Il-Ferħ 8-11-il sena

Il-Kaxxa tal-Avvent

L-Avvent huwa żmien speċjali li matulu nħejju ruħna għall-Milied. Aħna nħejju d-djar tagħna, il-klassijiet, it-toroq u l-ħwienet sabiex ikunu mżejna sabiħ kemm jista’ jkun. Iżda l-aktar ħaġa li għandna nippreparaw hija QALBNA.

Matul l-erba’ ġimgħat tal-Avvent, ser nirriflettu u nitolbu għal: Tama, Imħabba, Ferħ u Paċi.
(l-ordni mhijiex importanti, daqs kemm li nħallu lil dawn il-virtujiet iħejjulna qalbna għal Ġesù)

(Għall-età bejn 4- 7 żur riżorsi fuq hawn.)

  1. Għamel printout fuq kartonċina bajda.
  2. Agħti l-kulur u aqta’ max-xifer.
  3. Itwi u wża l-gloj biex tagħlaqha forma ta’ kaxxa.
  4. Uża r-riflessjonijiet u talb bħala għajnuna sabiex matul l-Avvent tħejji qalbek biex tilqa’ lil Ġesù.

Il-ferħ li jagħtina Ġesù, huwa differenti minn dak il-ferħ, meta pereżempju nirċievu xi rigal li ilna nistennew. Nifirħu għal xi żmien, iżda mbagħad dan il-ferħ jgħaddi. Il-ferħ li jagħtina Ġesù, hu l-ferħ li għandna għax nafu li Ġesù salvana, li hu qiegħed dejjem magħna, dan il-ferħ, ma jispiċċa qatt. Niftakru li aħna jkollna l-ferħ f’qalbna meta noqgħodu l-bogħod mid-dnub u nobdu lil Alla.

  • Aqra dwar il-ferħ u l-imħabba ta’ Alla, meta nduru lura lejh, wara li nindmu. Aqra waħda minn dawn il-parabboli: in-nagħġa l-mitlufa, id-drakma (munita) mitlufa, l-iben il-ħali (San Luqa 15, 1-24)

    Ipprattika kif jista’ jkollok il-ferħ f’qalbek, billi:
  • Tmur il-quddies
  • Titlob u taqra l-bibbja
  • Titlob għall-oħrajn
  • Tgħin u tħobb lill-oħrajn
  • Temmen li Alla dejjem iħobbok

Mulej Ġesù, għinna biex mhux biss ikollna l-ferħ tiegħek ġewwa qalbna, imma ngħaddu dan il-ferħ lill-oħrajn ukoll. Ammen.