu jinsistu u jgħidu: “Qiegħed ixewwex lill-poplu, u jgħallem fil-Lhudija kollha, ibda mill-Galilija sa hawnhekk stess.”
Kif sama’ dan, Pilatu staqsa jekk dak ir-raġel kienx mill-Galilija, u meta sar jaf li hu kien min-naħa li kien jagħmel minnha Erodi, bagħtu quddiemu. Erodi, flimkien mas-suldati tiegħu, beda jżebilħu u jgħaddih biż-żufjett, libbsu libsa ta’ kulur ilellex u raġa’ bagħtu quddiem Pilatu.
Pilatu sejjaħ flimkien il-qassisin il-kbar, il-kapijiet, u l-poplu, u qalilhom: “Ġibtuli quddiemi lil dan il-bniedem bħala wieħed li qiegħed ixewwex lill-poplu. Ara, jiena stħarriġtu quddiemkom fuq l-akkużi li qegħdin iġġibu kontra tiegħu, u ma sibt ebda ħtija fih. Iżda huma b’ħafna għajjat baqgħu jinsistu u jitolbu li jkun imsallab, sakemm fl-aħħar għaddiet tagħhom. Għalhekk Pilatu qatagħha li jsir kif talbu huma, u lil Ġesù tahulhom bħalma xtaqu.
Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu
Pilatu kien gvernatur. Darba n-nies ħadu lil Ġesù quddiemu. Ġesù kien qal li hu l-Iben t’Alla iżda n-nies ma emmnuhx u riedu joqtluh. Għalhekk, ħaduh għand Pilatu biex joqtlu. Minkejja li hu kien il-Gvernatur, Pilatu beża’. Ma kienx jaf Ġesù kienx qiegħed jgħid il-verità; imma beża’ wkoll, li jekk jemmen lil Ġesù, l-Imperatur Ruman kien jeħodha kontrih u hu ma jibqax gvernatur.
Aħna ġieli nkunu bħal Pilatu? Ġieli nibżgħu nagħmlu dak li hu tajjeb?
Għalfejn nibżgħu?
Talba
Ġesù, għinna biex ma nibżgħux nagħmlu dak li hu tajjeb. Agħtina l-kuraġġ biex dejjem ngħidu l-verità. Ġesù, jien nħobbok u nadurak. Missierna …
Jiena niltaqa’ ma’ Ġesù
Qabel nieħdu deċiżjoni, nitolbu lil Alla biex jgħinna nagħmlu għażla tajba.
Għandna dejjem ngħidu l-verità, anke jekk dan ifisser li se jkollna nbatu l-konsegwenzi.
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa (2, 34-35, 51)
Xmun berikhom, u qal lil ommu Marija: “Ara, dan se jġib il-waqgħa u l-qawmien ta’ ħafna f’Iżrael; se jkun sinjal li jmeruh, – u inti wkoll, sejf jinfidlek ruħek! – biex jinkixfu l-ħsibijiet moħbija fil-qlub ta’ ħafna.” Ommu kienet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha.
Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu
Wara li Pilatu kkundannah għall-mewt, is-suldati għabbew lil Ġesù b’salib u kellu jġorru sa għolja, ‘l barra mill-Belt. Kien hemm ħafna nies matul it-triq. Minkejja dan, kien hemm persuna li baqgħet miexja ma’ Ġesù matul it-triq kollha. Tafu min hi?
Kienet il-mama tiegħu. Il-Madonna, li bħal kull omm, tħobb ħafna lit-tifel tagħha, ma rieditx tħalli lil Ġesù waħdu, speċjalment issa li kellu jbati ħafna. Kemm iddispjaċiha l-Madonna tara lil dawk in-nies kollha li riedu lil Ġesù jmut. Min jaf kemm kien għen nies minnhom, u forsi anke fejjaqhom jew fejjaq lil xi ħadd minn tal-familja tagħhom jew mill-ħbieb tagħhom. Wara li Ġesù għen tant nies, issa riedu joqtluh! Min jaf il-Madonna kemm xtaqet li Ġesù ma jbatix, li s-suldati jieqfu jsawtuh u li n-nies jieqfu jgħajjruh.
Taħsbu li hawn mummies li bħall-Madonna qegħdin ibatu ħafna?
Min huma dawn il-ommijiet? (dawk li għandhom tfal morda, dawk li jgħixu f’pajjiżi fejn hemm il-gwerra, dawk li huma fqar)
Talba
Ġesù, nixtieq nitlob għall-ġenituri tiegħi, berikom u ħu ħsiebhom. Ħu ħsieb ukoll lil dawk il-ġenituri li għaddejjin minn diffikultajiet u żmien diffiċli. Ġesù, jien nħobbok u nadurak. Missierna … Madonna għin lill-dawk l-ommijiet kollha li qegħdin ibatu. Sliema ….
