Jiena żerriegħa

Spazju ta’ talb fid-dar u Talba ta' ringrazzjament għat-talenti

Ħelow tfal!

Ġie li kellkom xi proġett tal-iskola? Tiftakru kif minn titlu ta’ kelma jew tnejn sibtu informazzjoni u stampi? Bl-informazzjoni u l-istampi imbagħad għaqqadtu l-proġett fuq kartonċina jew scrapbook, għalhekk dan it-titlu kiber iktar u issa għandu tifsira differenti milli biss żewġ kelmiet.

L-istess jagħmel Ġesù meta jġib eżempji biex jurina x’inhi s-Saltna t’Alla, u kif naħdmu għaliha. Fl-Evanġelju tal-lum, Ġesù iqabbel is-Saltna t’Alla maż-żerriegħa tal-mustarda u jgħallimna li għalkemm din iż-żerriegħa hija żgħira ħafna, meta tinżera’ fil-ħamrija ssir l-ikbar waħda fost il-ħxejjex kollha u l-għasafar jibnu l-bejtiet tagħhom fil-friegħi kbar u b’saħħithom tagħha. 

Il-prayer space tal-lum jisimha: Jiena żerriegħa

Għaliha għandna bżonn:

  • mp3 bil-ħsejjes tal-għasafar
  • ħames żerriegħat (jistgħu jkunu ta’ kull tip ta’ pjanta jew frotta)
  • mudell ta’ bejta tal-għasafar
  • pinna jew lapes
  • kolla

Ħu l-ħames żerriegħat f’idejk u waqt li tħares ftit lejhom, aħseb f’ħames karatteristiċi sbieħ jew talenti li għandek.

Waħħal iż-żerriegħa fuq il-mudell tal-bejta u taħt kull żerriegħa ikteb karatteristika jew talent li għandek.

Itlob lil Alla jgħinnek biex tagħraf tuża’ dawn il-karatteristiċi/ talenti biex tgħin u tferraħ lill-oħrajn.

Pawza miġburin fit-talb.

Saħħa ħbieb sakemm nerġgħu niltaqgħu!

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż permezz tat-talb li nitolbu fid-djar tagħna. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet li jistgħu jgħallmuk modi differenti ta' kif titlob u jħeġġuk tieħu r-relazzjoni tiegħek m'Alla b'aktar serjetà.