Fl-aħħar xahrejn rajna kif San Ġużepp, meta wasal Betlehem, ma sabx post f’lukanda għall-Madonna fejn fih setgħet twelled lil Ġesù, kif naqraw fl-Evanġelju skont San Luqa (Luqa 2:6-7). Imma nafu wkoll li din ma kenitx l-unika problema ta’ San Ġużepp f’Betlehem! Meta Erodi ried joqtol lil Ġesù, San Ġużepp kellu jerġa’ jara x’jagħmel!
Fl-Evanġelju skont San Mattew (Mattew 2:13-14) naqraw kif San Ġużepp, li għal darb’oħra kien avżat u mwissi f’ħolma, qam f’nofs ta’ lejl biex jipprepara għal vjaġġ lejn l-Eġittu, fejn il-Familja Mqaddsa setgħu jgħixu fil-kwiet. San Ġużepp, il-Madonna u Ġesù kellhom jaħarbu minn pajjiżhom minħabba li kienu qed ifittxu li joqtlu lil Ġesù għall-ebda raġuni ħlief l-għira tal-mexxejja ta’ dak iż-żmien.
San Ġużepp, il-Madonna u Ġesù kienu wkoll immigranti f’pajjiż barrani, bħal ħafna nies li jkollhom jitilqu minn pajjiżhom minħabba l-gwerer u problemi oħra, u jfittxu kenn f’pajjiż ieħor. Nistgħu naqraw l-istorja ta’ San Ġużepp, tal-Madonna u ta’ Ġesù, u wkoll tal-immigranti l-oħra kollha, bħala r-rebħa ta’ dawk li għandhom il-flus u l-poter, waqt li l-fqir dejjem jitlef u dejjem ibati.
Alla, iżda, dejjem hemm biex isalvana. L-Evanġelju jurina dak li verament jiswa’ u jibqa’ għal dejjem. Alla dejjem hemm biex jagħtina l-għajnuna, u aħna – bħal San Ġużepp – għandna nwieġbu lura bi kreattività u b’kuraġġ! San Ġużepp, meta ma sabx post fejn joqogħdu u meta kellhom jitilqu minn Betlehem, baqa’ jafda f’Alla u kompla jistaqsi x’jista’ jagħmel. Kieku m’għamilx hekk ma kienx isib l-għar fejn twieled Ġesù, u kieku ma kienx jieħu lill-Madonna u lil Ġesù l-Eġittu biex isalvahom!
Jekk xi drabi naħsbu li Alla nsiena, ma jfissirx li Alla ħalliena weħidna! Xi drabi ninsew li waqt li aħna għandna nafdaw f’Alla, Alla wkoll jafda fina u qed jistedinna biex quddiem il-problemi li jkollna, nużaw it-talenti tagħna bl-aħjar mod possibbli biex il-problema nibdluha f’possibbiltà. Quddiem problema, jew naqtgħu qalbna jew nippruvaw nirbħulha; meta nippruvaw nirbħulha, niskopru affarijiet dwarna li mhux bilfors konna nafu bihom qabel!
Meta nkunu għaddejjin minn żmien diffiċli, għalhekk, niftakru f’San Ġużepp u nitgħallmu mill-eżempju tiegħu: li nafdaw f’Alla, u li naħdmu id f’id ma’ Alla billi nkunu kreattivi u kuraġġużi!