Jiena niltaqa’ ma’ Ġesù
Ġesù jgħallimna biex inħobbu lill-ġenituri tagħna. Ippruvaw li tobdu lill-ġenituri tagħkom mal-ewwel u tgħidulhom ta’ spiss li tħobbuhom.
Qari mill-Evanġelju skont San Mark (15, 21)
Kien għaddej wieħed, Xmun minn Ċireni, missier Xandru u Rufu, ġej lura mir-raba’, u ġagħluh jerfagħlu s-salib.
Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu
Xmun kien bidwi. Darba minnhom wara li kien sejjer lura d-dar mill-għelieqi tiegħu flimkien mat-tfal tiegħu, ra folla kbira ta’ nies u resaq biex jara x’kien ġara. Kif resaq qrib, mar suldat fuqu u qallu biex imur jgħin wieħed li kien qiegħed iġorr salib.
X’taħsbu li għamel Xmun?
X’taħsbu li qal Xmun meta ħares lejn Ġesù mgħobbi bis-salib?
Għalkemm forsi Xmun ma xtaqx iġorr is-salib ma’ Ġesù, xorta waħda għenu. Intom ġieli xi ħadd staqsiekom tgħinnuh u għamiltu tabirruħkom li ma smajtuhx? Ġieli bdejtu tagħmlu xi ħaġa, bħal per eżempju l-homework jew tistudjaw, għaliex kontu tafu li l-mama jew il-papa kienu ser jistaqsukom biex tgħinuhom? Allura għamiltu tabirruħkom li kellkom x’tagħmlu!
Talba
Ġesù, jien nixtieq ngħin lill-oħrajn bħal Xmun. Inti taf li mhux dejjem faċli jew dejjem ikolli aptit. Agħtini l-kuraġġ biex ngħin bil-qalb lill-oħrajn. L-iskola jew fit-triq naraw tfal li mhumiex Maltin, jidhru differenti minna wkoll. Mhux dejjem ikollhom ħbieb. Għinni biex flimkien mal-grupp ta’ sħabi, nagħmlu ħbieb magħhom ukoll. Ġesù, jien nħobbok u nadurak. Missierna …
Jiena niltaqa’ ma’ Ġesù
Aħseb dwar dak li ġeneralment jistaqsuk tagħmel il-ġenituri, bħal tpoġġi l-affarijiet tiegħek u l-logħob f’postu, tagħti l-ikel lill-annimali tiegħek u tieħu ħsiebhom, tixxotta l-platti eċċ. Mingħajr ma jfakkruk jew jistaqsuk, agħmel dawk l-affarijiet li inti mistenni li tagħmel, mingħajr tgerir u bil-qalb.
Qari mill-Ktieb tas-Salmi (27, 8-9)
“Ejja,” għedt f’qalbi, “fittex ’il wiċċu”;
jien wiċċek infittex, Mulej.
La taħbix wiċċek minni,
la twarrabx bl-herra l-qaddej tiegħek.
Inti l-għajnuna tiegħi;
tħallinix u titlaqnix,
Alla tas-salvazzjoni tiegħi.
Il-“Veronika” kienet mara li tħassret lil Ġesù meta ratu għaddej mit-triq. Ġesù kien jidher għajjien ħafna minħabba li s-suldati kienu sawtuh u s-salib kien tqil. Il-“Veronika” ġieta ħniena minn Ġesù u resqet ħdejh u mesħitlu wiċċu.
Kien hemm ħafna suldati madwar Ġesù. Taħsbu li kienet faċli għal din il-mara biex tersaq lejn Ġesù?
Jista’ jkun begħżet li s-suldati jsawtu lilha wkoll, għax kienet ħabiba ta’ Ġesù?
Dak li għamlet Veronika, fil-fatt, ma kienx xi ħaġa diffiċli ħafna, hi mesħet wiċċ Ġesù. Lil Ġesù, madanakollu, wrietu mħabba kbira. X’inhuma dawk l-affarijiet żgħar li tista’ tagħmel, biex turi li tħobb lill-mama, lill-papa, lil ħutek, lil sħabek?
Talba
Ġesù, il-Veronika tgħallimna li ma għandnix għalfejn niddejqu ngħinu lill-oħrajn, anke jekk inkunu aħna waħedna, għax l-oħrajn ma joffrux l-għajnjuna tagħhom. Mhux dejjem nindunaw li xi ħadd ikollu bżonn l-għajnuna tagħna, agħmel li bħal Veronika nindunaw bil-bżonnijiet tal-oħrajn. Ġesù, jien nħobbok u nadurak. Missierna …
Jiena niltaqa’ ma’ Ġesù
Uri lill-ġenituri u lil ħutek li tħobbhom. Aħseb dwar azzjonijiet li jogħġbu lill-mama, lill-papa u lil ħutek, u agħmilhom. Ma hemmx għalfejn affarijiet kbar, jista’ jkun li tgħid thank you tal-ikel, li tgħidilhom li tħobbhom, tgħannaqhom, tilagħab ma’ ħutek.
