San Ġużepp ifittex post

Sena Ġużeppina

San Ġużepp mhux dejjem fehem il-pjan li Alla kellu għalih, imma dejjem obda xorta waħda. Mhux bilfors fehem il-kliem tal-anġlu li Ġesù kellu jsalva lill-bnedmin kollha minn dnubiethom, kif naqraw fl-Evanġelju skont San Mattew (Mt 1:20-21). Iżda minħabba li kien b’saħħtu biżżejjed biex jagħti kas tal-bżonnijiet tal-oħrajn, San Ġużepp ma beżax jobdi.

Fl-Evanġelju ta’ San Luqa (Lq 2:4) naqraw kif San Ġużepp ma beżax u ma ġabx skużi meta kellu jmur Betlehem minn Nazaret biex ikun irreġistrat fir-raħal tal-familja tiegħu minħabba ċ-ċensiment tal-Imperatur ta’ dak iż-żmien. San Ġużepp u l-Madonna, li kienet tqila b’Ġesù, kellhom jimxu madwar 145 kilometru biex jobdi l-liġi tal-Imperatur: qishom imxew minn tarf għal ieħor ta’ Malta 5 darbiet!

San Ġużepp kien importanti għal Ġesù mhux biss għax għallmu jobdi liġijiet reliġjużi imma wkoll il-liġijiet tal-post fejn kienu joqogħdu. Minkejja li Alla, Ġesù wkoll kellu jobdi bħal kull bniedem ieħor il-liġijiet kemm ta’ Alla kif ukoll tal-bnedmin. San Ġużepp ma tkabbarx għax kien qed jieħu ħsieb lill-Iben ta’ Alla; anzi, obda dejjem għax ried jirrispetta lil kulħadd, kull fejn kien ikun.

Meta waslu Betlehem u l-Madonna kienet waslet biex twelled lil Ġesù, nafu kif ma setgħux isibu post f’lukanda fejn setgħu joqogħdu. Nafu wkoll li Ġesù twieled f’għar. Din l-istorja (Lq 2:6-7) tkompli turina kif San Ġużepp baqa’ jemmen f’Alla anke meta ma fehemx lil Alla, u kien lest jagħmel dak li ried minnu Alla – saħansitra obda li l-Iben ta’ Alla stess kellu jitwieled f’post tal-annimali!

Dan kollu jurina li San Ġużepp kien imsejjaħ minn Alla biex jieħu ħsieb lil Ġesù. Għalhekk, ejjew nirringrazzjaw lil Alla għal dawk in-nies kollha li jieħdu ħsiebna u jixtiqulna l-ġid, anke meta mhux dejjem nifhmuhom jew napprezzawhom, u nitolbu għalihom biex, bħal San Ġużepp ma’ Ġesù, huma wkoll jibqgħu jgħallmuna nkunu nsara tajbin li nafdaw dejjem aktar f’Alla, u ċittadini bil-għaqal li nirrispettaw lil kulħadd.

Għal kwiżż dwar San Ġużepp żuru: