Nieħdu ħsieb

Spazju ta’ talb fid-dar u Att tal-indiema

Tajjeb li niftakru li mhux il-bini  jagħmel l-Knisja imma l-għaqda u l-imħabba fost dawk li rċivew is-sagrament tal-Magħmudija u li jħobbu lil Alla b’qalbhom kollha, b’ moħħhom kollu u bil-qawwa tagħhom kollha.

Ġesù jfakkarna li bħala membri fil-komunità tal-Knisja, aħna għadna d-dmir li nkunu responsabbli għal xulxin u  għalhekk għandna nikkoreġu  b’imħabba lil dawk ħutna li jkunu qed jagħmlu żball.  Dan huwa mod ieħor ta’ kif aħna nħobbu lil xulxin. 

Din mhix faċli imma Ġesù jfakkarna li huwa preżenti b’mod attiv fostna li aħna l-membri tal-Knisja tiegħu.  Huwa jgħidilna, “Għax fejn tnejn jew tlieta jkunu miġbura f’ismi hemm inkun jien f’ nosfhom” ( Mt 18; 20)

Il-prayer space li ser nagħmlu llum jisimha Nieħdu Ħsieb u għaliha għandna bżonn:

  • Karta b’forma ta’  mogħdija jew passaġġ
  • Biro jew markers

L-ewwel ser nieħdu ftit ħin biex naħsbu f’nies li mhumiex jimxu fit-triq it-tajba u għalhekk mhumiex iħobbu lil Alla, lill-oħrajn u lill-ħolqien.  

Fuq il-karta forma ta’ passaġġ pinġi qalb għal kull persuna li inti ħsibt fiha.

Issa għalaq għajnejk u itlob lil Alla jgħinek twassal l-imħabba tiegħu lil dawn in-nies li ntilfu minn mal-komunità ta’ dawk li jemmnu.

Fl aħħar, tista’ tpoġġi din il-karta b’forma ta’ passaġġ x’imkien fejn taraha biex tfakkrek li  f’din il-mixja tal-ħajja tagħna aħna rridu nieħdu ħsieb xulxin.

Att tal-indiema

Mulejja, Alla tiegħi,
Jisgħobbija b’qalbi kollha minn dnubieti ta’ ħajti kollha.
Jisgħobbija, Mulejja, għall-Ġenna li tlift, għall-infern li rbaħt.
Imma fuq kollox jisħobbija għax rgħextek u offendejtek,
Kollok tjieba, u ħniena. Inħobbok, Mulejja, inħobbok fuq kollox.
Mil-lum ’il quddiem, bil-għajnuna mqaddsa tiegħek,
Ma nidnibx qatt u qatt iżjed la mmur fejn dari nidneb.
Naħrab ukoll minn dak kollu li dari waqqagħni fid-dnub.
Ammen.

Att tal-indiema (qasira)

Mulejja Alla tiegħi, inti tħobbni ħafna. Jiddispjaċini talli għedtlek le bi dnubieti. Mil-lum ’il quddiem, bil-għajnuna mqaddsa tiegħek, ma nerġax nagħmel dnub iżjed u rrid inħobbok fuq kollox. Ammen.

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż permezz tat-talb li nitolbu fid-djar tagħna. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet li jistgħu jgħallmuk modi differenti ta' kif titlob u jħeġġuk tieħu r-relazzjoni tiegħek m'Alla b'aktar serjetà.