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa (23, 27-31)
Kotra kbira ta’ nies kienet miexja warajh; fosthom kien hemm xi nisa li bdew iħabbtu fuq sidirhom u jibkuh. Imma Ġesù dar lejhom u qalilhom: “Nisa ta’ Ġerusalemm, mhux lili ibku, iżda ibku lilkom infuskom u lil uliedkom. Għax, araw, għad jiġi żmien meta jgħidu, ‘Hienja dik li ma għandhiex tfal, hieni l-ġuf li qatt ma wiled u s-sider li qatt ma redda’! Imbagħad jibdew jgħidu lill-muntanji, ‘Aqgħu fuqna!’, u lill-għoljiet, ‘Ordmuna!’ Għax jekk dan kollu qegħdin jagħmluh liz-zokk meta għadu aħdar, mela xi jsir minnu meta jinxef?”
Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu
Kien hemm ħafna nies li jħobbu lil Ġesù. Kienu jaraw fejn Ġesù kien ser ikun jgħallem u jmorru jisimgħuh. Kienu saru ħbieb ta’ Ġesù. Kemm iddispjaċihom li Ġesù kien se jmut. Huma riedu jibqgħu miegħu. Waqt li kien miexi bis-salib, Ġesù rahom iħarsu lejh u waqaf ikellimhom.
Min joqgħod magħkom meta tkunu ma tifilħux? Jew imdejqin?
Tħossukom aħjar, li ma tkunux waħedkom meta tkunu mdejqa?
Talba
Ġesù, nixtieq nitlob għal dawk kollha li jħobbuni u jieħdu ħsiebi. Berikom u ħu ħsiebhom, agħtihom l-għajnuna li għandhom bżonn. Ġesù nitlob ukoll għal dawk it-tfal kollha li ma għandhomx min iħobbhom. Ibgħatilhom lil xi ħadd biex jieħu ħsiebhom u jfissidhom u jħobbhom, kif jagħmlu miegħi l-ġenituri tiegħi. Ġesù, jien nħobbok u nadurak. Missierna …
Jiena niltaqa’ ma’ Ġesù
Lil min tistgħu tieħdu ħsieb jew x’tistgħu tieħdu ħsieb? Għandkom ħutkom iżgħar minnkom? Kif tistgħu tieħdu ħsiebhom? Jew forsi għandkom xi pet? Aħsbu ftit kif tistgħu tieħdu aktar ħsieb, ta’ ħutkom, tal-pets, eċċ. Agħmlu dak li ħsibtu dwaru.
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa (23, 33-34)
Meta waslu fil-post jgħidulu l-Qorriegħa, sallbuhom hemm, lilu u lill-ħatja, wieħed fuq il-lemin tiegħu u l-ieħor fuq ix-xellug. U Ġesù qal: “Missier, aħfrilhom, għax ma jafux x’inhuma jagħmlu”.
Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu
Lonġinu kien wieħed mis-suldati li sallbu lil Ġesù. Kien wieħed mis-suldati li sema’ lil Ġesù jgħid, “Missier, aħfrilhom, għax ma jafux x’inhuma jagħmlu.”
Kemm weġġgħuh lil Ġesù! Intom ġieli naqaskom xi ħadd?
Ġesù, lil dawk li sawtuh u sallbuh, ħafrilhom! Qatt kellkom taħfru lil xi ħadd?
Aħna għandna għażla naħfrux jew le. Meta naħfru ma nibqgħux irrabjati għal dak li weġġagħna, u nuru ħniena ma’ din il-persuna. Li taħfer tfisser li ma tibqax tfittex l-okkażjoni biex tpattiha lura. Trid il-kuraġġ biex taħfer lil xi ħadd. Meta naħfru ma jfissirx li ninsew u nħallu lil xi ħadd jerġa’ jweġġagħna bl-istess mod. Lanqas ma jfisser li ma nfittxux li ssir ġustizzja. Ġeneralment aktar tkun faċli li taħfer wara li jkunu qalulek ‘sorry’. Għalkemm lil Ġesù lanqas ħadd ma qallu ‘sorry’, hu xorta ħafrilhom!
