Il-Madonna, għandha ħafna x’tgħallem lill-ġenituri nsara. Ma kinitx faċli tkun Omm Alla. Hi ltaqgħet ma’ ħafna tbatijiet. Hi u Ġużeppi ma kinux sinjuri, għalhekk ħadmu kemm setgħu biex Ġesù ma jkunx nieqes mill-bżonnijiet ta’ kuljum. Kienu ġenituri li obdew il-liġijiet, kemm tal-gvern kif ukoll dawk reliġjużi. Għalkemm fl-Evanġelji, ma tantx insibu ġrajjiet dwar il-Madonna, il-ftit li hemm, juru li meta Ġesù kien jippriedka, hi ħafna drabi kienet tkun hemm ukoll; kienet hemm fit-tieġ ta’ Kana, kienet hemm fit-triq lejn is-salib u baqgħet miegħu anke taħt is-salib. Wara l-mewt ta’ Ġesù, baqgħet mal-appostli. Itlobu/għidu l-Il-Magnifikat, it-talba li l-Madonna qalet bħala tifħir lil Alla, Luqa 1, 46-55 |
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa 2, 8-20
F’dawk l-inħawi kien hemm xi rgħajja fir-raba’, għassa mal-merħla tagħhom billejl. U dehrilhom anġlu tal-Mulej, il-glorja tal-Mulej iddiet madwarhom, u qabadhom biża’ kbir. Iżda l-anġlu qalilhom: “Tibżgħux, għax araw, qiegħed inħabbrilkom ferħ kbir, ferħ li se jkun għall-poplu kollu. Illum, fil-belt ta’ David, twildilkom Salvatur, li hu l-Messija, il-Mulej. U bħala sinjal ikollkom dan; issibu tarbija mfisqija u mimduda f’maxtura.” F’daqqa waħda ngħaqdu mal-anġlu għadd kbir ta’ qtajja’ tas-sema, ifaħħru lil Alla u jgħidu:
“Glorja lil Alla fl-ogħla tas-smewwiet,
u sliem fl-art lill-bnedmin li jogħġbu lilu!”
Meta mbagħad l-anġli ħallewhom u telgħu s-sema, ir-rgħajja bdew jgħidu lil xulxin: “Ejjew immorru Betlehem ħa naraw x’ġara kif għarrafna l-Mulej.” Marru mela jgħaġġlu, u sabu lil Marija u ’l Ġużeppi, bit-tarbija mimduda f’maxtura. Kif raw dan, bdew jgħarrfu b’kulma kien intqal lilhom dwar dik it-tarbija, u kull min semagħhom baqa’ mistagħġeb b’dak li qalulhom ir-rgħajja. Marija, min-naħa tagħha, baqgħet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha. Ir-rgħajja mbagħad reġgħu lura, isebbħu u jfaħħru lil Alla għal kulma kienu raw u semgħu, kif l-anġlu kien qalilhom.
Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu
Bl-għajnuna tal-puppets, it-tfal jirrakuntaw il-ġrajja meta r-rgħajja marru jiltaqgħu ma’ Ġesù Bambin. Jirrakuntaw il-ġrajja qishom huma kienu wħud min dawn ir-rgħajja. Bħalma kien issuġġeriet fil-ġurnata tal-Milied, it-tfal jistgħu jirrakuntaw din il-ġrajja qabel jew wara l-ikel.
L-anġli stiednu lir-rgħajja biex imorru jaraw lil Ġesù. Aħna fejn nistgħu mmorru biex niltaqgħu miegħu? Il-knisja hija l-post speċjali fejn aħna niltaqgħu ma’ Ġesù. Matul din il-ġimgħa morru flimkien il-knisja u għaddu ftit ħin miegħu. Għidu lit-tfal li Ġesù jieħu gost jisma’ dwar ir-rigali li qalgħu, dwar x’għamilu matul il-vaganzi, u anke dwar dak li ddejqu jagħmlu! Ġesù dejjem qiegħed hemm jistenna biex aħna mmorru nkellmuh.
Ngħidu t-talba tas-Salve Reġina.
L-għan ta’ bekids.mt hu li joffri formazzjoni kateketika komprensiva għat-tfal u għall-adolexxenti li qegħdin jippreparaw biex jirċievu s-sagramenti.