Ix-Xogħol

Il-ħames karattru fil-mixja tagħna waqt ir-Randan

Diġà għadda aktar minn nofs ir-Randan u forsi xi wħud minna jħarsu lura lejn il-ġimgħat li għaddew u jiddispjaċihom li ma żammewx ma’ dak li xtaqu li jagħmlu fil-bidu ta’ dan iż-żmien hekk importanti. Xi wħud forsi pruvaw inaqqsu l-ikel, oħrajn jitolbu aktar, oħrajn jaqraw xi ktieb b’riflessjonijiet spiritwali jew anke jsegwu xi eżerċizzi online. Ilkoll nafu li – hekk kif jiġri għar-riżoluzzjonijiet tal-ewwel tas-sena – mhux dejjem faċli li nżommu mal-wegħdiet li nkunu għamilna meta nkunu għadna ma bdejniex il-vjaġġ, u għalhekk ma nkunux għadna ltqajna mad-diffikultajiet u mal-ostakli li nistgħu nsibu fit-triq.

Bħala ġenituri, f’dan ir-Randan jista’ jkun li kellna ostakli differenti, u forsi anke akbar mis-soltu. Min inqabad kwarantina u jrid jara kif jokkupa lit-tfal id-dar għal ħmistax sħaħ. Min marad bil-Covid u għalhekk irid jikkumbatti kemm diffikultajiet fiżiċi kif ukoll dawk mentali bħalma huma l-biża’ u l-ansjetà. Fil-ġranet li għaddew, ilkoll kemm aħna erġajna sibna ruħna bil-kċejjen u l-living rooms tagħna bħala estensjoni tal-iskola, fejn aktar ma jkunu żgħar it-tfal, aktar hemm bżonn ta’ attenzjoni u ħin magħhom biex ngħinuhom fil-bżonnijiet ta’ din l-esperjenza ta’ skola online.

Din il-ġimgħa l-karattru li qed jiġi ppreżentat lilna huwa dak taċ-Ċenturjun – raġel pagan li inzerta qiegħed fuq il-Golgota (u għalhekk ra lil Ġesù jmut) minħabba x-xogħol tiegħu. Wisq probabbli kien il-persuna assenjata biex jara li kollox isir kif suppost. Ħafna segwaċi ta’ Ġesù, għal raġuni jew oħra, ma kinux hemm iżda dan iċ-Ċenturjun inzerta kien hemm għal dan il-mument li kellu jbiddel l-istorja tal-umanità. Filfatt, dan il-mument kellu jbiddel ukoll il-ħajja tiegħu stess għaliex, meta ra lil Ġesù imut, u kif miet, hu ħass li għandu jistqarr li Ġesù hu tassew l-Iben ta’ Alla (Mark 15, 39)

Ħafna drabi, fil-ħajja tagħna bħala ġenituri, nistgħu naraw ix-xogħol bħala xi ħaġa li ttellifna mill-ħajja tagħna bħala Nsara għaliex ix-xogħol joħdilna tant ħin minn ħajjitna u apparti l-ħin joħdilna anke ħafna enerġija. Xi drabi naraw id-differenza bejn il-ħajja spiritwali tagħna meta konna iżgħar, b’inqas irbit, u issa li rridu nlaħħqu ma’ elf ħaġa f’daqqa. Madanakollu, il-ġrajja taċ-Ċenturjun turina li anke x-xogħol jista’ jkun opportunità ta’ grazzja, opportunità li naraw lil Ġesù f’dawk li nsibu quddiemna, opportunità biex nagħmlu ‘affarijiet żgħar bi mħabba kbira’ kif kienet tgħid Madre Tereża. Dak li jagħmel ix-xogħol tagħna iebes jista’ wkoll jiġi mibdul f’sagrifiċċju u offerta lil Alla, li quddiemu tiswa daqs l-akbar talba jew sawma.

Jalla matul din il-ġimgħa nippruvaw inħarsu lejn ix-xogħol tagħna, kemm dak tad-dar kif ukoll xogħol ieħor barra mid-dar, mhux wisq bħala xi ħaġa li ttellifna mill-ħajja tal-fidi tagħna, iżda bħala xi ħaġa li tista’ tkompli tgħaqqadna mal-misteru tal-passjoni, mewt u qawmien mill-mewt ta’ Kristu li niċċelebraw matul dawn il-ġranet qaddisa tar-Randan u l-Għid.

Matul din il-ġimgħa tistgħu wkoll titolbu Via Matris flimkien bħala familja. Segwi kif hawnhekk.

Ġesù kien Lhudi, u l-Lhud ta’ żmien Ġesu kienu taħt il-ħakma Rumana. Pilatu, il-gvernatur ta’ dak iż-żmien, ġie mġiegħel mill-mexxejja Lhud biex isallbu lil Ġesù għaliex minħabba fih kienu qed jitilfu l-popolarità. Għalhekk, Pilatu bagħat lis-suldati tiegħu flimkien maċ-ċenturjun biex isallbu lil Ġesù.

Darba ċenturjun staqsa lil Ġesù biex ifejjaq lill-qaddej tiegħu, u bagħat lil sieħbu biex jistaqsi lil Ġesù. Ġesù baqa’ mistagħġeb bil-fidi tiegħu.

Iċ-ċenturjun kien ikun ikkunsidrat bħala raġel qalbieni u kburi; għalih, l-Imperu Ruman kien jiġi l-ewwel u qabel kollox. Taħt il-kmand tiegħu kien ikollu mitt suldat Ruman ħalli jara li kulħadd jobdi l-liġi Rumana.

Fir-rakkont tal-passjoni naraw liċ-ċenturjun jgħid frażi importanti ħafna; li Ġesù kien tassew Bin Alla. Imma x’kien li wasslu jgħid hekk? Waħda mir-raġunijiet kienet li ċ-ċenturjun ra lil Ġesù juri ħniena ma’ dawk li minħabba fihom hu kien qiegħed ibati.

 Aħna wkoll, tfal, fl-esperjenzi li ngħaddu minnhom ta’ kujum, nistgħu nuru l-ħniena tagħna ma’ l-oħrajn. Li nħennu tfisser li tħobb, u xejn ma jista’ jagħmilna aktar kuntenti u ferħanin mill-imħabba li biha nħobbu lill-oħrajn. Iċ-ċenturjun induna b’din l-imħabba li kellu Ġesù u għalhekk għarfu li kien tassew Bin Alla. Mela, meta nħobbu lil xulxin mhux biss inkunu qed nagħmlu kif qalilna Ġesu, imma nkunu wkoll qegħdin nixbhuh, Hu li hu Bin Alla. B’hekk inkunu tassew ulied tal-istess Missier li hu fis-smewwiet, u wkoll aħwa fi Kristu Ġesù!

Waqt li npinġu t-tpinġija taċ-ċenturjun, niftakru u nitolbu għall-ħaddiema kollha: nitolbu biex huma wkoll, bħaċ-ċenturjun, jiltaqgħu ma’ Ġesù fuq il-post tax-xogħol tagħhom.

Dan hu l-ħames karattru mill-Passjoni ta’ Ġesù li se nkunu qed niddiskutu fi żmien ir-Randan. Żur is-sit tagħna l-ġimgħa d-dieħla biex titgħallem fuq karattri oħra, u sal-aħħar tar-Randan ikollok ix-xena kollha tal-Passjoni ta’ Ġesù!