Talba
Ġesù, kif irnexxielek taħfer li dawk is-suldati li weġġgħuk u sallbuk? Għinni biex jien ukoll naħfer lil min iweġġgħani. Ġesù għinni ninduna meta nweġġa’ lil xi ħadd biex jiena nitlob skuża. Is-suldati jfakkruni fil-gwerer. Ġesù agħmel li jkun hawn il-paċi fid-dinja. Agħmel li jieqfu l-gwerer kollha. Ġesù, jien nħobbok u nadurak. Missierna …
Jiena niltaqa’ ma’ Ġesù
Meta jiġri xi ħaġa li tirrabjak, ftakar f’Ġesù fuq is-salib, ftakar kemm kellu għalfejn jirrabja kieku ried. Jekk xi ħadd jirrabjak, tkellem bil-kalma ma’ dik il-persuna li rrabjatek. Itlob lill-Ispirtu s-Santu biex jagħtik il-paċenzja u l-mogħdrija. (nota lill-ġenituri/katekisti: tkellmu mat-tfal u uruhom mill-Bibbja, kemm il-darba Ġesù kien jitlob. Ġesù kien jitlob biex jagħmel dak li hu tajjeb. Ġesù kien jitlob lill-Ispirtu s-Santu).
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa (23, 39-43)
Wieħed mill-ħatjin li kienu msallbin miegħu beda jgħajru u jgħidlu: “Int m’intix il-Messija? Salva lilek innifsek u lilna.” Imma qabeż l-ieħor, ċanfru u qallu: “Anqas minn Alla int ma tibża’, int li qiegħed taħt l-istess kundanna? Tagħna hija ġusta, tassew, għax qegħdin nieħdu li ħaqqna ta’ kulma għamilna; imma dan ma għamel xejn ħażin.” Imbagħad qal: “Ġesù, ftakar fija meta tidħol fis-Saltna tiegħek.” U Ġesù wieġbu: “Tassew ngħidlek, illum tkun fil-Ġenna miegħi.”
Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu
Fuq l-għolja tal-Kalvarju, Ġesù ma kienx imsallab waħdu, imsallbin ħdejh kien hemm tnejn oħra. Dawn it-tnejn kienu ħallelin. Wieħed minnhom beda jwaqqa’ lil Ġesù għaċ-ċajt. L-ieħor, li kien jismu Disma, induna li Ġesù kien raġel tajjeb. Forsi kien sema’ dwar it-tagħlim ta’ Ġesù u wkoll dwar il-mirakli li kien jagħmel. Disma nduna li Ġesù kien speċjali, induna li Ġesù kien il-Messija li kulħadd kien jistenna u jitkellem fuqu. U minflok ma waqqa’ lil Ġesù għaċ-ċajt, Disma talab lil Ġesù biex isalvah!
Intom qatt għajjarkom xi ħadd? Kif ħassejtukom?
Kif taħsbu li beda jħossu Ġesù?
Talba
Ġesù, bħal Disma jien ukoll ġieli nagħmel għażliet ħżiena. Għinni biex nagħmel aktar dak li tixtieqni inti. Grazzi Ġesù. Ġesù, jien inħobbok u nadurak. Missierna …
Jiena niltaqa’ ma’ Ġesù
Is-suldati u wieħed mill-ħallelin qagħdu jwaqqgħu lil Ġesù għaċ-ċajt u jgħajjruh. Meta tkun l-iskola jew mal-ħbieb u jibdew iwaqqgħu lil xi ħadd għaċ-ċajt jew jgħajjruh, inti tagħmilx bħalhom. Jekk tista’ għidilhom ukoll, biex jieqfu.
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann (19, 25-27)
Kien hemm wieqfa ħdejn is-salib ta’ Ġesù ommu, oħt ommu, Marija ta’ Kleofa, u Marija ta’ Magdala. Mela kif Ġesù lemaħ lil ommu u lid-dixxiplu li kien iħobb wieqaf ħdejha, qal lil ommu: “Mara, hawn hu ibnek.” Imbagħad qal lid-dixxiplu: “Hawn hi ommok.” U minn dak il-ħin id-dixxiplu ħadha għandu.
Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu
Ġesù kellu ħafna ħbieb, imma ftit biss minnhom baqgħu miegħu. Marija Madalena u Ġwanni kienu tnejn li baqgħu sal-aħħar ma’ Ġesù. Dawn kienu ħbieb ta’ vera li ma baqgħux ma’ Ġesù fiż-żmien it-tajjeb biss, imma baqgħu miegħu anke meta hu kien qiegħed ibati.
Intom qatt kontu mdejjqin u ma kien hemm ħadd magħkom? Kif ħassejtukom? Xi xtaqtu?
Kif taħsbu li ħassu Ġesù meta ra lill-ħbieb tiegħu, Marija Madalena u Ġwanni?
Talba
Ġesù, għallimna nkunu ħbieb ta’ vera, bħal Marija u Ġwanni. Ġesù, jien nħobbok u nadurak. Missierna …
Jiena niltaqa’ ma’ Ġesù
Agħmlu card u agħtuha lil xi ħadd li hu marid jew li ma tantx għandu ħbieb. Fuq il-card pinġu xi ħaġa jew iktbu xi ħaġa li tferraħ lil min se jirċieviha.
