Fl-Evanġelju ma nsibu xejn dwar it-tlugħ tal-Madonna fis-sema. Fl-1950, Papa Piju XII, iddikjara li aħna l-insara lkoll nemmnu li “l-Omm t’Alla bla tebgħa dejjem Verġni Marija, meta spiċċatilha l-ħajja tagħha ta’ hawn fl-art, kienet imtella’ għall-glorja tas-sema bir-ruħ u l-ġisem.”
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa (1, 46-56)
Imbagħad qalet Marija:
“Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi, għax hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. Iva, minn issa ’l quddiem kull nisel isejjaħli hienja, għax is-setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; qaddis hu l-isem tiegħu. Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien fuq dawk li jibżgħu minnu. Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom. Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, u għolla ċ-ċkejknin. Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, u l-għonja bagħathom ’il barra b’xejn. Ħa ħsieb Iżrael qaddej tiegħu, għax ftakar fil-ħniena tiegħu, bħalma wiegħed lil missirijietna, b’risq Abraham u nislu għal dejjem.” Marija baqgħet ma’ Eliżabetta għal tliet xhur u mbagħad reġgħet lura lejn darha.
Il-Kelma tal-Mulej Tifħir lilek Kristu
Marija tgħallimna li:
Wara din il-ħajja, hemm ħajja oħra għal dejjem ma’ Alla
Hi baqgħet sal-aħħar tobdi lil Alla
O Marija, li dħalt fid-dinja mingħajr tebgħa aqlgħalna l-grazzja li noħorġu minnha mingħajr ħtija.
Fl-ewwel attività kellkom tirranġaw rokna speċjali għall-Madonna, f’xi kamra, jew barra fil-bitħa jew ġnien. Il-Madonna hija omm tagħna u hija wkoll reġina. Meta ttellgħet fis-sema, hi ġiet inkurunata Sultana tas-sema u tal-art. Għamlu kuruna tal-fjuri jew tal-karti biex tlibsuha lill-Madonna. Jekk għandkom tpinġija, pinġu l-kuruna, jekk għandkom inkwatru, għamlu kuruna tal-fjuri u poġġuha madwar l-inkwatru.
Kantaw xi innu favorit tal-Madonna u wara għidu t-talba ta’ Konsagrazzjoni lill-Madonna