La tibżgħux

12-il Ħadd ta' Matul is-Sena

F’dan l-evanġelju Ġesù qiegħed iħejji lill-appostli għal meta huma se jkunu qegħdin ikomplu dak li beda hu. Jippreparahom li l-ħajja mhux se tkun faċli u li se jkollhom ibatu. Irid li din il-biża tat-tbatija ma twaqqafhomx minn dak li għandhom jagħmlu – li jwasslu l-Aħbar it-Tajba. Il-kelma “tibżgħux” hija ripetuta tlett darbiet. Ġesù jrid li jserraħ moħħ l-appostli li Alla huwa dejjem magħhom. F’dawk iż-żminijiet l-għasafar tal-bejt kienu jinbiegħu bix-xejn, tant li anke l-fqar kienu jistgħu jixtruhom, l-għasfur tal-bejt ma kellu valur ta’ xejn. U Ġesù jgħidihom li Alla anke lil dan l-għasfur jieħu ħsiebu, aħseb u ara kemm se jieħu ħsieb aktar tagħhom.

Dan l-istess kliem jgħidu lilna, illum. Il-verità hi li aħna mhux se ngħaddu mill-martirju minħabba l-fidi tagħna, imma xorta mitluba li nwasslu dak li nemmnu lill-oħrajn, kemm bil-kliem, kif ukoll bl-għemil. Bħala ġenituri, l-ewwel dmir huwa lejn it-tfal. U Ġesù, f’dan il-kuntest jistaqsi: “Lit-tfal qegħdin tressquhom lejja?” “Dak li wegħdtu fil-magħmudija li trabbu lit-tfal fil-fidi mqaddsa, li jħobbu lil Alla u lill-proxxmu, qegħdin tagħmluh?” 

Ġesù kien jaf li dak li qiegħed jitlob mill-appostli, ma kienitx ħaġa faċli. Kien jaf li huma se jiffaċċjaw persekuzzjoni u tbatija, bl-istess mod jaf l-ostakli u d-diffikultajiet li l-ġenituri jgħaddu minnhom biex irabbu lit-tfal tagħhom fil-fidi. Bl-istess mod li jrid jagħti l-kuraġġ lill-appostli dak inhar, jagħti l-kuraġġ lilna illum. Alla jaf b’kollox, jieħu ħsiebna u jimpurtah ħafna minn dak li ngħaddu minnu. Jekk aħna nduru lejh, jekk huwa jibqa’ priorità fil-ħajja tagħna, Alla ma jabbandunaniex. Iżda jekk aħna nagħtu priorità lil ħaddieħor, inkunu aħna li qegħdin nitbegħdu mill-preżenza ta’ Alla u l-għajnuna tiegħu.

Ġesù jgħid li Alla tant jafna li jaf anki kemm għandna xagħar fuq rasna, xi ħaġa li lanqas aħna stess ma nafu dwarna nfusna.

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew (Mt 10, 26-33)

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-Appostli tiegħu: “La tibżgħux mill-bnedmin. Għax xejn ma hu mgħotti li ma jinkixifx, u xejn ma hu moħbi li ma jsirx magħruf. Dak li jien ngħidilkom fid-dlam għiduh fid-dawl, u dak li ngħidilkom f’widnejkom xandruh minn fuq il-bjut. U tibżgħux minn dawk li joqtlu l-ġisem bla ma jistgħu joqtlu r-ruħ; imma aktar ibżgħu minn dak li jista’ jeqred kemm ir-ruħ u kemm il-ġisem fl-infern.

Żewġ għasafar tal-bejt mhux b’ħabba jinbiegħu? U b’danakollu anqas wieħed minnhom ma jaqa’ fl-art mingħajr ir-rieda ta’ missierkom. Intom imbagħad sax-xagħar ta’ raskom kollu hu magħdud. Mela xejn la tibżgħu; intom aqwa minn ħafna għasafar tal-bejt. Kull min jistqarr quddiem il-bnedmin li hu miegħi, jien ukoll nistqarr li jiena miegħu quddiem Missieri li hu fis-smewwiet. Iżda min jiċħad lili quddiem il-bnedmin, jien ukoll niċħad lilu quddiem Missieri li hu fis-smewwiet”.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Istruzzjonijiet u għan