Qabel ma torqdu itolbu għal dawk li ma għandhomx ħbieb u jħossuhom waħedhom.
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann (19, 38-40)
Wara dan, Ġużeppi minn Arimatija, li kien dixxiplu ta’ Ġesù bil-moħbi għax kien jibża’ mil-Lhud, mar u talab lil Pilatu biex jieħu l-ġisem ta’ Ġesù. Pilatu ħallieh, u hu ġie u ħa l-ġisem tiegħu. Ġie wkoll Nikodemu, dak li qabel kien mar għand Ġesù billejl, u ġieb miegħu taħlita ta’ morr u sabbara, tiżen xi mitt libbra. Dawn it-tnejn ħadu l-ġisem ta’ Ġesù u kebbewh bil-faxex tal-għażel bil-fwejjaħ.
Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu
Kien hemm raġel jismu Nikodemu li ħa ħsieb jidfen lil Ġesù. Hu kien iltaqa’ ma’ Ġesù qabel. Għalkemm Nikodemu xtaq isir jaf lil Ġesù, kien jibża’ li xi ħadd jarah, għalhekk mar jitkellem ma’ Ġesù bil-lejl.
Intom qatt xtaqtu tkunu ħbieb ma’ xi ħadd iżda sibtuha bi tqila biex tmorru tkellmuhom?
Ġesù huwa l-akbar ħabib tagħna. Ġieli kien hemm min daħak bikom għax titolbu jew tmorru l-knisja? Kif ħassejtukom?
Talba
Ġesù, aħna rridu nkunu ħbieb tiegħek u ma rridux nibżgħu ngħidu li aħna ħbieb miegħek. Agħtina l-kuraġġ biex ma nibżgħux nitkellmu dwarek mal-oħrajn, ma nibżgħux nitolbu quddiem l-oħrajn, u lanqas ma niddejqu ngħidu li aħna niġu l-knisja biex niltaqgħu u nitkellmu miegħek. Ġesù, jien nħobbok u nadurak. Missierna …
Jiena niltaqa’ ma’ Ġesù
Matul din il-ġimgħa, għid lill-ġenituri tiegħek joħduk il-knisja u stieden lil xi ħabib/a jiġi/tiġi miegħek.
Rodd is-salib qabel ma tibda tiekol, meta tkun id-dar, l-iskola u anke f’xi restaurant.
Matul ir-Randan konna qegħdin naħsbu dwar il-mewt ta’ Ġesù fuq is-salib u kemm bata għalina, minħabba dnubietna. Fil-Knisja hemm tradizzjoni li bejn Ħamis ix-Xirka, meta Ġesù kellu l-aħħar ikla mad-dixxipli u l-Ġimgħa l-Kbira, meta miet fuq is-salib, aħna nżuru seba’ knejjes u nitolbu quddiem Ġesù Sagramentat. Ġesù Ewkaristija, ikun imqiegħed f’dak li nsejħulu l-Artal tar-Repożizzjoni u ma jkunx fuq l-artal ewlieni. Ikun imżejjen sabiħ bil-fjuri u bix-xemgħat. Dawn is-seba’ visti juru lil Ġesù li nħobbuh, li rridu nqimuh u li nadurawh bit-talb tagħna. Aħna nirringrazzjawh ukoll għas-sagrifiċċju kbir tiegħu. Għandkom seba’ riflessjonijiet li tistgħu tużaw meta tagħmlu s-seba’ visti flimkien mal-familja tagħkom.
Meta Ġesù kien fuq is-salib, huwa qal seba’ frażijiet qosra li aħna nsejħulhom, ‘L-Aħħar Seba’ Kelmiet ta’ Ġesù’. Dawn insibuhom fl-Evanġelji u għalkemm Ġesù qalhom aktar minn 2000 sena ilu, għadhom relevanti llum u meta naħsbu dwarhom u nitolbu bihom, inkunu qegħdin nippreparaw qalbna għall-Għid.
L-ewwel kelmiet li Ġesù qal minn fuq is-salib kienu kelmiet ta’ maħfra.
“Missier, aħfrilhom, għax ma jafux x’inhuma jagħmlu” (Luqa 23, 43)
Ġesù talab lil Alla biex jaħfer lil dawk li sallbuh, li sawtuh u li waqqgħuh għaċ-ċajt. Immaġinaw kemm kienet diffiċli biex jagħmel hekk. Taħsbu li intom kien jirnexxielkom? Tistgħu taħfru lil min iweġġgħakom? Staqsu lilkom infuskom: ‘Jien lil min qed insibha diffiċli li naħfirlu?’ Li naħfru hija għażla u mhijiex għażla faċli. Jekk nimxu fuq l-eżempju ta’ Ġesù u nduru lejn Alla u nitolbuh skuża għad-dnubiet tagħna, imbagħad, insibuha aktar faċli biex naħfru lil dawk li weġġgħuna. Jekk inpoġġu n-nuqqasijiet tagħna taħt is-salib ta’ Ġesù, jirnexxielna naħfru lill-oħrajn, kif għamel Ġesù.
