Ħafna ħassieba qabblu r-relazzjoni ta’ Ġesù ma’ San Ġużepp fil-ħajja ta’ Ġesù – dejjem preżenti imma donnu dejjem moħbi! – mar-relazzjoni ta’ Ġesù ma’ Alla l-Missier: San Ġużepp ħares lil Ġesù, ipproteġih, u ħa ħsiebu. San Ġużepp, fil-fatt, ifakkarna li li tkun missier ma jfissirx biss li wieħed ikollu t-tfal, imma li wieħed jerfa’ r-responsabbiltà li jieħu ħsieb lit-tfal.
Il-missier jgħallem lit-tfal dwar il-ħajja; jgħallimhom jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom, li jgawdu l-libertà tagħhom u li jesploraw possibiltajiet ġodda! San Ġużepp jgħallimna li jekk verament inħobbu, irridu nafdaw. Diġà rajna kemm hu importanti nafdaw lil Alla fil-ħajja tagħna, imma importanti wkoll nafdaw lil xulxin.
Minħabba li kien jaħseb ħafna fil-bżonnijiet tal-oħrajn, San Ġużepp qatt m’għamel lilu nnifsu fiċ-ċentru tal-affarijiet. Dejjem kien attent jekk kienx hemm xi ħadd li kellu bżonn l-għajnuna, u jekk kienx hemm sitwazzjoni li kellha bżonn l-attenzjoni. San Ġużepp dejjem emmen li Alla hu l-aktar persuna importanti fil-ħajja tiegħu, u b’hekk seta’ jara l-affarijiet kemm jista’ jkun kif jarahom Alla.
Lil San Ġużepp ma narawh qatt irrabjat jew frustrat, lanqas meta hu u l-Madonna tilfu lil Ġesù, kif naqraw fl-Evanġelju skont San Luqa (2:41-52). Inkwieta, iva, iżda dejjem emmen f’Alla. Minħabba f’hekk, għal San Ġużepp li jgħin lil ħaddieħor ma kienx sagrifiċċju imma rigal. Minħabba f’hekk, kien jgħin lil kulħadd bil-ferħ, mingħajr tgergir u mill-ewwel, kif naqraw fl-Evanġelju.
Għalhekk ejjew aħna wkoll nitgħallmu minn San Ġużepp u nkunu nies tajbin li nagħtu kas u l-attenzjoni lill-oħrajn, u li nifhmu li l-aktar importanti hu li nagħmlu t-tajjeb u mhux li l-oħrajn jarawna nagħmlu t-tajjeb. Ejjew nitolbu biex aħna wkoll, bħal San Ġużepp, naraw fl-oħrajn rigal – u mhux sagrifiċċju – u bil-preżenza tagħna nkunu xhieda għal xulxin li Alla, għalkemm jista’ jkun moħbi, huwa xorta waħda preżenti fil-ħajja tagħna u huwa dejjem magħna.
Żuru dan il-kwiżż dwar San Ġużepp.