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir aktar familjari miegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personali. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex?
  3. X’inhu dak li jbeżżak jew ifixxklek biex inti tagħmel dak li qed jitlob Alla minnek bħalissa?
  4. Kemm inti lest/a li tiddefendi t-twemin nisrani ma’ tal-familja, mal-ħbieb u fuq il-post tax-xogħol?
  5. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn se tiltaqgħu ppreparaw:
    a. Bibbja bil-qari minn  San Mattew (10, 26-33)
    b. Xemgħa mixgħula
    c. Il-mejda jew post fejn hemm il-Bibbja u xemgħa miksija bi drapp aħdar
    d. Computer/laptop bil-qari u clips
  6. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  7. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊

Fl-evanġelju tal-lum se nisimgħu lil Ġesù jgħid lill-appostli li Alla dejjem qiegħed magħhom.

  • Alla jafna aktar milli nafu lilna nfusna
  • Dejjem nistgħu nafdaw lil Alla
  • skutella 
  • ilma
  • sapun tal-platti
  • għaġin – macaroni

Fl-Evanġelju tal-lu,. Ġesù qiegħed jitkellem mat-tnax-il dixxiplu. Huma kienu qed jibżgħu. Ġesù jgħidilhom li Alla jafhom, iħobbhom u dejjem jieħu ħsiebhom. Aħsbu dwar dawn il-mistoqsijiet li għandhomx’jaqsmu ma’ dak li qal Ġesù.

  • Kemm għandkom swaba fuq idejkom?
  • X’kulur huwa xagħrek?
  • X’kulur huma għajnejk?
  • Kemm għandek għajnejn?
  • Kemm għandek xagħar fuq rasek?

L-ewwel mistoqsijiet kienu faċli biex inweġbuhom, imma l-aħħar waħda, ħadd ma setgħa jaqtagħha, ħlief jekk hemm xi ħadd bla xagħar! 

Fl-Evanġelju kien hemm kelma li smajnieha tliet darbiet. Tafu x’kienet? (Tibżgħux)

Ġesù qiegħed jgħidilna li Alla qiegħed magħna dejjem anke meta nkunu qed nibżgħu, hu ma jħallinix waħedna. Iridna nkunu nafu li hu ma jħallina qatt. 

Ġesù qalilna wkoll li Alla jaf kemm għandna xagħar fuq rasna! Mela jaf dwarna aktar milli nafu aħna! Dan jurina li Alla jafna sew, anke aktar minn dawk li jħobbuna ħafna. Għax Alla jħobbna aktar u jrid jieħu ħsiebna. Alla jaf li se jkun hemm drabi meta jħossuna waħedna, jew qegħdin nibżgħu, imma jrid li niftakru li hu jkun hemm, avolja ma nkunux qed narawh. F’dawk il-ħinijiet li nħossu li aħna waħedna jew qed nibżgħu, nitkellmu miegħu għax hu jismagħna dejjem.

Fl-iskutella nħalltu s-sapun mal-ilma. Inpoġġu naħa waħda tal-għaġina fit-taħlita. Ineħħuha mill-ilma. Inpoġġu n-naħa l-oħra f’ħalqna u nonfħu l-fuq u naraw l-bżieżaq telgħin il-fuq. (Għal din l-attività jistgħu jintużaw il-flixken tas-sapun li jinxtaw jew ġieli jingħataw bħala souvenirs). 

Wara li t-tfal ikunu għamlu ftit ħin jonfħu l-bżieżaq, ngħidulhom biex issa ma kull bużżieqa li jonfħu u din ittir ‘l fuq, nitkellmu ma’ Alla dwar xi ħaġa li aħna nibżgħu minna. Dawn il-beżgħat tagħna hekk inkunu qegħdin ngħiduhom u nerħuhom f’idejn Alla.Flimkien nisimgħu u nkantaw: We’re not scared.

Irroddu s-salib.

Ġesù, irridu nitolbu wkoll għal dawk it-tfal li huma morda, għat-tfal li huma foqra u għat-tfal li jgħixu fil-pajjiżi fejn hemm il-ġlied. Dawn żgur jibżgħu ħafna. Grazzi li lilna tħobbna ħafna u inti dejjem magħna, il-ħin kollu u kullimkien. Ammen.

Fl-Evanġelju tal-lum Ġesù qiegħed jagħmel kuraġġ lill-appostli u jgħidilhom li Alla dejjem magħhom, fl-istess ħin jgħidilhom li meta jagħmlu dak li jixtieq Alla se jkun hemm minn ma jaqbilx magħhom u se jiltaqgħu mat-tbatija wkoll.

