San Ġużepp Ħaddiem

Sena Ġużeppina

Ħaġa li l-Knisja enfasizzat għal żmien twil dwar San Ġużepp hu l-fatt li San Ġużepp kien mastrudaxxa. San Ġużepp kien jaħdem bl-injam, u b’hekk kien jaqla’ flus biżżejjed biex seta’ jieħu ħsieb lill-Madonna u lil Ġesù. Ġesù tgħallem minn San Ġużepp x’ jfisser il-valur, id-dinjità u l-ferħ ta’ wieħed li jaqla’ l-flus b’mod onest u billi juża tajjeb it-talenti tiegħu.

Ix-xogħol – u fil-każ tagħna, l-istudju! – huwa mod ta’ kif nieħdu sehem b’mod attiv fis-salvazzjoni tad-dinja! Meta niżviluppaw it-talenti tagħna u nużawhom għall-ġid tal-oħrajn, ix-xogħol li nagħmlu jista’ jsir opportunità li tgħin mhux biss lilna nfusna, imma wkoll lill-familja tagħna u wkoll lis-soċjetà kollha kemm hi.

Familja mingħajr xogħol ikollha diffikultajiet, tensjonijiet u problemi kbar. Għalhekk illum tajjeb niftakru f’dawk kollha li jixtiequ jaħdmu u ma jistgħux, kemm għax ma jsibux opportunitajiet u kemm għax għandhom problemi ta’ saħħa. Nitolbu wkoll għal dawk kollha li għalkemm jaħdmu, ġew milquta ħafna mill-pandemija u qed ibatu ħafna.

San Ġużepp jgħallimna li l-ħaddiema kollha jaħdmu flimkien ma’ Alla biex jibnu dinja aħjar. Ix-xogħol ta’ San Ġużepp ifakkarna li Alla nnifsu, meta sar bniedem bħalna, ried jaħdem hu wkoll! Ejjew nitolbu lil Alla biex fuq l-eżempju ta’ San Ġużepp, aħna nitgħallmu nużaw it-talenti tagħna b’mod tajjeb għall-ġid ta’ kulħadd u nitolbu biex kulħadd ikun jista’ jaħdem u jesprimi t-talenti li Alla jagħtina!