Marija, Omm, Reġina

Flimkien ma’ Marija matul is-sajf

Flimkien ma’ Marija matul is-sajf:

Fl-Evanġelju ma nsibu xejn dwar it-tlugħ tal-Madonna fis-sema. Fl-1950, Papa Piju XII, iddikjara li aħna l-insara lkoll nemmnu li “l-Omm t’Alla bla tebgħa dejjem Verġni Marija, meta spiċċatilha l-ħajja tagħha ta’ hawn fl-art, kienet imtella’ għall-glorja tas-sema bir-ruħ u l-ġisem.”

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa (1, 46-56)

Imbagħad qalet Marija:

“Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej,
u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,
għax hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu.
Iva, minn issa ’l quddiem kull nisel isejjaħli hienja,
għax is-setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar;
qaddis hu l-isem tiegħu.
Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien
fuq dawk li jibżgħu minnu.
Hu wera l-qawwa ta’ driegħu,
xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.
Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom,
u għolla ċ-ċkejknin.
Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ,
u l-għonja bagħathom ’il barra b’xejn.
Ħa ħsieb Iżrael qaddej tiegħu,
għax ftakar fil-ħniena tiegħu,
bħalma wiegħed lil missirijietna,
b’risq Abraham u nislu għal dejjem.”
Marija baqgħet ma’ Eliżabetta għal tliet xhur u mbagħad reġgħet lura lejn darha.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Marija tgħallimna li:

  • Wara din il-ħajja, hemm ħajja oħra għal dejjem ma’ Alla
  • Hi baqgħet sal-aħħar tobdi lil Alla

O Marija, li dħalt fid-dinja mingħajr tebgħa aqlgħalna l-grazzja li noħorġu minnha mingħajr ħtija.

Ngħidu r-raba’ u l-ħames misteru tal-Glorja.

  • Fl-ewwel attività kellkom tirranġaw rokna speċjali għall-Madonna, f’xi kamra, jew barra fil-bitħa jew ġnien. Il-Madonna hija omm tagħna u hija wkoll reġina. Meta ttellgħet fis-sema, hi ġiet inkurunata Sultana tas-sema u tal-art. Għamlu kuruna tal-fjuri jew tal-karti biex tlibsuha lill-Madonna. Jekk għandkom tpinġija, pinġu l-kuruna, jekk għandkom inkwatru, għamlu kuruna tal-fjuri u poġġuha madwar l-inkwatru. 

Kantaw xi innu favorit tal-Madonna u wara għidu t-talba ta’ Konsagrazzjoni lill-Madonna

Ftakru ħudu ritratt u ibagħtuhulna!

Hawn ħafna parroċċi f’Malta u Għawdex li huma ddedikati lil Marija mtella’ s-sema:

Mosta, Mqabba, Mġarr, Qrendi, Gudja, Attard, B’Kara, Dingli, Victoria, Żebbuġ (Għawdex)

Fil-Marsa tiġi ċċelebrata l-festa ta’ Marija Reġina.

Ftakru ħudu ritratt u ibagħtuhulna!