Talba
Mulej Ġesù, meta l-għedewwa tiegħi ikunu qegħdin jistennew li l-affarijiet jiġuni ħżiena, tħallix li r-rabja tagħmini u ma nkunx nista’ nħobbhom. Agħtini l-għajnuna biex inkun nista’ nħares lejn l-għedewwa tiegħi b’għajnejn ta’ ħniena bħalma jagħmel Alla l-Missier. Ammen.
It-tieni kelma, kienet wkoll ta’ ħniena u maħfra.
“Tassew ngħidlek, illum tkun fil-Ġenna miegħi.” (Luqa 23, 43)
Din kienet it-tweġiba ta’ Ġesù lill-ħalliel it-tajjeb li kien imsallab ħdejh, wara li kien staqsa lil Ġesù “ftakar fija meta tidħol fis-Saltna tiegħek.” Hu għaraf li Ġesù kien l-Iben t’Alla u għalkemm Ġesù kien qiegħed ibati, hu jwiegħed il-ħniena u l-ħajja ta’ dejjem lill-ħalliel li nidem. Aħna wkoll nistgħu induru lejn Ġesù meta nkunu mdejqa u waħedna u nistgħu ukoll nitolbuh jaħfrilna u jħenn għalina. Nitolbuh ukoll għar-rigal għall-ħajja ta’ dejjem fil-ġenna. Ġesù lilna wkoll joffrilna l-wegħda tal-ġenna. Ipprova li inti wkoll turi ħniena. Taf lil xi ħadd li hu waħdu u li għandu bżonn min ifarrġu? Agħmel bħal Ġesù u wrieh il-ħniena li għandu bżonn.
Talba
Mulej Ġesù, dawk li inti ħabbejt, riedu jneħħulek kull tama u jħalluk waħdek iżda inti offrejt it-tama lil dak li kien imsallab ħdejk. Għinni nwassal it-tama tiegħek lill-oħrajn. Ammen.
Fin-niket u l-uġiegħ, Ġesù ħares u ra lill-ommu taħt is-salib, ra wkoll lid-dixxiplu Ġwanni.
“Mara, hawn hu ibnek…Hawn hi ommok.” (Ġwanni 19, 26-27)
Immaġinaw kemm batiet il-Madonna meta rat lil binha jmut. Ġesù, ħaseb biex id-dixxiplu u ħabib tiegħu Ġwanni, jieħu ħsiebha. Ġesù wera mħabba kbira lejn ommu u Ġwanni ħadha miegħu d-dar. Bħal Ġwanni, aħna għandna nagħmlu post għall-Madonna, li hi ommna wkoll u nitolbuha, “Sliem għalik, mimlija bil-grazzja.” Matul din il-ġimgħa aħseb dwar kif tista’ turi lill-mama tiegħek li tħobbha, forsi billi tagħmel is-sodda tiegħek, jew tiżbarazza l-kamra, jew tlesti l-mejda għall-ikel. X’tagħmel biex il-familja tiegħek ikunu kburija bik?
Talba
Ġesù, għinni biex inħobb lill-familja tiegħi. Grazzi li inti ħsibt f’oħrajn, anke meta kont qed tmut. Meta lill-Madonna tajtha lil Ġwanni biex jieħu ħsiebha, inti kont qed issellmilha u tgħidilha li tħobbha. Grazzi li tajt il-Madonna lilna wkoll u wrejtna l-imħabba kbira tiegħek permezz tat-tbatija tiegħek. Ammen.
Minn fuq is-salib, Ġesù lissen il-kliem ta’ Salm 22, Salm tar-re David.
“Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?” (Mattew 27, 46)
Xi drabi ninsew kemm bata Ġesù għad-dnubiet tagħna. Għalkemm huwa Iben Alla, hu sar ukoll bniedem bħalna u l-uġiegħ li ħass kien veru. Dawn il-kelmiet li qal, forsi jidhru li huma għajta ta’ disperazzjoni, fejn Ġesù ħass li kulħadd, anki l-Missier, abbandunah. Madanakollu, hawnhekk Ġesù qiegħed ifakkar lil dawk li semgħuh u lilna wkoll, li huma kemm huma ħżiena l-affarijiet, Alla huwa dejjem magħna. X’inhuma dawk l-affarijiet li jbegħduk minn Alla? X’inhu dak li jittantak biex ma tkunx dixxiplu ta’ Ġesù? Ikteb talba qasira biex tgħinek tgħeleb din l-isfida. Forsi ġġielidt ma’ xi ħbieb jew ma’ ħutek jew tħossok irrabjat għal xejn b’xejn. Ipprova semmi dak kollu li jżommok ’l bogħod minn Alla.
