Tistgħu timmaniġaw x’ħaseb u x’ħass San Ġużepp meta ra lill-Iben ta’ Alla jitwieled ġo maxtura, f’post tal-annimali? Diġà rajna, tul din il-mixja tagħna ma’ San Ġużepp, kif San Ġużepp fittex dejjem li jkun jaf Alla xi jrid minnu f’ħajtu u dejjem prova jobdi dak li Alla talab minnu, anke meta ma fehemx. U rajna wkoll kif San Ġużepp obda kemm il-liġijiet ta’ Alla, u irrispetta wkoll l-liġijiet tal-bnedmin.
X’wassal lil San Ġużepp biex jagħmel dan kollu? Minħabba li kien jafda ħafna f’Alla, San Ġużepp ma kienx interessat wisq li jipprova jifhem u jispjega dak kollu li kien qed jiġri. Staqsa, iva, u min jaf kemm tħawwad ukoll, imma ma ħalliex il-mistoqsijiet u d-dubji tiegħu jfixkluh milli jagħmel dak li kellu jagħmel. Flok fittex li jispjega, fittex li jaċċetta.
Din hija waħda mill-akbar sfidi tagħna: li naċċettaw! Ħafna drabi nkunu rridu li tgħaddi biss l-idea tagħna, li jiġri dak li rridu aħna; San Ġużepp, iżda, jgħallimna li meta ma nippruvawx nagħmlu biss dak li jogħġob lilna, nistgħu verament nikbru aktar u nsiru persuni aħjar li jkunu attenti għall-bżonnijiet tal-oħrajn. Nimmaġinaw lil San Ġużepp jistaqsi: jekk l-Iben ta’ Alla kien lest jitwieled f’post tal-annimali għalina, kemm aħna għandna nkunu lesti biex ngħinu lil xulxin?
Li naċċettaw ma jfissirx li ma nagħmlu xejn, u li nħalli l-affarijiet jiġru lilna. Le. San Ġużepp jurina li naċċettaw ifisser li ngħixu l-ħajja b’tama u b’kuraġġ: b’tama għaliex nemmnu li Alla magħna fil-ħajja tagħna, u b’kuraġġ għaliex meta nibdew naraw l-affarijiet minn perspettiva differenti nkunu nistgħu napprezzaw aktar lil xulxin, u allura nkunu nistgħu ngħinu aktar lil xulxin!
Din l-attitudni ta’ San Ġużepp, għalhekk, tgħallimna naċċettaw u nilqgħu lil xulxin kif aħna, mhux kif nixtiequ li l-oħrajn ikunu!