San Ġużepp hu importanti ħafna għaliex f’ħajtu ma fittixx li jkun importanti! X’jiġifieri, imma? San Ġużepp dejjem fittex li f’ħajtu jagħmel dak li Alla xtaq minnu – jiġifieri li jieħu ħsieb lill-Madonna u lil Ġesù – u ma fittixx li jkun imfaħħar għal dak li għamel. Minħabba li ta kas u attenzjoni lill-Madonna u lil Ġesù, San Ġużepp kien raġel tajjeb u missier twajjeb.
L-istampa ta’ San Ġużepp rieqed iddaħħakna ftit! Mhux soltu naraw qaddisin reqdin! Imma din l-istampa tgħallimna ħafna affarijiet. Fuq kollox, tgħallimna li l-qaddisin huma bnedmin bħalna: jieklu, jistudjaw, jaħdmu, għandhom il-familji tagħhom, u jorqdu wkoll! Nafu wkoll, iżda, li Alla kellem lil San Ġużepp fil-ħolm meta San Ġużepp kien rieqed, kif naqraw fl-Evanġelju skont San Mattew (Mt 1:24).
Alla jkellem lilna wkoll! Wisq probabbli lilna mhux se jidhrilna anġlu, imma bħal San Ġużepp, Alla jkellimna fil-ħajja tagħna ta’ kuljum: fid-dar, fl-iskola, fil-knisja, ma’ sħabna, meta nilagħbu, meta nistudjaw, meta nieklu, u anke meta norqdu! L-istampa ta’ San Ġużepp rieqed tgħallimna, allura, li għandna bżonn nistrieħu imma wkoll li Alla jista’ jkellimna anke waqt il-ħin tal-mistrieħ tagħna.
San Ġużepp jgħallimna, għalhekk, li għandna nkunu dejjem attenti biex naraw Alla x’jixtieq minna kull ħin u kull mument. Ħafna drabi aħna nkunu rridu nagħmlu l-affarijiet kif irridu aħna, u nkunu rridu nkunu fil-kontroll tal-affarijiet. San Ġużepp ifakkarna, iżda, li hemm bżonn nafdaw f’Alla, anke meta ma nifhmux eżatt x’ikun qed jiġri. Alla jaf!
Ġieli qabadkom in-nas u rqadtu f’idejn il-mamà jew il-papà tagħkom? San Ġużepp ma jibżax jorqod f’idejn Alla, għax jafda li Alla jħobbna u jixtieq il-ġid għalina. L-istess għandna nagħmlu aħna. U l-aħħar ħaġa. Tafu li Papa Franġisku għandu statwa żgħira ta’ San Ġużepp rieqed fuq id-desk fl-uffiċċju tiegħu fil-Vatikan? Il-Papa jaf li meta jkollu problema, għandu ħafna x’jitgħallem minn San Ġużepp u li San Ġużepp se jgħinu żgur!