Flimkien ma’ Marija matul is-sajf:
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann (2, 1-11)
Imbagħad fit-tielet jum sar tieġ f’Kana tal-Galilija, u omm Ġesù kienet hemm. Ġesù kien mistieden għat-tieġ hu wkoll flimkien mad-dixxipli tiegħu. Billi ma kienx fadal iżjed inbid, omm Ġesù qaltlu: “Ma għandhomx inbid.” U Ġesù qalilha: “X’hemm bejni u bejnek, mara? Is-siegħa tiegħi għadha ma waslitx.” Omm Ġesù qalet lill-qaddejja: “Agħmlu kulma jgħidilkom hu.” Issa kien hemm sitt ġarar tal-ħaġar, imqiegħda hemm għar-rit tal-purifikazzjoni tal-Lhud, kull waħda minnhom tasa’ xi mitt jew mija u għoxrin litru. Ġesù qal lill-qaddejja: “Imlew il-ġarar bl-ilma.” U dawk imlewhom sax-xifer. Imbagħad qalilhom: “Issa ħudu minnu u newluh lil dak li qiegħed jieħu ħsieb il-mejda.” U huma marru jagħtuhulu. Hu daq l-ilma mibdul fi nbid; u billi ma kienx jaf mnejn ġie, għalkemm il-qaddejja li ħadu mill-ilma kienu jafu, sejjaħ lill-għarus u qallu: “Kulħadd l-inbid it-tajjeb iservi l-ewwel; meta mbagħad ikun ħadhom iġibu dak li jkun inqas tajjeb. Imma int l-inbid it-tajjeb erfajtu sa issa.” Dan li għamel Ġesù f’Kana tal-Galilija kien l-ewwel wieħed fost is-sinjali tiegħu. Bih wera l-glorja tiegħu u d-dixxipli tiegħu emmnu fih.
Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu
Il-Madonna dejjem kienet lesta biex tgħin lill-oħrajn.
Sabiħ li niċċelebraw flimkien.
Marija tgħallimna li
Ngħidu t-2 misteru tad-Dawl
Ġesù għinna biex bħal Marija aħna naqdu u ngħinu lil dawk ta’ madwarna
Ngħidu t-talba ta’ San Bernard.
Fuq naħa tal-midalja hemm ix-xbiha tal-Madonna fuq globu, b’riġlejha tgħaffeġ ras is-serpent, b’idejha miftuħin li minnhom ħerġin ir-raġġi, il-grazzji li l-Madonna lesta tagħti lil min jitlobhomlha u mad-dawra ovali kien hemm il-kelmiet: O Marija, imnissla mingħajr dnub oriġinali, idħol għalina li nirrikorru lejk. Fuq in-naħa ta’ wara hemm l-ittra M, li minn ġo fiha kienet għaddejja strixxa u li fuq din l-istrixxa hemm salib. Madwar dawn is-simboli hemm tnax-il kewkba, waqt li taħt l-ittra M hemm żewġt iqlub, waħda inkurunata bix-xewk u l-oħra minfuda bis-sejf.
Fl-Oratorju tal-Knisja ta’ San Pawl Nawfragu fil-Belt Valletta, hemm pittura tat-Tieġ ta’ Kana. (Tistgħu tistaqsu lill-qassisin li jkun hemm fil-knisja biex jifħulkom l-Oratorju jekk ma jkunx miftuħ).
Ftakru ħudu ritratt u ibagħtuhulna!
L-għan ta’ bekids.mt hu li joffri formazzjoni kateketika komprensiva għat-tfal u għall-adolexxenti li qegħdin jippreparaw biex jirċievu s-sagramenti.