Marija Omm

Flimkien ma’ Marija matul is-sajf

Flimkien ma’ Marija matul is-sajf:

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa (1, 26-45)

Imbagħad fis-sitt xahar Alla bagħat l-anġlu Gabrijel f’belt tal-Galilija, jisimha Nazaret, għand xebba, mgħarrsa ma’ raġel jismu Ġużeppi mid-dar ta’ David. Dix-xebba kien jisimha Marija. L-anġlu daħal għandha u qalilha: “Sliem għalik, mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek.” Hi tħawdet ħafna għal dan il-kliem, u bdiet taħseb bejnha u bejn ruħha x’setgħet qatt tfisser din it-tislima. Iżda l-anġlu qalilha: “Tibżax, Marija, għax inti sibt grazzja quddiem Alla. Ara, inti se tnissel fil-ġuf u jkollok iben u ssemmih Ġesù. Hu jkun kbir, u jkun jissejjaħ Bin l-Għoli. Il-Mulej Alla jagħtih it-tron ta’ David missieru u jsaltan għal dejjem fuq dar Ġakobb, u ma jkunx hemm tmiem għas-saltna tiegħu.” Iżda Marija qalet lill-anġlu: “Kif ikun dan, ladarba ma nagħrafx raġel?” Wieġeb l-anġlu u qalilha: “L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek, u l-qawwa tal-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek. U għalhekk dak li jitwieled minnek ikun qaddis, u jissejjaħ Bin Alla. Ara, il-qariba tiegħek Eliżabetta, fi xjuħitha, hi wkoll nisslet iben fil-ġuf, u ġa għandha sitt xhur dik li għaliha kienu jgħidu li ma jistax ikollha tfal, għax għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir.” Imbagħad qalet Marija: “Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skont kelmtek!” U l-anġlu telaq minn quddiemha.

F’dawk il-ġranet Marija qamet u marret tħaffef lejn l-għoljiet, f’belt tal-Lhudija. Daħlet għand Żakkarija u sellmet lil Eliżabetta. Malli Eliżabetta semgħet lil Marija ssellmilha, it-tarbija qabżet fil-ġuf tagħha u Eliżabetta mtliet bl-Ispirtu s-Santu; u nfexxet f’għajta kbira u qalet: “Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek! U minn fejn ġieni dan li omm il-Mulej tiegħi tiġi għandi? Għax ara, malli smajt f’widnejja leħen it-tislima tiegħek, it-tarbija li għandi fil-ġuf qabżet bil-ferħ. Iva, hienja dik li emmnet li jseħħ kulma bagħat jgħidilha l-Mulej.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Marija għandha fiduċja kbira f’Alla. Hi taċċetta l-pjan ta’ Alla għaliha. 

Aħna kif inwieġbu għal dak li jitlobna Alla?

X’kienu l-ħsibijiet ta’ Marija wara li telaq l-anġlu minn ħdejha?

Qisha ma tantx ħasbet fiha nnifisha, għax marret tħaffef għand Eliżabetta!

Kif tkun it-tweġiba tagħna, meta xi ħadd jistaqsi għall-għajnuna tagħna?

Marija tgħallimna li 

  • għalkemm mhux dejjem nifhmu dak li Alla jrid minna, aħna għandna nagħmluh, għax Alla dejjem jitlob dak li hu tajjeb;
  • meta nagħmlu dak li jrid Alla, se jkollna nagħmlu sagrifiċċju u anke nħassru xi pjani li stajna għamilna;
  • għandna naraw x’inhuma l-bżonnijiet tal-oħrajn u ngħinu skont kif hemm bżonn, anke jekk ma jistaqsunix.

Ġesù għinna ngħidu ‘iva’ għal dak li tixtieq minna inti.

Ġesù għamel li bħal Marija aħna nħobbu lill-oħrajn u li nkunu ġenerużi bil-ħin u talenti tagħna.

Ngħidu l-Ewwel u t-Tieni misteru tal-Ferħ.

Tkellem mal-ġenituri u flimkien araw fejn tistgħu tagħmlu rokna bix-xbieha tal-Madonna. Tista’ tkun fuq mejda fil-kamra tal-ikel jew fil-kamra tagħkom, inkella fil-bitħa jew ġnien.

Ikollkom bżonn:

  • Statwa tal-Madonna jew inkwatru tal-Madonna jekk ma għandkomx pinġu l-istampa (link to Bekids pic)
  • Flixkun tal-ilma (tal-plastik)
  • Imqass 
  • Żebgħa, kuluri li tixtieq
  • Pinzell 
  • Dekorazzjonijiet u gloj
  • Fjuri

Aqtgħu il-flixkun għall-qies tajjeb biex iservi ta’ vażun. Imbagħad iżbgħuh kif tixtiequ intom u waħħlu d-dekorazzjonijiet fuqu. Ġo fih, tistgħu tpoġġu fjuri friski, inkella, agħmluhom intom bil-karti tat-tajr. Il-Madonna żgur tieħu gost b’dawn il-fjuri li tagħmlulha.

X’tistgħu tagħmlu aktar biex iżżejnu madwar il-Madonna?

Meta tkunu lesti ħudu ritratt u ibagħtuh flimkien ma’ isimkom u l-età tagħkom.

  • Għin lil xi ħadd mingħajr ma jistaqsik
  • Bħala familja, hemm xi proġett li tistgħu tagħmlu flimkien, forsi fil-parroċċa mal-Kummissjoni Djakonia

F’Malta u Għawdex hawn ħafna knejjes u kappelel, iddedikati lill-Madonna. 

Tafu min kienu l-ġenituri tal-Madonna? (Sant Anna u San Ġwakkin)

Knejjes u kappelel iddedikati lil Sant’Anna:

  • Wied il-Għajn
  • Iż-Żebbiegħ
  • Id-Dwejra (Għawdex)

Waħda mill-festi prinċipali tal-Knisja, hija l-Kunċizzjoni. Din hija ċċelebrata fit-8 ta’ Diċembru. F’din il-festa niftakru li l-Madonna twieledet mingħajr tebgħa ta’ dnub.

Il-festa tal-Kunċizzjoni tkun iċċelebrata:

  • Bormla
  • l-Ibraġġ
  • il-Ħamrun 
  • u l-Kunċizzjoni, limiti tar-Rabat

il-Knisja tiċċelebraw wkoll it-twelid tal-Madonna, fit-8 ta’ Settembru, Malta din il-festa tkun iċċelebrata:

  • l-Isla
  • in-Naxxar
  • il-Mellieħa

Il-festa tal-Lunzjata, jiġifieri, ta’ meta l-Anġlu Gabrijel ħabbar lil Marija li hi kienet se tkun omm Alla, tkun iċċelebrata, fil-parroċċa ta’

  • Ħal Tarxien
  • Ħal Balzan
  • Fil-limiti tar-Rabat, hemm ukoll kappella ddedikata lill-Lunzjata

Il-festa tal-Viżitazzjoni hija ċelebrata fir-raħal tal-Għarb, Għawdex

  • Tinsewx tibgħatu ritratt tagħkom, meta żżuru xi waħda minn dawn il-knejjes.