Talba
Ġesù agħmel li l-ħajja tiegħi, tkun tiegħek. Għinni ninduna li inti taf dak kollu li naħseb u li nagħmel. Meta nħossni waħdi u mdejjaq, fakkarni li qiegħed hemm miegħi u li inti qatt ma inti ser titlaqni. Ammen.
Ġesù qal dawn il-kelmiet lil kulħadd
“Għandi l-għatx” (Ġwanni 19, 28)
Dawn il-kelmiet ta’ Ġesù għandhom sinjifikat qawwi. X’aktarx, għalkemm vera jista’ jkun li kellu l-għatx, hu ma kienx qiegħed jitlob biss xi ħaġa x’jixrob. Hu kien qiegħed jistaqsi lil kull wieħed u waħda minna għall-imħabba tagħna u għal qalbna. Santa Tereża ta’ Kalkutta, tgħid, “Ġesù għandu l-għatx għall-imħabba tagħna, għal qalbna. Hu jrid jingħata għalina. Permezz tagħna, hu jrid iħobb lill-oħrajn.” Ġesù għandu l-għatx għar-ruħ tagħna. Aħseb dwar kif tista’ turi lil Ġesù li tħobbu. Tista’ turi ħniena ma’ oħrajn, ikollok il-paċenzja, tkun ġentili. Aħseb dwar xi jfissru għalik il-kliem “Għandi l-għatx.”
Talba
Għażiż Ġesù, fil-kliem tiegħek “Għandi l-għatx,” nisma’ l-għajta ta’ qalbi. Grazzi li inti batejt għalija, żgur li batejt ħafna u kellek l-għatx u dan kollu għamiltu minħabba d-dnubiet tagħna. Għinni biex ma naħsibx fija nnisfsi biss, iżda naqsam l-imħabba tiegħek mal-oħrajn. Ammen.
Lid-dinja, Ġesù qalilha.
“Kollox hu mitmum!” (Ġwanni 19, 30)
Dan il-kliem, Ġesù qalhom lil kulħadd. Qiegħed jgħidilna li hu lesta dak kollu li bagħtu jagħmel Alla, jiġifieri li jagħti ħajtu kollha għalina sal-aħħar waqt fuq is-salib, minħabba dnubietna. Temm kollox, agħmel dak kollu li kellu jagħmel. X’inhuma dawk l-affarijiet li inti għandek tagħmel? Id-dmirijiet tiegħek tagħmilhom bil-qalb? Forsi inti qiegħed f’team tal-football. Meta tilgħab dejjem tilgħab mill-aħjar li tista’ biex tgħin lit-team? Jew forsi ddoqq xi strument tal-mużika. Dejjem tipprattika kemm għandek bżonn? Meta tasal id-dar mill-iskola, tagħmlu l-homework? Tieħu ħsieb il-pets li għandek, jew ħaddieħor jgħinnek? Aħseb dwar kif tista’ taqdi aħjar id-dmirijiet tiegħek.
Talba
Mulej Ġesù, inti mitt għalina għaliex ridt. Għinni biex nimpenja lili nnifsi biex inkun nisrani/ija aħjar, f’dak kollu li ngħid u li nagħmel. Tħallini qatt ninsa x’sagrifiċċju għamilt għalija. Grazzi Mulej, jien nagħtik qalbi kollha. Ammen.
“Missier, f’idejk jien nerħi ruħi” (Luqa 23, 46)
Qabel ma miet, Ġesù jgħid li hu obda lill-Missier sal-aħħar. Hu qed jagħti ruħu lill-Missier fis-sema. Ġesù jafda u għandu fiduċja sħiħa f’Alla, li dan ma kienx it-tmiem. Jien għandi fiduċja sħiħa f’Ġesù? X’qiegħed iżommni milli nimxi wara Ġesù? F’dan il-mument, Ġesù qiegħed jistaqsina nwarrbu dawk l-affarijiet li qegħdin jifirduna minn Alla. Għandi naħseb dwar dak kollu li weġġa’ lil Alla. Forsi kienet xi gidba, jew ma għamiltx xi ħaġa li kont wiegħedt li nagħmilha, jew kont egoist u ma mxejtx sew ma’ sħabi tal-iskola, jew forsi ħadt xi gallettini mingħajr permess, jew wara li qaluli li ma nistax. Meta tkun ser tieħu deċiżjoni, staqsi lilek innifsek, “Kieku Ġesù x’kien jagħmel?”
