Illum nisimgħu silta mill-Evanġelju skont San Ġwann. Dan l-istess qari, nisimgħuh kull tieni Ħadd tal-Għid u jenfasizza l-importanza tad-dehriet lid-dixxipli minn Kristu Rxoxt. Dan il-qari joffrielna sfida biex nimxu fuq dak li ngħidu li nemmnu. Iċ-ċentru tal-Evanġelju ta’ San Ġwann, huwa ‘t-twemmin’ tagħna li Ġesù huwa Bin Alla. Fil-fatt, il-vers li nsibu fi Ġwanni 3:16, “Għax Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem,” huwa sintesi tal-Evanġelju kollu. Xi wħud jistgħu ma jemmnux f’Alla, iżda Alla jemmen fihom. In-nuqqas ta’ twemmin huwa komuni fil-ġurnata tal-lum. Dan huwa differenti milli wieħed ikollu d-dubji. Aħna għandna moħħ biex naħsbu u nirraġunaw u nevalwaw il-fidi tagħna. Aħna għandna sfida quddiemna, li nwieġbu għas-sejħa ta’ Ġesù. Dan nagħmluh meta nemmnu li Ġesù huwa s-Salvatur tagħna. Dan hu dak li Ġesù jgħallem lid-dixxipli fl-Evanġelju tal-lum.
Wara li Ġesù kien imsallab u miet fuq is-salib, id-dixxipli beżgħu li huma wkoll jinqabdu u jingħataw il-mewt. Għalhekk issakkru ġewwa. Minkejja dan, Ġesù jidher fosthom. Ġesù ma kkritikahomx, iżda minflok, tahom ir-rigal tal-paċi u d-don tal-Ispirtu s-Santu. Tahom ukoll identità u missjoni ġdida. Hu ried li huma jkomplu dak li kien beda hu. Din il-kontinwazzjoni tal-missjoni ta’ Ġesù, hija parti essenzjali tal-Knisja. Papa Franġisku l-ħin kollu jfakkar li aħna dixxipli missjunarji, li naqsmu l-Evanġelju ma’ oħrajn b’umiltà u rispett. Aħseb ftit dwar dan u ara intix dixxiplu missjunarju. Jien għandi l-Ispirtu ta’ Alla ġewwa fija? Jekk vera nemmnu, l-Ispirtu s-Santu jkompli jqawwilna l-fidi.
Tumas ma kienx mad-dixxipli l-ewwel darba li dehrilhom Ġesù. Għalhekk tilef din il-laqgħa mal-Mulej. Sabha diffiċli li jemmen dak li qalulu d-dixxipli. Hu ddubita mix-xhieda tagħhom. Meta Ġesù deher lil Tumas, id-dubju tiegħu inbidel fi twemmin. Lil Tumas, Ġesù qallu, “tkunx bniedem bla fidi, iżda emmen.” Tumas wieġbu: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!” Aħna wkoll imsejħa biex nemmnu mingħajr ma naraw. Il-fidi tagħna tkun ittestjata kemm il-darba, speċjalment fi żmien diffiċli jew ta’ mard. Nistgħu ukoll niddubitaw mill-imħabba ta’ Alla, jew mill-fatt li għandu pjan għalina u li jieħu ħsiebna. Bħal Tumas, għandna bżonn lil Ġesù biex imexxina mid-dubji, għall-fidi. Għandna bżonn il-messaġġ tal-Evanġelju biex jidħol fina u jbiddilna. Permezz tad-don tal-Ispirtu s-Santu li rċevejna fil-magħmudija, aħna fost il-ħenjin li nemmnu għalkemm ma narawx. Illum huwa l-Ħadd tal-Ħniena Divina. Biex tkun taf aktar dwar din il-festa, ara hawn taħt. Swor Fawstina ddikjarat, “Ġesù, jiena nafda fih.” Aħna permezz tal-magħmudija msejjħa wkoll biex nafdaw (nemmnu) u nżommu mal-verità li Ġesù qam mill-mewt u huwa ħaj.