Tama 8-11-il sena

Il-Kaxxa tal-Avvent

L-Avvent huwa żmien speċjali li matulu nħejju ruħna għall-Milied. Aħna nħejju d-djar tagħna, il-klassijiet, it-toroq u l-ħwienet sabiex ikunu mżejna sabiħ kemm jista’ jkun. Iżda l-aktar ħaġa li għandna nippreparaw hija QALBNA.

Matul l-erba’ ġimgħat tal-Avvent, ser nirriflettu u nitolbu għal: Tama, Imħabba, Ferħ u Paċi.
(l-ordni mhijiex importanti, daqs kemm li nħallu lil dawn il-virtujiet iħejjulna qalbna għal Ġesù)

(Għall-età bejn 4- 7 żur riżorsi fuq hawn.)

  1. Għamel printout fuq kartonċina bajda.
  2. Agħti l-kulur u aqta’ max-xifer.
  3. Itwi u wża l-gloj biex tagħlaqha forma ta’ kaxxa.
  4. Uża r-riflessjonijiet u talb bħala għajnuna sabiex matul l-Avvent tħejji qalbek biex tilqa’ lil Ġesù.

It-tama hija meta jkollna fiduċja li se tiġri xi ħaġa tajba. Bħal pereżempju, li se jkollna temp sabiħ il-Ħadd u nkunu nistgħu mmorru picnic mal-familja kollha; ikollna t-tama li jispiċċaw il-gwerer u jkun hawn il-paċi fid-dinja; nittamaw li meta mmorru d-dar, insibu l-ikel favorit tagħna; nittamaw li ngħaddu mill-eżamijiet! Nistgħu wkoll nittamaw li jinżammew il-wegħdiet li sarulna. Pereżempju li l-ġenituri tagħna jżommu l-wegħda tagħhom u nsiefru waqt il-vaganzi tal-Milied; nittamaw li n-nanniet iżommu kelmithom u jagħtuna l-logħba li wegħduna; nittamaw li l-ħabib/a, iżomm/iżżomm il-wegħda u jiġi/tiġi jgħinni/tgħinni fl-istudju. Ta’ dan kollu aħna ma għandnix ċertezza li ser iseħħu. Iżda, Alla wkoll għamel ħafna wegħdiet magħna, u minn dawn aħna ċerti. Alla dejjem żamm il-wegħdiet tiegħu. Huwa wiegħed li jibgħat lil Ibnu biex isalvana. U hekk għamel, Alla żamm kelmtu. Ġesù twieled, bata’, miet u qam mill-mewt. Ġesù salvana mid-dnub tagħna. Ġesù għamel ħafna wegħdiet magħna, ukoll. Ġesù qatt ma jmur lura minn kelmtu. Ġesù wegħdna li jkun dejjem magħna. Hu wegħdna li jgħinna u li jaħfrilna dnubietna. X’wegħdna aktar Ġesù?

  • Ftakar li Alla qiegħed miegħek kuljum, kullimkien, għaddej minn xhiex għaddej, Alla qiegħed miegħek
  • Fakkar lill-oħrajn li Alla qiegħed magħhom, speċjalment jekk qed iħossuhom waħedhom, imweġġa’ jew għaddejjin minn żmien diffiċli. Fakkarhom fi frażijiet mill-Bibbja, bħal: Għax inti, Sidi, it-tama tiegħi (Salm 71, 5)
  • Ittama fil-Mulej b’qalbek kollha (Proverbji 3, 5)
  • Alla tat-tama jimliekom ilkoll bil-ferħ u s-sliem (Rumani 15, 13)
  • Jiena magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien (Mattew 28, 20)
  • Itlob għall-bżonnijiet tal-oħrajn
  • Qabel ma torqod, ftakar fl-affarijiet tajba li ġrawlek matul il-ġurnata, u rringrazzja lil Alla għalihom
  • Uri lill-oħrajn li jimpurtak minnhom, speċjalment dawk li jħossuhom waħedhom
  • Offri l-għajnuna tiegħek

Mulej Ġesù, imla lil qlubna b’tama ta’ stennija għall-miġja tiegħek, sabiex inkunu lesti li nilqgħuk ġewwa qalbna u f’moħħna wkoll. Ammen.