  • F’għajnejn Alla aħna prezjużi ħafna
  • Alla dejjem preżenti, anke meta hemm it-tbatija
  • €20, ġdida kemm jista’ jkun
  • gazzetta

Ġesù jitkellem mad-dixxipli dwar il-biża’. Smajna l-kelma tibżgħux tlett darbiet. Alla jrid iserrħilna moħħna li Hu dejjem qiegħed preżenti magħna. Xi kultant meta nagħmlu affarijiet tajba, il-ħbieb tagħna jgħajjruna u ma jkunux iridu jibqgħu ħbieb magħna. Meta jgħajjruna, aħna nistgħu naħsbu li hemm xi ħaġa ħażina fina. Hemm drabi oħra, meta aħna nqabblu lilna nfusna ma’ oħrajn u wkoll naħsbu li aħna m’aħniex tajbin daqshom. 

Dan l-Evanġelju jurina li għal Alla, anke l-għasfur tal-bejt huwa importanti għalih u jieħu ħsiebu, aħseb u ara kemm jieħu ħsieb tagħna aktar!

Hemm drabi meta nagħtu importanza żejda għal dak li l-oħrajn jaħsbu dwarna. Jekk dawk ta’ madwari, darba wara l-oħra jgħiduli li jien ma jien tajjeb/tajba għal xejn, li dak kollu li nagħmel dejjem nagħmlu ħażin, nibda nemmen li dan huwa veru. Madanakollu Alla tana ħafna talenti. Jekk naħsbu li aħna mhux tajbin daqs l-oħrajn, li aħna ma niswew xejn, li bina u mingħajrna l-istess, ma nistgħux niskopru dawn it-talenti li tana Alla.

Dawn it-talenti / kwalitajiet sbieħ, Alla tahomlna biex nużawhom għall-ġid tagħna u għall-ġid tal-oħrajn. F’għajnejn Alla, aħna kollha prezjużi. Alla jieħu ħsieb l-għasafar tal-bejt aħseb u ara kemm aktar jieħu ħsieb tagħna. Huwa tana dawn it-talenti bħala rigali, imma rridu nemmnu fina nfusna u niskopruhom.

Inħallu lit-tfal isemmu x’talenti għandhom, jekk għandhom kwalitajiet sbieħ oħra, li bħala ġenituri qed naraw fihom, u ma semmewhomx, insemmuhom aħna.

L-Evanġelju tal-lum isemmi t-tbatija. Flimkien mat-tfal induru l-gazzetta u nimmarkaw dawk l-artikli li juru tbatija u traġedja. It-tbatija hija parti mill-ħajja tal-bniedem. Hemm tbatija li hija riżultat ta’ traskuraġni, oħra minħabba egoiżmu, oħra riżultat tan-natura. Hi x’inhi l-kawża, Alla qiegħed hemm jakkumpanjana.

Sabiex nirrinfurzaw il-messaġġ tal-Evanġelju tal-lum. Uru karta ta’ €20 lit-tfal. Staqsuhom iriduhiex. Issa għaffġuha. Iftħuha, issa hija kollha tikmix. Għadhom iriduha? Itfgħuha mal-art u irfsuha. Iġbruha, issa saret kollha tikmix u anke maħmuġa. Għadhom iriduha l-€20? Iva? Għalfejn?

Għax il-valur tal-€20 ma nbidilx. F’għajnejn Alla, aħna dejjem nibqgħu prezzjużi. Alla dejjem jibqa’ jħobbna, nagħmlu x’nagħmlu.

Inroddu s-salib

Grazzi Mulej, inti tafna sew. Inti tħobbna u għandek fiduċja fina. Inti tridna li nkunu l-aħjar li nistgħu, agħtina l-kuraġġ meta naqtgħu qalbna, jew inħallu l-kummenti tal-oħrajn jaqtgħulna qalbna. Meta inti ħlaqt id-dinja, kollox kien sewwa ħafna. It-tbatija, ħafna drabi hija riżultat ta’ għażliet ħżiena li jagħmel il-bniedem. Aħna nemmnu li inti dejjem magħna, anke f’dawn il-mumenti diffiċli.

Nitolbuk biex tkun ma’ dawk kollha li qegħdin isofru (insemmu dawk in-nies li qrajna dwarhom fil-gazzetta).Flimkien nisimgħu, Watching over you.

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.