San Vinċenz de Paul

27 ta’ Settembru

Vinċenz twieled fl-24 ta’ April 1581 f’Pouy, qrib il-muntanja Pirinej, fi Franza. Il-ġenituri tiegħu kellhom razzett żgħir li minnu kienu jaqilgħu l-għajxien tagħhom.  Meta missieru ra li Vinċenz kien iħobb jistudja, iddeċieda li jedukah, u bagħtu jistudja f’kulleġġ immexxi mill-Franġiskani.

Fl-1600, sar saċerdot u baqa’ jistudja sal-1605. Telaq lejn Marsilja biex jiġbor somma ġmielha ta’ flus li kienet imħollija lilu. Hu u ġej lura bil-baħar, il-pirati qabżu fuq il-ġifen tiegħu, u lilu ħaduh Tuneż bħala lsir fejn dam hemmhekk madwar sentejn. Wieħed mis-sidien tiegħu, kien Mawmettan. Tant kien jgħix ħajja eżemplari, li dan is-sid ikkonverta u sar Nisrani u flimkien ħarbu minn Tuneż. Wara mawra qasira f’Ruma rritorna Franza fl-1607.

Kien fis-sena 1617, meta darba minnhom kien f’raħal u sama’ l-aħħar qrara ta’ wieħed fqir qabel miet, u ntebaħ kemm il-fqar ta’ Franza kellhom bżonn min jieħu ħsiebhom. Minn dakinhar intefa’ b’ruħu u b’ġismu jaħdem għall-fqar, fil-ħabsijiet, fl-isptarijiet u fost l-ilsiera tax-xwieni. Fl-1619, inħatar uffiċjalment bħala Kappillan tal-ilsiera tax-xwieni.

Fl-1625, San Vinċenz waqqaf il-‘Kongregazzjoni tal-Missjoni’ li l-membri tagħha saru magħrufa bħala ‘Lazzaristi’ minħabba li l-kunvent li kien hemm sar bħala d-Dar Ċentrali u kien iġib l-isem ta’ San Lazzru ‘Saint Lazare’, f’Pariġi.  Ftit snin wara, flimkien ma’ Santa Louise de Marillac, huwa kien ko-fundatur tal-Kongregazzjoni tas-Sorijiet tal-Karità ta’ San Vinċenz de Paul. Dawn is-sorijiet iddedikaw ħajjithom għall-morda u l-foqra.

Vinċenz kien bniedem li jġib il-ferħ kull fejn kien jersaq. Kien sensittiv għall-bżonnijiet tal-oħrajn.

San Vinċenz miet fis-27 ta’ Settembru, 1660.  Il-Papa Klement XII niżżel ismu fil-lista tal-Qaddisin. Hu l-Patrun tal-Istituzzjonijiet tal-Karità tal-Knisja.

Il-prinċipju fundamentali li jsawwar il-missjoni ta’ San Vinċenz de Paul kienet il-virtù tal-KARITÀ. Li tikber f’dan il-virtù jmur lil hinn minn sempliċiment tagħmel ftit karità; tfisser ħafna aktar minn sempliċiment tkun ġeneruż/a billi tagħti xi donazzjonijiet lil għaqdiet tal-karità. Il-karità tinvolvi l-ħbiberija bejn il-bniedem u Alla, li l-bniedem ikun kapaċi jħobb kif iħobb Alla. Il-karità tfisser li taċċetta lil kulħadd b’qalb miftuħa, mingħajr distinzjoni ta’ razza jew kulur. Tfisser wkoll li tagħmel differenza pożittiva.

Oħloq opportunità biex tiddiskuti mat-tfal jekk jistgħux jagħrfu persuni li jafu li jistgħu jilqgħu u jagħtuhom ċans jiftħu qalbhom magħhom. Dawn in-nies jistgħu jkunu ġirien li huma weħidhom, anzjani fil-Parroċċa, immigranti li jistgħu jħossuhom mhux milqugħa mill-komunità, tfal oħra fl-iskola u/jew f’attivitajiet sportivi li għandhom it-tendenza jinqatgħu għalihom. Jistgħu jkunu wkoll membri oħra tal-familja li ma tantx imorru tajjeb magħhom. Ħallihom jiskopru modi ta’ kif jistgħu jgħinu lill-oħrajn iħossuhom aċċettati, milqugħa u maħbuba.

Għin lit-tfal isiru jafu dwar gruppi fil-Parroċċa u organizzazzjonijiet oħra li joperaw fuq livell nazzjonali u li l-għan tagħhom hu li jgħinu lil min hu fil-bżonn u lill-vulnerabbli (bħal Puttinu Cares u d-Dar tal-Providenza). Enfasizza l-fatt li l-biċċa l-kbira ta’ dawn l-entitajiet, għalkemm jimpjegaw nies għal servizzi speċjalizzati, jibqgħu għaddejjin grazzi għall-appoġġ ta’ għadd ta’ volontiera.

Il-karità tibda mid-dar! Issuġġerixxi modi kif it-tfal jistgħu jkunu ta’ servizz għall-oħrajn. Id-dar jistgħu joffru li:

  • jagħmlu xi faċenda li mhux soltu jagħmlu;
  • jippreparaw il-mejda għall-ikel;
  • jekk kbar biżżejjed, jgħinu fit-tqassim tal-ikel;
  • joffru li jnewlu xi affarijiet neqsin;
  • jaħmu xi kejk u jservuh lill-familja bħala ħaġa speċjali!

Għinhom iżejnu kartonċina, bi stampa kkulurita ta’ qalb u fiċ-ċentru tagħha jiktbu l-kliem “Alla jħobbok”, u ħalli l-membri tal-familja kollha jiktbu “Anke jiena” madwarha.

Ħin tat-talb mal-Familja

Għin lit-tfal biex jesprimu fi kliem, il-ħsibijiet tagħhom f’talbiet, mhux biss għal dawk fil-bżonn u għall-vunerabbli, iżda wkoll għall-voluntiera kollha li joffru l-ħin u l-enerġija tagħhom għas-servizz tal-oħrajn.

San Vinċenz għen lill-fqar u lill-ħabsin, skont it-tagħlim ta’ Ġesù.

Illum se nagħmlu bookmark!

Ejjew bħal San Vinċenz ngħinu lill-oħrajn iħossuhom maħbuba!

X’għandna bżonn:

  • Kuluri/markers/dekorazzjonijiet
  • Kartonċina A4
  • Imqass u glu

X’irridu nagħmlu:

  • Fuq il-kartonċina pinġi u aqta’ kaxxa (daqs 5ċm x 20ċm)
  • Ikteb messaġġ ta’ motivazzjoni fuq il-kaxxa li qtajt u żejjinha bil-kuluri/markers/dekorazzjonijiet
  • Tista’ tagħmel aktar minn waħda!
  • Ħu ritratt tal-bookmark tiegħek u ibagħtu lilna!
  • Wara, ibgħat jew agħti l-bookmarks lil dawk li qed ibatu jew għaddejjin minn mumenti diffiċli. Jekk trid tista’ tibgħat il-bookmark tiegħek lill-ħabs jew istituzzjonijiet soċjali oħra.

Kif tuża dan l-ispazju

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż permezz tal-qaddisin tal-Knisja. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet li jistgħu jgħallmuk dwar x'inhi l-qdusija u li jħeġġuk tgħix ħajja dejjem aktar qaddisa.