Imħabba 8-11-il sena

Il-Kaxxa tal-Avvent

L-Avvent huwa żmien speċjali li matulu nħejju ruħna għall-Milied. Aħna nħejju d-djar tagħna, il-klassijiet, it-toroq u l-ħwienet sabiex ikunu mżejna sabiħ kemm jista’ jkun. Iżda l-aktar ħaġa li għandna nippreparaw hija QALBNA.

Matul l-erba’ ġimgħat tal-Avvent, ser nirriflettu u nitolbu għal: Tama, Imħabba, Ferħ u Paċi.
(l-ordni mhijiex importanti, daqs kemm li nħallu lil dawn il-virtujiet iħejjulna qalbna għal Ġesù)

(Għall-età bejn 4- 7 żur riżorsi fuq hawn.)

  1. Għamel printout fuq kartonċina bajda.
  2. Agħti l-kulur u aqta’ max-xifer.
  3. Itwi u wża l-gloj biex tagħlaqha forma ta’ kaxxa.
  4. Uża r-riflessjonijiet u talb bħala għajnuna sabiex matul l-Avvent tħejji qalbek biex tilqa’ lil Ġesù.

Kemm il-darba nisimgħu l-kelma mħabba! Hemm ħafna tipi ta’ mħabba! Inħobbu nieklu l-għaġin u l-ġelat; inħobbu naraw xi programm jew sport favorit; inħobbu nilgħabu xi sport jew indoqqu xi strument mużikali. Iżda mbagħad hemm l-imħabba bejn koppja jew ħbieb, l-imħabba lejn il-ġenituri, l-imħabba tal-ġenituri għal uliedhom; il-ġenituri jagħmlu sagrifiċċji kbar, jagħtu l-imħabba tagħhom mingħajr ma jistennew xejn lura. Din l-imħabba nistgħu narawha fir-relazzjoni li kellhom San Ġużepp u l-Madonna għal Ġesù. Ġesù għallimna wkoll dwar l-imħabba speċjali li Alla għandu għal kull wieħed u waħda minna, u għallimna wkoll kif nistgħu aħna, inħobbu lil Alla.

  • Aqra 1 Korintin 13, 4-8 biex titgħallem aktar dwar kif għandna tkun l-imħabba tagħna
  • Aħseb dwar kif tista’ tħobb lill-oħrajn, u agħmel dak li ħsibt dwaru

Mulej Ġesù, urini kif nista’ nħobb lill-oħrajn il-mod li tixtieqni inti. Agħtini l-kuraġġ li nħobb anke lil dawk li jweġġgħuni. Ammen.