Talba
Ġesù, kulma għamilt kien rigal ta’ mħabba, tajt ħajtek għalina. Jien inpoġġi f’idejk, dak kollu li jien u dak kollu li għandi, nagħtik ukoll il-ħsibijiet u l-ħolm tiegħi. Agħtini l-Ispirtu tiegħek, biex dejjem ikolli l-imħabba tiegħek. Ammen.
aDQudGItaGVhZGluZ1tkYXRhLXRvb2xzZXQtYmxvY2tzLWhlYWRpbmc9IjM2ODMwY2NkMjE1MjgxYWVmNWFiZWY2NGE3Yzc0OGE2Il0gIHsgdGV4dC1hbGlnbjogY2VudGVyOyB9IA==
Ix-Xogħol |
aDQudGItaGVhZGluZ1tkYXRhLXRvb2xzZXQtYmxvY2tzLWhlYWRpbmc9IjM2ODMwY2NkMjE1MjgxYWVmNWFiZWY2NGE3Yzc0OGE2Il0gIHsgdGV4dC1hbGlnbjogY2VudGVyOyB9IA==
Il-Kuraġġ |
aDQudGItaGVhZGluZ1tkYXRhLXRvb2xzZXQtYmxvY2tzLWhlYWRpbmc9IjM2ODMwY2NkMjE1MjgxYWVmNWFiZWY2NGE3Yzc0OGE2Il0gIHsgdGV4dC1hbGlnbjogY2VudGVyOyB9IA==
Id-Dubju |
aDQudGItaGVhZGluZ1tkYXRhLXRvb2xzZXQtYmxvY2tzLWhlYWRpbmc9IjM2ODMwY2NkMjE1MjgxYWVmNWFiZWY2NGE3Yzc0OGE2Il0gIHsgdGV4dC1hbGlnbjogY2VudGVyOyB9IA==
L-Indiema |
aDQudGItaGVhZGluZ1tkYXRhLXRvb2xzZXQtYmxvY2tzLWhlYWRpbmc9IjM2ODMwY2NkMjE1MjgxYWVmNWFiZWY2NGE3Yzc0OGE2Il0gIHsgdGV4dC1hbGlnbjogY2VudGVyOyB9IA==
Id-Dixxerniment |
aDQudGItaGVhZGluZ1tkYXRhLXRvb2xzZXQtYmxvY2tzLWhlYWRpbmc9IjM2ODMwY2NkMjE1MjgxYWVmNWFiZWY2NGE3Yzc0OGE2Il0gIHsgdGV4dC1hbGlnbjogY2VudGVyOyB9IA==
Libertà u sagrifiċċju |
aDQudGItaGVhZGluZ1tkYXRhLXRvb2xzZXQtYmxvY2tzLWhlYWRpbmc9IjM2ODMwY2NkMjE1MjgxYWVmNWFiZWY2NGE3Yzc0OGE2Il0gIHsgdGV4dC1hbGlnbjogY2VudGVyOyB9IA==
Fedeltà |
aDQudGItaGVhZGluZ1tkYXRhLXRvb2xzZXQtYmxvY2tzLWhlYWRpbmc9IjM2ODMwY2NkMjE1MjgxYWVmNWFiZWY2NGE3Yzc0OGE2Il0gIHsgdGV4dC1hbGlnbjogY2VudGVyOyB9IA==
Preparazzjoni għat-Tridu tal-Għid |
aDQudGItaGVhZGluZ1tkYXRhLXRvb2xzZXQtYmxvY2tzLWhlYWRpbmc9IjM2ODMwY2NkMjE1MjgxYWVmNWFiZWY2NGE3Yzc0OGE2Il0gIHsgdGV4dC1hbGlnbjogY2VudGVyOyB9IA==
Ħamis ix-Xirka |
aDQudGItaGVhZGluZ1tkYXRhLXRvb2xzZXQtYmxvY2tzLWhlYWRpbmc9IjM2ODMwY2NkMjE1MjgxYWVmNWFiZWY2NGE3Yzc0OGE2Il0gIHsgdGV4dC1hbGlnbjogY2VudGVyOyB9IA==
Il-Ġimgħa l-Kbira |
aDQudGItaGVhZGluZ1tkYXRhLXRvb2xzZXQtYmxvY2tzLWhlYWRpbmc9IjM2ODMwY2NkMjE1MjgxYWVmNWFiZWY2NGE3Yzc0OGE2Il0gIHsgdGV4dC1hbGlnbjogY2VudGVyOyB9IA==
Sibt il-Għid |
L-għan ta’ bekids.mt hu li joffri formazzjoni kateketika komprensiva għat-tfal u għall-adolexxenti li qegħdin jippreparaw biex jirċievu s-sagramenti.