Preparazzjoni għat-Tridu tal-Għid

Attivitajiet Speċjali għall-familja kollha

It-Tridu tal-Għid, jikkonsisti fil-ġranet l-aktar importanti fis-sena liturġika li niċċelebraw bħala Knisja. Il-kelma Tridu ġejja mil-Latin Triduum li tfisser tlett ijiem. Għalhekk dawn huma t-tlett ijiem li jiħqu l-qofol tagħhom f’jum l-Għid il-Kbir. It-Tridu, jibda nhar Ħamis ix-Xirka filgħaxija, jkompli l-għada, il-Ġimgħa l-Kbira, isib il-quċċata tiegħu f’jum is-Sibt, bil-Vġili tal-Għid u jintemm bl-aħħar talba liturġika li ssir il-Ħadd f’jum l-Għid il-Kbir. F’dawn il-jiem, aħna mhux biss inġeddu l-memorja tal-passjoni, l-mewt u l-qawmien ta’ Sidna Ġesu’ Kristu, iżda Kristu stess, permezz tas-sagramenti u l-liturġija, iseħibna miegħu, biex aħna wkoll ngħaddu flimkien miegħu mill-mewt għall-ħajja ġdida. Din is-sena, ma nistgħux inkunu flimkien fil-knejjes biex nieħdu sehem fil-liturġija. Madanakollu, bħala familji, tajjeb insibu ħin ta’ kwalita’ u ninġabru flimkien fit-talb. Hawn taħt, għandkom issibu xi ftit indikazzjonijiet biex tkunu tistgħu tippjanaw attivitajiet għat-tfal tagħkom. Qed nipprovduhom qabel biex wieħed ikun jista’ jippreparahom minn kmieni.

Naraw flimkien:

Hawnekk ser taraw introduzzjoni prattika għall-attivitajiet li se jkollna fit-Tridu tal-Għid, u x’hemm bżonn li tippreparaw:

Għandna bżonn:

  • Laptop
  • Mejda jew wiċċ fejn titpoġġa l-Bibbja miftuħa
  • Xemgħa 
  • Drapp li jitpoġġa taħt il-Bibbja:
    Abjad: Ħamis ix-Xirka u fl-Għid
    Aħmar: il-Ġimgħa l-Kbira
  • Kurċifiss

Għall-Ħamis ix-Xirka, għandna bżonn:

  • Friskatur
  • Buqar b’ilma fietel
  • Xugaman
  • Ritratti ta’ ikla/ikliet speċjali li kellkom bħala familja
  • Biċċa drapp vjola
  • Bħala ikla ta’ filgħaxija tistgħu issajru ħaruf, bħalma l-Lhud u Ġesù kielu fl-ikla tal-Għid (li tfakkar il-ħelsien tal-Lhud mill-Eġittu).

Għall-Ġimgħa l-Kbira, għandna bżonn:

  • Is-salib
  • Ħall
  • Xewk
  • Imsiemer 
  • Pupu
  • Kaxxa d-daqs tal-pupu, tista’ tkun irranġata biex tidher qisa qabar
  • Toilet paper jew strixxa tad-drapp bajda
  • Żerriegħa jew basal tal-fjuri
  • Ħamrija/kompost
  • Qasrija
  • 14 xemgħa (tealights)
  • Xemgħa bajda

Viġili tal-Għid, għandna bżonn:

  • It-tfal ilestu blandun (eżempju ta’ kif isir il-blandun mehmuż)
  • Drapp bajda 
  • Ilma mbierek
  • Ikel għal wara ċ-ċelebrazzjoni
  • Xemgħa għal kull persuna
  • Sulfarini 
  • Qniepen u/jew mobile

L-Għid, għandna bżonn:

Tal-anqas 12-il bajda tal-Għid, dawn jistgħu jinxtraw jew tagħmluhom flimkien bħala familja.

Hemm tradizzjoni antika li matul il-Ġimgħa Mqaddsa jsir it-tindif tad-dar (spring cleaning). Din ġejja mir-ritwal Lhudi, li jsir tindif tad-dar qabel il-festa tal-Għid. Dan hu ċ-ċans biex il-ġenituri jgħidu lit-tfal dwar din it-tradizzjoni u jistaqsuhom inaddfu l-kmamar tagħhom!